Saturday, December 28, 2013

Ħamiema



M’iniex bajda u għalhekk ma naħsibx li nista’ nitqies bħala simbolu ta’ paċi.  Waħda mill-griżi li ssib f’kull belt.  Ma nsaffarx.  Ma ngħanniex.  Inbarrak biss.  Ma nafx nibni bejta.  Fil-fatt insib il-kenn f’barumbara, minflok f’xi siġra.

Illum imma tlaqt mill-belt.  U minflok mort f’raħal.  Raħal li jidher antik u jaqbel mal-griż tiegħi imma jsejħulu ġdid.  Imtlejt bit-tama li forsi allura xi darba lili flok ħamiema jsejħuli verdun.  Jew aħjar li jistmawni ta’ wieħed.

Sibt ruħi f’dan il-bini kbir b’bitħa enormi f’nofsu.  Tieqa waħda ħdejn l-oħra.  Ċkejkna.  Daqs il-garżelli tal-pustiera li ħadu xogħol l-antenati tiegħi.

F’salt wieħed sibt ftit frak tal-ħobż u naqqart.  Min kien ġewwa kellimni.  B’lingwa li ma tinftiehemx.  Jien tajt żewġ daqqiet b’rasi.  Wara ġie xi ħadd ieħor.  Ma kellimniex.  Kellem lil min kien qed ikellimni.  Din id-darba fhimtu.  Qallu li jien qed ngħatti ‘l ftit dawl li dieħel.


U tlaqt bil-kwiet bħal antenat li jaf li qed iġorr aħbar ħażina f’munqaru, imma li jaf li serraħ lil min bagħtu biha.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi tar-ritratt inspirattiv tiegħu.

Saturday, August 3, 2013

Għall-bejgħ



Xi darba kont dar.  Kont ta’ kenn.  Erba’ ħitan u saqaf.  B’bieb li jiftaħ biex jilqa’ lil min ġie minn barra.  Kemm lil xi barrani biex iżur, jew għal ta’ ġewwa stess li jien għalih kont bħall-ħobża ta’ kuljum.  Il-ħobża, l-ikel li jittiekel wara ġurnata ta’ ħidma, id-dar il-post fejn tmur wara l-istess ġurnata ta’ ħdima.  Il-ħobża l-kittla.  Jiena l-ispiritera.  Il-ħobża tintiehem aħjar fid-dar fejn m’hemmx bżonn tinqata’ dritta.
Il-bieb kien jingħalaq ukoll.  Wara ġurnata ta’ ħidma ta’ ġewwa riedu jingħalqu għalihom.  Riedu s-silenzju, li l-ħitan tiegħi kienu jagħtu bil-ġebel dobblu.  Għax ix-xemx sabiħa imma kemm se ddum tħares lejha dirett?  F’xi ħin trid id-dell jew anke d-dlam ħalli l-istess għajnejn li tpaxxew biha jistrieħu.

U l-ħitan servew ukoll biex l-argumenti jibqgħu hemm u ma joħorġux.  Bħax-xita li kienet tinżel u li kien jsorru fil-bir li hawn fil-bitħa.  Ta’ barra ma jidħolx, ta’ ġewwa ma joħroġx.

Illum m’għadniex dar.  Illum biċċa art li t-tlett aħwa għandhom ideat differenti ta’ min jista’ jsib kuntrattur l-ewwel.  Min jasal l-ewwel ħa jirbaħ perċentwal ikbar. 
Ma hemmx bżonn ninżebagħ bħal qabel.  Għax jien mhux bħal baqra li trid tinbiegħ għall-ħalib.  Imma bħal ħatba li aktar kemm issir irmied malajr aktar aħjar.



Ir-ritratt li nebbaħ din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi.  Għal darb'oħra grazzi minn qalbi Pawl.

Friday, April 5, 2013

Sinjal





Ħarist ‘il fuq bħas-soltu.  Ix-xemx għajjiena u ma għamitniex.  Is-sħab għattewha.  Imma mingħajr wisq forza.  Qishom qed jgħidulha illum mhux il-ġurnata tiegħek imma billi tittawwal ftit mhux se niġġieldu.  U s-sħab baqa’ bajdani, qisu s-suf ta’ nagħġa li marret tirgħa fil-wied u wara li meliet żaqqha ħadet ħsieb li tinżel ftit fl-ilma titlaħlaħ ħalli r-raħħal jtaptpilha ftit rasha b’ċertu ġentilezza u jgħidilha, ‘imma inti kif qatt ma titħammeġ?’

L-enormita ġġiegħlni tħossni żgħir bħal meta nħares lejn il-baħar.  Imma hemm fuq m’hemm interrozjoni ta’ xejn.  M’hemmx blat fejn l-ilma jiltaqa’ u jwaqqaf il-mewġ.  Lanqas irziezet tal-ħut li jtappnu ftit il-veduta.  Hemm baħħ u minimaliżmu li jimla kollox fl-istess ħin.

Imma issa qed nara sinjal jaqta’.  Imma das-sinjal mhux bħal meta tagħmlu fuq ħġieġa, fuq injama, fuq karta, fuq wiċċek jew jagħmluhulek f’qalbek.  Dan daqt jisfa fix-xejn u taf jien biss qed narah bħalissa.  Qed ‘il fuq, ‘il fuq.  Ma naħsibx li xogħol xi ajruplan tar-Ryanair li ma jmurx ‘il bogħod wisq.

Qed naħseb li x’aktarx xi ajruplan kbir, li se jaqbeż il-fruntieri Ewropej.  Min qed fih x’aktarx mhux japprezza fejn qiegħed.  Qiegħed bil-qegħda mitluf fi ħsibijietu, f’xi ktieb jew f’xi film li taf qed jarah aktar biex joqtol il-ħin milli għax irid jarah.  U ma jafx li l-vettura li qed fih qed iħalli s-sinjali warajh.

U se jaqsam minn pajjiż għall-ieħor u fejn se jieqaf mhux se jsaqsuh kif kien is-sħab hemm fuq, imma sempliċiment fejn hu l-passaport.


Dawn l-erba' kelmiet huma mnebbħa mir-ritratt ta' hawn fuq li għal darb'oħra huwa xogħol sieħbi Pawlu Mizzi.  Midjun lejk ħabib.

Monday, January 7, 2013

Bandiera





Il-passaport aħmar waħdu bi kliem sofor kulur id-deheb.  Il-bandiera hawnhekk bajda u ħamra, u flok kliem bid-deheb, salib griż.  Poeta Nomadu u li jikteb bil-Malti, Antoine Cassar ifakkarni li l-passaport huwa biċċa dokument li hawn min għamlu bżonnjuż meta fil-fatt m’hemmx bżonn tiegħu.  Tkun barra ikollok tieħu ħsiebu aktar mill-kartiera.  Qisek dak li jpejjep u jistqarr li ġismu għandu bżonn in-nikotina.  U jitfa’ n-nikotina f’ġismu, daqs li kieku l-aktar ħaġa naturali u instintiva għall-ġisem.  B’mod simili ħolqulna l-passaport.  Biex naqsmu minn post għall-ieħor.  Qisu d-dinja mhux waħda.  Inħolqu fruntieri biex qisu jkollna pakketti tas-sigaretti differenti mill-oħrajn.  Daqs li kieku mhux kollha nikotina u tabakk għandhom.  U mhux kollha duħħan jipproduċu, li jġagħluk tisgħol agħar milli meta jkollok riħ u ddejjaq u tnitten lil ta’ ħdejk bihom.

Fid-dgħjufija tiegħi l-bandiera kultant naraha tixgħel.  Oħrajn biċċa drapp mimlija mugrufun.  Bħal mara li kultant taraha ordinarja u oħrajn qisha personifikazzjoni ta’ dak kollu li hu sabiħ.  U mhux ir-riħ u jekk tperpirx jew le li tagħmilli din id-differenza.  Inkun il-barra minn din il-biċċa art bi fruntieri matul il-baħar Mediterran u b’xi mod nilmaha, x’aktarx ma’ xi uffiċju tal-AirMalta u nħoss rehxa ma’ ġismi.  Qisu l-mument preżenti mhux biżżejjed u li qtajt biljett biex tinqata’ ftit minn dik l-art kien xi żball.  Trid tmur lura lejn dak li ħrabt minnu imqar għal ftit jiem.  Bħal meta titla’ quċċata ta’ muntanja u minflok tgħożż il-veduta u s-sħab taħt saqajk tehwden li t-telgħa kollha li tlajt issa trid tinżilha l-isfel.  Bħal li kieku issa li rbaħt ix-xjaten kollha biex tlajt mhux kull qaddis se jgħinek għan-niżla.

Imma forsi bħalissa qed nara l-iswed biss.  Għax forsi l-griż ta’ din il-bandiera bil-fors ifakkrek fil-gwerra.  U jekk gwerra mhix sewda ma nafx x’jista’ jkun iżjed iswed.  Għax bandiera fl-Olimpjadi titla’ bil-mod il-mod u kulħadd japprezzaha.  Ma jkunx hemm min isaffar.  Kultant tfakkrek li hawn irkejjen oħra tad-dinja li jekk m’għandhomx isem jew bandiera , inti qatt ma titħajjar iżżur jew tesplora dik ix-xi ħaġa ta’ seħer li żgur li għandhom differenti minn irkejjen oħra.

Umbgħad hemm fenomenu ieħor.  Fenomenu ta’ nies bla passaport u wisq anqas bandiera.  Għax forsi l-passaport irmewh waqt li qed jaqsmu baħar kiefer li kien deher li se jiblagħhom.  U minkejja li fir-realtà qatt ma kien hemm bżonnu, dak li jkun hemm mal-fruntiera bħall-ġisem li dara n-nikotina u meta ma ttihilux itertqek minn ġewwa.

Għal darba oħra, dawn l-erba kelmiet kienu inspirati mir-ritratt ta' hawn fuq li ttieħed minn sieħbi Pawlu Mizzi.

Saturday, December 29, 2012

Sharon u l-borma Teflon


Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura dejjem nieħu gost immur.  Normalment lejn l-aħħar ta’ Awissu jew bidu ta’ Settembru, fil-għaxija jkun hemm żiffa ħelwa fil-Ġnien tal-Mistrieħ, u l-Imsida minn hemm fuq tidher ħafna isbaħ milli meta tkun b’seba’ għajnejn f’liema ringiela trid taqbad int u ħiereġ jew dieħel il-Belt.  Il-post huwa sekondarju imma għax wara kollox ankè meta kien isir il-Birgu fil-Couvre Porte, Inizjamed dejjem ħarġu bl-unuri wkoll.

Din is-sena, s-Sibt lejn l-aħħar tas-serata telgħet ċerta waħda Suad Amiry, Palestinjana tgħix il-Palestina, wara li trabbiet bejn Amman, Damascus, Beirut u l-Kajr.  Persunitha malajr imliet il-palk, u malli ħadet il-mikrofonu tista’ tgħid li mliet is-serata kollha għax bdiet tgħid storja wara oħra b’umoriżmu iswed li minkejja li issa kien dalam sew xorta spikka u ċarrat il-ħluq tal-udjenza.

Xogħolha bigħietu mingħajr ma semmiet prezzijiet, ħabtet bibien, iffittat in-nies jew nefqet il-flus fir-riklami.  Dawn il-ġimgħatejn irnexxieli naqra tnejn mill-kotba tagħha.  Bdejt b’Nothing To Lose But Your Life, u ħassejtni dovut lejha li nagħmlilha reċensjoni ċkejkna, li tinsab hawn.  Il-ktieb pjuttost qasir u wara li spiċċajtu bħal meta ddur lejn it-tieni platt dort lejn Sharon and my Mother-In-Law.  Għal darba oħra, l-kitba tagħha nfurmatni u tatni sodisfazzjon kbir.  Issa li qrajt dawn iż-żewġ kotba tagħha, ridt qisni ntawwal il-kuntatt ma’ din l-awtura u ddeċidejt li nittraduċi kapitlu minnhom.


Sharon u l-borma Teflon


Kollox beda meta kien wara nofsinhar u kont vera qed nipprova nieħu siesta.  F’ġranet normali, meta jiġini ċ-ċans, inħobb norqod tkun xi tkun is-siegħa tal-ġurnata.  Din tista’ tkun sors ta’ tensjoni serja bejni u żewġi insomnjaku.  Ta’ spiss malli nisma’ lil Salim idaħħal iċ-ċavetta fis-sallatura, naqbeż minn fuq is-sodda , niġri sas-sufan, u npoġġi dritta, bil-pretensjoni li mqajjma.  Naħseb Salim jistagħġeb kif jara lil martu daqshekk mitlufa wara ġurnata twila ta’ xogħol iebes.

Mit-13 ta’ Settembru, meta l-Armata Iżraelita imponiet kerfju fuq Ramallah, għadni ma xriftx barra mid-dar.  Il-lejl li għadda, ftit wara nofs il-lejl, għall-ewwel darba xrift sal-grada tal-ġnien.
It-tentattiv tal-bieraħ biex nieħu siesta ma kellu x’jaqsam xejn ma’ li ridt norqod (jew ma’ Salim, li siefer ftit jiem qabel imponew il-kerfju); kien sempliċiment  falliment li noqtol ftit siegħat mis-siegħat twal tal-ġurnata waqt kerfju.  Forsi wkoll il-fatt li qiegħda waħdi jtawwal is-siegħat tal-ġurnata.

Dort fuq is-sodda naħseb fuq omm Salim, li għal darba oħra qiegħda maqbuda fl-appartament tagħha stess.  Id-demolizzjoni Iżraelita tal-kwartieri ta’ Arafat bl-isplussivi, ħallew lil omm Salim waħedha f’dar bil-ħġieġ tat-twieqi mkissra, terazzin tal-konkrit nofsu mwaqqa’, u bi frak tat-tafal tal-qsari jiġru ma’ kullimkien.  Ma rnexxiliex naqbadha, għax il-ħâriet residenzjali madwar al-Muqata’a ġew dikjarati żoni militari magħluqa, (apparti li huma wkoll taħt il-kerfju).

Sfurzajt lili nnifsi nieqaf naħseb fuqha, għax ma kien hemm xejn xi stajt nagħmel biex noħroġha minn fejn qiegħda, żona mġarrfa b’vendikazzjoni mill-Armata Iżraelita.
Kont qed nipprova kemm nista’ biex norqod meta ħsejjes inkredibilment irritanti bdew jidħlu mit-twieqi tal-kamra tas-sodda.  Dawn il-ħsejjes b’ritmu kienu ħafna agħar mit-twerżiq tat-tfal tal-ġirien jilagħbu fil-ġnien.  Spiss, kelli nwaqqaf lili nnifsi milli noħroġ barra u ngħajjat kemm niflaħ waqt li huma jiġru, jgħajjtu, jiġġieldu u jitolbu lil ommhom biex tkun il-maġistrata fil-litikazzjonijiet tagħhom.

Il-ħsejjes baqgħu sejrin, u sibt lili nnifsi noħroġ mid-dar b’mod isteriku.  Sibt lil Omar, tifel ta’ tlett snin, b’lasta twila f’idu, jsabbat b’kemm saħħa l-muskoli ta’ tlett snin ituh fuq bott tal-ħalib.  Ħarist lejh, u b’ħanġra daqsiex bdejt ngħajjat: ‘OMAR... f’ġieħ Alla ieqaf.  It-tanbir tiegħek se jibgħatni hemm fuq.  Biżżejjed.  Jekk jogħġbok.’  Omar ħares lejja b’wiċċ pallidu u mbeżża’, xofftu t’isfel titriegħed.  Wara ġera lejn ommu, u ħalla l-lasta u l-bott tal-ħalib warajh.  Jien dort lura lejn dari, mbeżża li ommu titfaċċa.
Bdejt nistħi minni nnifsi li tlift it-tempra b’dak il-mod ma’ tifel, imma t-tanbir verament daħalli f’rasi.  Qatt ma bsart li kellu jkun it-tanbir ta’ Omar li jifqgħali dak li ilni niġma’ matul dawn l-aħħar tlettax –il ġurnata ta’ kerfju.  Kull tentattiv għal siesta dakinhar kollha sfaw fix-xejn.
Ċedejt, ħriġt mis-sodda, u dħalt lura fir-rutina tal-kerfju:
Rajt l-aħbarijiet,
Għamilt ħafna te u kafè,
Iċċekjajt l-imejls għas-seba’ darba,
Żort il-websajt tal-Ha’aretz,
Komplejt naqra il-ktieb ta’ Raja Shehadeh, Strangers in the House,
Rajt aktar aħbarijiet,
Tmajt lil Nura (Naħseb Nura tieħu gost bil-kerfju għax nagħmlilha aktar mill-ikla waħda tas-soltu, u tgħaddi aktar żmien miegħi mis-soltu),
Tmajt lili nnifsi,
Ħriġt mid-dar u xrift fil-ġnien,
Erġajt dħalt id-dar,
Tkellimt fuq it-telefown għal darb’oħra, pruvajt nanalizza is-sitwazzjoni politika, staqsejt u weġibt l-istess mistoqsijiet għall-enneżmu darba:
Se jkun hemm gwerra fl-Iraq?
Sharon se jkeċċi lil Arafat din id-darba?
Għaliex Sharon attakka ż-żona al-Muqata’a f’dan iż-żmien partikolari?  Għaliex attakk tant offensiv f’dan il-mument?
Forsi biex jimpedixxi r-riformi antiċipati tal-Awtorita Nazzjonali Palestinjana billi jsaħħaħ il-kredibilita u l-leġittimita internazzjonali ta’ Arafat?

Il-konversazzjonijiet fuq it-telefown baqgħu għaddejin għal siegħat u siegħat.  Il-linja tat-telefown dejjem okkupata żiedet l-ansjetà fuq omm Salim.
‘Nipprova naqbed il-ħin kollu imma l-linja tiegħek dejjem engejġ’, kienet tgerger ta’ spiss.
Mhux biżżejjed li ma nistax narak?’
Kull darba li omm Salim ċemplet (u ċemplet ħafna aktar milli tista’ taħseb), wara li tiddeskrivi kif dawn il-haywanaat (annimali) qegħdin jistradikaw al-Muqata’a, kienet dejjem tirrepeti l-mistoqsija, ‘Suad, meta taħseb li ħa jwaqqfu l-kerfju?’
‘Dalwaqt, dalwaqt,’ irripetejt għal tlettax –il ġurnata, bl-istess vuċi awtoritarja, minkejja li ma kelli l-ebda ħjiel jekk dan il-kerfju kienx se jkun bħal dak impost fuq Nablus, sitta u disgħin jum ilu.

Imxebba’, dħalt fis-sodda relattivament kmieni.  Għall-ebda raġuni qomt f’nofs il-lejl.  Hekk kif ħassitni mqajjma, ċ-ċkejkna Nura ġriet lejn il-bieb, biex neħodha barra għal nunu (awrina).
Ftit wara li erġajt dħalt id-dar, smajt ħafna sparar.  B’pass meqjus  erġajt ħrigt barra.  L-isparar deher li ġej mill-bogħod sew, imma l-ħsejjes tagħhom inħassu strambi f’dan il-ħin.  Bdew jirbombjaw mal-widien tal-punent ta’ Ramallah.  Billi ma stajtx ngħid x’kienu eżatti dawn l-isparar, imxejt lura ġewwa u xegħelt l-aħbarijiet tal-al-Jazeereh, bit-tama li jirrapurtaw xi ħaġa fuqhom, imma ma kien hemm xejn.  Hekk kif il-ħsejjes tal-isparar bdew jinħassu aktar qrib u ogħla, smajt lill-ġirien jgħajjtu: ‘Aqbdu l-borom u t-taġnijiet u ibdew ħabbtu’.
Ġrejt il-barra u rajt ħafna ġirien fit-triq.
‘Borom u taġnijiet?’, staqsejt.
Tanager... tanager (Borom .... borom)!’ qaltli Sari, it-tifla tal-ġara bid-daħka.
‘Mela kemm kont qed issajjar biex il-borom kollha mimlija?, qalli wieħed mill-ġirien.
‘Borma vojta?’, staqsejt, nofsni rieqda.
‘Borma bil-għazz tajba wkoll’, wieġbet Sari, din id-darba tidħak aktar bil-qalb.
‘Jogurt imsajjar jerġa’ aħjar’, qalet Haifa.
‘Tajjeb, tajjeb, fhimt’, weġibt hekk kif irrealizzajt li din veru kienet qed isseħħ u ma kontx f’nofs ħolma.
B’eċitament kbir dħalt id-dar, ġrejt sal-kċina, ftaħt l-armarju, ħadt l-akbar borma tat-Teflon u ħriġt bil-ġirja lura fit-triq.  Kif għaddejt mil-kamra tas-salott ħarist lejn l-arloġġ – kienu nofs il-lejl daqqu.

Alla!  Kif il-Palestinjani jibdew id-diżubbidjenza ċivili tard bil-lejl?  Naħseb minħabba s-siestajiet twal li ħadu matul dawn l-aħħar tlettax –il jum.  Ħriġt barra biex ningħaqad mal-ġirien itanbru, biss indunajt li nsejt l-imgħarfa biex intanbar biha.  Ma tantx jien maqtugħa għal din it-tip ta’ reżistenza paċifika kontra l-Okkupazzjoni, għedt bejni u bejn ruħi.

Imma ma tantx domt biex veru dħalt fiha.  Tanbart, werżaqt u dħakt, hekk kif rajt wieħed mill-ġirien jitla’ fuq il-bejt biex itanbar fuq it-tank tal-ilma, ieġor beda jħabbat mal-arblu tad-dawl, u ieħor fuq barmil taż-żingu taż-żibel.  Kienet qisha xena ta’ manikomju.  Tagħtix kas għedt lili nnifsi, anke jekk il-messaġġ ma jasalx sa Sharon u l-armata li qed tokkupana, hija terapija mill-aqwa.

Kont kważi bla nifs u kompleta mitlufa ntanbar fuq il-borma tat-Teflon nofsha mgħawwġa, meta ċ-ċkejken Omar deher bil-piġama roża jogħrok għajnejh.  Ġera lejja u qalli:
Khalto... għaliex it-tanbir tard bil-lejl tajjeb?

Għal sekonda ġejt bla kliem, imma wara dħakt u dħakt, għannaqt liċ-ċkejken Omar miegħi u għedtlu: ‘Ħabibi Omar, veru qed jiddispjaċini... imma xi tgħid kieku tmur iġġib il-bott tan-Nido issa?’

Omar mar lura lejn il-bott deżertat, qabad il-lasta tal-injam f’idu, u beda jtanbar b’tbissima mimlija sodisfazzjon li xegħlet il-wiċċ ħelu tiegħu.

Xi siegħa wara kollox għadda, u dħalt lura d-dar, kompletament sfinita.

Hekk kif kienet qed tmur għajn bija, bdejt naħseb jekk wara kollox iċ-ċkejken Omar hux wieħed mill-mexxejja żgħar u krejattivi tal-Moviment dejjem jikber Diżubbidjenża Ċivili Palestinjana!

Wednesday, December 12, 2012




Is-Sibt fil-għodu kmieni.  Irrid nidħol sal-Belt aktar tard.  U fettilli niċċekja x’temp se jkollna.  Ħassejtni Ingliż fuq hekk.  U bħas-soltu meta rrid niċċekja t-temp, dħalt fuq il-Google u ttajpjajt il meteo Valletta.  Niċċekja x’se jkollna taħt rasna mill-Italja minflok minn hawn stess.  Imma llum id-dinja hekk.  Dak li hu ‘l bogħod minnek jasal qabel dak li hu qribek.  Kultant tistaqsi opinjoni fuq il-borma tiegħek lill-ġar.  Speċjalment jekk hu kok u inti m’intix.  Anke jekk wara kollox li hemm fil-borma se tieklu inti stess u mhux hu.

Illum qalli coperto.  Mela xita m’hemmx.

Dħalt il-Belt kif pjanajt.  Ipparkjajt ftit ‘l hemm mid-Dar tal-Mediterran u mxejt mal-periferiji tal-kapitali.  Għaġla ma kienx hemm.  U pposponejt ftit iż-żewġ qadjiet li suppost kelli nagħmel fil-qalba.  Is-Sibt għalhekk inħobbu.  M’iniex immexxi.  Niddetta jien.  U billi jien kopert mis-sħab la hija sħana u lanqas bard.  Mhux għax li kieku ħarġet ix-xemx kont se ngerger imma s-sħab illum fihom is-sabiħ tagħhom.  Dak is-sit Taljan reġa’ qata’ eżatt.  Li bassar seħħ.  Naħseb is-satellita tiffaċilita t-tbassir tat-temp daqskemm il-mapep jiffaċilitaw li ssib post.  Forsi veru l-misteru qed jitlaq imma kultant mhux sorpriżi għandek bżonn imma kontroll.

Il-koppla ħamra per eżempju tidher f’kontroll assolut tas-sitwazzjoni.  Inbnew u nbnew id-djar imma hi baqgħet il-kmand tax-xefaq.  Sorpriża kieku x’tista’ tagħmel?  Il-krejn veru tidher itwal imma xorta m’hemm ebda sorpriża minnha.  Drajna bihom issa.  U żgur mhix tiddomina.  Tkerrah xi ftit biss.  Dak il-limitu tagħha.  

Almenu sa issa.


Ir-ritratt li inspira din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi.  Għal darb'oħra grazzi Pawl.

Sunday, November 18, 2012

Ġwejda





Ix-xemx.  Mhux tiżreġ.  Ħanina imma tfakkrek li qiegħda hemm.  Mingħajr wisq għajjat.  Bħal alarm tad-dar, li taf li qiegħed hemm anke jekk hawn skiet perfett.  Komma twila tinfelaħ jekk il-qosra għadek m’għaddejthomx.  Ir-raġġi kajmani biżżejjed biex iġġegħlek titibissem mingħajr ma tħeddlek.  Il-kaxxa tal-ġelati nħarġet barra bħal kif ħafna ħarġu bin-nuċċali skur xorta waħda għad li s-sajf issa suppost li għadda u mar.

It-tifel qed f’nofsha.  Min hu akbar jippreferi d-dell tal-ħitan twal, u mejda qisha tavolina fejn jista’ jpoġġi l-pinta tal-birra li swietu tlett ewro.  Imma xorta apprezza x-xemx u ħa l-lager kiesaħ minflok tazza inbid.  Min hu akbar xorta qed jidħak.  Hux bl-effett tax-xemx jew tal-birra dik storja oħra.

It-tabella tal-kafe, li għal waħda hemm tnejn, tidher li bħalissa qiegħda hemm bħala tiżjina.  Il-ġurnata daħlet ġmielha u bżonn tal-kaffeina m’hemmx bżonn daqstant.  Min hu ġewwa imma għal bżonn qed jieħu.  Għax min jirrifjuta l-enerġija tax-xemx taf ikun jrid jikkumpensa b’enerġija mod ieħor.

Jew forsi għax l-isem tal-ħanut fakkru fl-Italja.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi għar-ritratt.