Sunday, November 6, 2011

Wieħed u għoxrin

Wieħed u għoxrin... numru mhux tond, anzi fart imma li minn tfuliti kellu ċertu affaxinu għalija. Forsi għax hu l-ġurnata li twelidt fih, u kull meta xi ħadd isemmih b’xi mod ifakkarni f’hekk. Naħseb dik l-unika spjegazzjoni għax il-bieb tad-dar qatt ma kien f’dawk l-inħawi, u żgur ma kienx xi numru li naspira għalih f’xi eżami jew hekk. Lanqas kien xi numru ta’ tal-linja li ridt nirkeb kuljum. Illum il-ġurnata imma naħseb nista’ nispjega dan il-faxxinu ma’ dan in-numru aħjar. Wieħed u għoxrin, għal kull kilometru tiġi nofs maratona. U fil-każ tiegħi tiġi l-aktar distanza twila li sa issa lħaqt. U la hi l-itwal distanza li nagħmel, il-wieħed u għoxrin jippreżenta sfida fiżika u mentali. Niftakar l-ewwel darba li għamilthom, kont tlaqt mid-dar sa Għajn Tuffieħa u dort lura. Kien baqa’ ftit biex inlaħħaq il-wieħed u għoxrin, u qgħadt indur mal-akwati sakemm in-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ jaqleb minn għoxrin sa wieħed u għoxrin. Qisni tifel ngħodd iċ-ċenteżmi u jekk ma jlaħħqux ma’ xi numru deċimali, nara minnfejn ħa nsib xi tnejn oħra biex ngħaqqad lira ħalli flok muniti biss fil-karus inkun nista’ ngħid li għandi l-karti wkoll.

Illum kienet ġurnata oħra li sejjħet biex ngħaqqad il-wieħed u għoxrin f’ġirja waħda. U biex inkunu preċiżi mitt metru oħra magħhom. Ġewwa ż-Żurrieq. U wara nduru mal-madwar. Biex ngħaqqdu dawn il-wieħed u għoxrin. Ġo toroq li nammetti li minkejja ċ-ċokon ta’ din il-gżira qatt m’għaddejt minnhom, u li llum ngħid li ħaqqni familjari magħhom ħafna aktar.

Fil-għodu kmieni wara raqda, li ma kienetx sħiħa daqs il-ġirja li ridt nagħmel, bdew jidħlu d-dubji. Stat ta’ moħħ li beda jissospendi fin-nofs il-preparamenti ta’ qabel u dak li jista’ jiġri avolja sa issa qatt ma ġara. Imma doċċa u ftit kolazzjon ta’ kukkudina u ħobż mixwi bil-ġamm malajr mewwet din is-sospensjoni u ftakart li ilni nistenna din il-ġurnata daqs persuna fil-waiting list għal xi viżta l-Mater Dei. U issa la l-ġurnata waslet, jonqos biss li nagħmel dak li ngħix biex nagħmel kull fil-għodu. Din id-darba ma’ oħrajn bl-istess stil ta’ ħajja.

U siegħa qabel wasalt. Ġirja ċkejkna biex nidħol ftit fil-vena u nipprepara ftit, u s-soltu uċuh kienu hemm. Uċuh li llum għandhom isem, u meqjusin bħala ħbieb fl-istess komunità tiegħi. U s-siegħa gerbet u wasal il-ħin biex nitilqu. L-ewwel kilometru fl-aħħar għadda u r-ritmu sar aktar faċli. B’pass aktar mgħaġġel mis-soltu għax ridt inpassi ma’ ħabib ġdid u nċekken in-numri tal-arloġġ meta dawk il-wieħed u għoxrin ikunu tlestew. Il-mużika f’widnejja ma kienx hemm tant bżonnhom bħal fil-passat, meta kull pass kien jirrikjedi ossiġnu konsiderevoli u kont ridt ninsa dan. U l-kilometri wieħed wara l-ieħor bdew għaddejin, ħriġna mir-raħal u wasalna fil-ftuħ tal-kampanja u mingħajr kenn, esposti għar-riħ ivenven, prezz li llum kellna nħallsu għall-ħdura quddiemna u l-libertà mill-urbaniżmu. U nofs it-triq għaddiet. Ftit nifsijiet bil-mod, u niżla konsiderevoli, l-ewwel sospiża bejn asfalt u żrar, wara fuq tarmak sewdieni ċatt li ma mposta l-ebda attenzjoni żejda fejn tniżżel saqajk pass wara pass. U l-ftuħ ta’ baħar fuq il-lemin tagħna, llum l-ikħal tiegħu mċappas bl-abjad tar-ragħwa tal-mewġ imdaqqas.

In-niżla tkompliet, b’pass wara l-ieħor mingħajr wisq impenn. Imma bħal meta taqbeż il-baħar, hemm bżonn titla’ ‘l fuq b’xi mod u slielem f’dawk l-inħawi ma kien hemm imkien. Kien hemm imma telgħa li għal mument nammetti li tefatni ftit f’riċessjoni ta’ spirtu wara r-rilassiment ta’ minuti qabel. It-telgħa imma għaddiet u issa kien baqa’ l-aħħar kwart, li dehru mwittija.

Imma bħal kif mhux kull ma jleqq hu deheb, mhux kull viżjoni hi reali. L-aħħar żewġ kilometri u nofs kienu tlajja silenzjużi, li staqsew u staqsew kull parti kardjali u ta’ riġlejja kemm veru tixtieq tara l-finishing line. F’solitudni ta’ emozzjonijiet, l-uniku wens kien l-arloġġ li minkejja li bil-mod bħal meta qed tistenna xi ħaġa bi ħġarek, n-numri tal-metri bdew b’xi mod jiżdiedu.

Il-wieħed u għoxrin intlaħaq imma u kien hemm bżonn biss dawra ma’ kantuniera u din id-darba niżla għal dak il-mument ħelu li jħallieni nwaqqaf l-arloġġ: siegħa, ħamsa u erbgħin minuta, tmintax –il sekonda. Mitt sekonda aħjar minn tmien xhur ilu, fuq triq li ssaqsi ħafna anqas. Rebħa personali.

Iċ-ċelebrazzjoni? Flixkun ilma u banana. U ewforja kwieta. Il-ġiri sempliċiment personali u anti- materjalista.