Monday, March 31, 2008

Lura

Stennejt, tlaqt, wasalt, qgħadt hemm u issa ilni kważi ġimgħa lura hawnhekk. Lura d-dar. Lura fuq il-blata, li xi kultant kont insejjħilha qaħba u issa qiegħed ngħajjtilha ma. U ħafna affarijiet ma nbidlux, baqgħu għaddejin mingħajr qisu jien qatt ma kont hemm qabel. U issa li ġejt lura, rritornajt lejn ix-xogħol u bdiet ir-rutina ta’ qabel, li kienet imkissra għal kollox f’dawn l-aħħar ftit xhur. U flok il-ġdid, issa qiegħed insib il-familjarità, u l-wens li ġġib magħha din l-istess familjarità. Rutina li xtaqt naħrab għal ftit, imma issa erġajt lura għaliha waħdi, mingħajr imbuttaturi żejda. Waqajt għaliha bħal ma terġa’ taqa’ għal xi vizzju. Bejn għax m’hemmx għażla oħra u bejn għax hemm ċertu kumdita fiha.

U l-bieraħ saqajja ħaduni lura lejn il-klabb. Din id-darba rajthom jilgħabu f’ħin normali. U kif jgħidu l-affarijiet żgħar jagħmlu d-differenza kollha. Ħassejtni tajjeb immur lura, u mhux vera li bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb. Tkun taf x’għandek meta titilfu, u meta ssibu lura tgħożżu iżjed. Ix-xarba tajba qatgħet l-għatx ta’ tlett xhur, u l-uċuħ tas-soltu dehru qishom uċuħ ta’ ġewwa.

U l-esperjenza tat-tlett xhur barra tidher li ħadmet xi ftit. Għasarthom meta kont hemm, perriċthom fuq il-vjaġġ twil lura u issa qiegħed nieħu gost nitwihom.

Tuesday, March 18, 2008

Tnax -il Appostlu

L-ewwel taqbad il-freeway. Umbgħad issuq iżjed. U wara ftit iżjed. Imma l-karozza ma ddejaqniex, mhux bħall-ajruplan. Qiegħed mal-art u għandek kontroll inti stess. Meta ridt waqaft, iċċaqlaqt ftit u mattart saqajk fil-vojt. U ħadt erba’ nifsijiet tal-arja li għalkemm forsi ‘l bogħod minn pura għallinqas mhux artifiċjali. Kultant trid tħalli f’idejn ħaddieħor, oħrajn trid tagħmel kollox inti. Daqqa trid taqra, daqqa oħra trid taqra. Jew tħalli l-baħar iħabbat jew tibni torri tar-ramel ħa ma jilħqekx u jxarrablek saqajk.

U wara l-freeway, dritta u lixxa daqs mara bla gost, taqbad il-Great Ocean Road. Inbniet fl-għoxrinijiet tas-seklu li għadda bħala monument għas-suldati Awstraljani li ma rritornawx wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. It-triq issa dejqa mhux wiesa’. Kemm tgħaddi karozza waħda fuq kull naħa, u flokk dritta, mserrpa’ daqs serp imdawwar ma’ bastun. U flok imdawwra b’art ċatta fuq kull naħa, u raba niexef minħabba n-nuqqas ta’ xita, hemm ħafna tlajja u nżul, u siġar kbar iħaddru fuq kull naħa tal-irdum. Flok tibża li se torqod għax it-triq bla sfida, tibża’ li l-isfida kbira wisq għalik u tiftaħ għajnejk it-tnejn beraħ u toħroġ l-aħjar tal-kapaċitajiet tas-sewqan tiegħek u l-karozza li qiegħed issuq.

U wara tara l-ikħal. Mhux tas-sħab imma tal-oċejan enormi jingħaqad mal-istess sħab. L-oċejan imma mhux bħal baħar ta’ mal-bajja, fejn immut jekk ma ninżilx ftit fih. Hemm xi nies jgħumu imma jien se nħallieh bħal veduta biex inħares lejha mid-distanza.

U wara waqafna għal darba oħra. Hawnhekk hawn it-‘Twelve Apostles’. Billi kien Ħadd il-Palm tista’ tgħid li kien żmienhom. Imma dawn jkunu hawn is-sena kollha. Bl-istess argument taħseb li l-Ġappun pajjiż Kattoliku ħafna, għax hawn mimli bihom, armati b’magni tar-ritratti, waħda aqwa mill-oħra.

It-‘Twelve Apostles’ blat kbir, tiela’ mill-oċejan ftit il-bogħod mill-irdum. Il-blat magħmul mill-franka u għalhekk sofor u meqjusin rotob. L-isem tagħhom jista’ jitqies bħala ngannabli għax minn tnax –il blata baqa’ għaxra. Mhux għax appostlu minnhom tħajjar minn Ġuda imma għax il-ħin kollu jaqilgħu l-mewġ ġo fihom u ftit, ftit qiegħdin nieżlin. Forsi li kienu f’pajjiżna, ċ-Ċaqnu kien jieħu xogħol il-mewġ u jiddikjara dawn l-appostli bħala barriera. Wara l-għajbien tal-appostli tagħha, il-knisja kienet x’aktarx toffri reżistenza ta’ mewġa ta’ waqt Awissu fejn il-baħar imċaqlaq daqs għadira ċkejkna żejt. Imma bħalissa tidher li l-briksa ħadet post il-franka u l-mewġ x’aktarx jitħalla jagħmel xogħolu.

U l-fraġilita tagħhom qiegħda tiġbed aktar nies. M’humiex għal dejjem. Illum hawn, għada ma nafux. U għalhekk qed jiġu apprezzati aktar. Bħal dak jew dik fl-isptar li qiegħed jara nies jżuruh li lanqas biss jiftakar.

Thursday, March 13, 2008

Ian Brown

Il-post mhux kbir wisq. Forsi daqs l-Alley darbtejn jew l-aktar tlieta. Iswed kollu, minn fuq s’isfel. Il-folla tinħass Brittanika. L-aċċent Ingliż jidwi u wara xahrejn u nofs tisma’ aċċent Awstraljan u Ingliż imqanżah jibda jdoqqlok għal widnejk daqs qanpiena fi żmien is-sekondarja waqt xi lezzjoni tedjanti. L-udjenza daqsxejn matura fiż-żmien – il-medja naħseb fuq it-tletinijiet. Matura fiż-żmien, imma bħalissa qiegħda tlegleg il-birra u l-maturita tiżżelleġ f’żogħżija. Hekk, bħal kif in-nida żżelliġlek il-windscreen fil-għodu, tindikalek ġurnata sabiħa ta’ xemx.

Il-ħin, l-għaxra ta’ bil-lejl. Ħareġ il-bassista b’kurunetta f’idu, jdoqq it-tema ta’ ‘The Godfather’. U wara ħareġ hu. Hu, Ian Brown, liebes jeans u flokk suwed, u tazza f’idu b’daħka inkejjuża fuq wiċċu. Ilni nistennieh dan il-mument, minn mindu xahrejn ilu ġbart rivista minn dawk li jagħtu b’xejn u kien hemm riklam tal-lum. Żewġ battuti mill-bassista u nqtajt minn saqajja... Beda bil-klassika ta’ The Stone Roses, ‘I Wanna Be Adored’, il-band tad-disgħinijiet li pproduċiet żewġ albums biss wara ġlied bejnu stess u l-kitarrist John Squire. Żewġ biċċiet ta' xogħol imma li ħallew impatt enormi. U kont naf dak il-ħin stess, li kull darba li nerġa’ mmur fuqha fuq l-Ipod qatt mhu se ddoqq l-istess f’widnejja bħal qabel.

I don’t have to sell my soul
He’s already in me
I don’t need to sell my soul
He’s already in me

I wanna be adored
I wanna be adored


Mument hekk, li wara li spiċċa għedt lil ta’ ħdejja, x’qed tixrob. Ridt niċċelebrah. Telepatija mal-mument. Rari, imma meta jiġu, jġorruk. Jibqgħu ġo fik mingħajr bżonn ta’ ċippep jew ritratti.

U l-lejl kompla. Ftit xogħol minn tiegħu u kultant xi klassika mill-band li għamlitu min hu llum. Mhux popolari mal-masses imma rispettat sewwa minn ċertu sezzjonijiet. Kultant jidher arroganti fuq il-palk, imma forsi dik il-marda ta’ kull band jew persunaġġ minn Manchester. Imma għal-lum u għalih se nagħlaq għajnejja t-tnejn. Imma widnejja miftuħin beraħ it-tnejn u l-mużika tiegħu tgħaqqad lill-udjenza u lili li bħalissa mxarrba bl-għaraq, imma ma jimpurtax. Altru. Irrid nixrob kull sekonda ta’ dan il-gig ħa jkolli aktar x’nogħroq.

Nitla’ fil-bar ta’ fuq wara li spiċċa u jidher li mhux jien biss ħadt siegħa u kwart tajba. Bħalissa jidher li għandu raġun bit-titlu tal-aħħar album tiegħu. ‘The World is Yours’. Id-dinja tiegħi. Qiegħed bħalissa fit-tarf tagħha imma ma jimpurtax.