Tuesday, October 17, 2017

Rajt ma rajtx smajt ma smajtx

Wara x-xokk, ħassejt li kien dmiri li mmur il-vġili ġewwa Tas-Sliema.  Daphne Caruana Galizia ma kienetx xi ġurnalista favorita tiegħi.  Pereżempju ma niftakarx li qatt xerridt ħolqa mill-blogg tagħha fuq il-paġna tiegħi.  Kultant ħassejtha wisq klassista, u wisq personali, meta sa fejn naf jien ġurnalist għandu dejjem jiġġieled l-argument mhux il-persuna.  Imma jiena wkoll għandi rispett kbir lejn il-ġurnalisti ta’ veru.  Dawk il-ġurnalisti li mhumiex parti minn magna ta’ propoganda.  U jiena nħoss li turi x’inti meta turi rispett lejn min ma taqbilx miegħu mija fil-mija, għax mhux dejjem jgħid dak li inti tridu jgħid.  Inħoss li turi x’inti meta turi rispett anke lejn dik il-persuna li tiġġieled ġlieda, anke jekk kultant tintlaqat minn xi daqq ta’ pont tagħha ‘l hemm u ‘l hawn.  Għax inti mhux qiegħed hawn biex tibqa’ bla mittiefes.

Wasalt Tas-Sliema mingħajr ebda xemgħa f’idi.  Apparti li mingħajr xemgħa, ħassejtni xi ftit bħal Ġiljaniż f’Tas-Sliema meta Tas-Sliema jkunu għadhom kif rebħu kampjonat ieħor tal-waterpolo.  Xi kliem minn taħt l-ilsien u ieħor mhux daqstant minn taħt beda jwassalli f’widnejja li erġajna lura lejn it-tmeninijiet.  F’dak id-djalett semi-Ingliż li kultant idarrasni.  Jiena tifel tat-tmeninijiet.  Twelidt fl-1980.  Ġej minn familja Laburista, li forsi kellhom xi ferita ‘l hemm u ‘l hawn tas-sittinijiet.  Ġej minn missier li fil-jum ta’ qabel waqt programm tar-radju fuq il-kitba tiegħi għax tkellimt fuq l-ambjent qalli biċ-ċajt u mhux biċ-ċajt li nitkellem ta’ nazzjonalist.  U ma nafx jekk kienx dak id-djalett jew dik il-battuta ta’ missieri li rritatni jew weġġgħetni l-aktar.

Imma lil hinn minn djaletti u battuti, inutli nitkellem fuq weġgħat meta ġurnalista spiċċat biċċiet ‘l hemm u ‘l hawn.  L-istat tal-ġurnaliżmu tagħna huwa medjokri.  Forsi jirrifletti s-sistema edukattiva tagħna li flok nippruvaw naħsbu, jgħidulna x’għandna nitgħallmu bl-amment ħalli niksbu aktar marki.  Jew bħal meta niftakar kont għadni tifel u kienu jtuna dawk l-istickers sofor biex inwaħħluhom fuq il-bieb ta’ barra ħalli membri tal-Ġehovah ma jħabbtulnix.  Għax taf jgħidulna xi ħaġa u jġegħluna naħsbu.  U nidħlu f’dubju.  U d-dubju l-akbar għadu tal-moħħ daqskemm mixja hija l-akbar għadu għal saqajna.

Qiegħed nirrealizza li forsi jiena wkoll qatt ma tajt l-appoġġ sħiħ lil min kien qiegħed jipprova jtella’ l-livell tal-ġurnaliżmu f’Malta, għax forsi kultant ħassejt li kienet qiegħda tagħfas il-klassi li jiena ġej minnha.  Qiegħed forsi wkoll nirrealizza li kont qed ngħix gidba.  Qiegħed nitlef il-fiduċja f’pajjiżi.  Qisni qed nara lil pajjiżi jitlef l-innoċenza tiegħu, li l-baħar ikħal ileqq mhux wisq aktar minn ġawhar m’għonq mara li għadha kif qatgħulha sidirha minħabba xi kankru.  Mhux biss minħabba l-bomba, imma aktar għar-reazzjoni ta’ ċertu nies lejn din l-atroċità.  Kulħadd jara f’min se jwaħħal, u ħadd ma jgħid li forsi hu stess bħalma issa ngħid li jiena kont, kont parti minn dan id-delitt.  Kont parti minn dan id-delitt għax forsi qatt m’għamilt pressjoni bil-mod tiegħi biex din il-ġurnalista li ħarġet minn triqitha jkollha l-protezzjoni meħtieġa, u ħafna drabi oħra kitba fuq il-kriminalità fuq gżiritna rarament ħadtha bis-serjeta meta fl-istess nifs fil-librerija għandi żewġ kotba ta’ Roberto Saviano.

Tgħallimt li rrid naċċetta aktar id-differenzi ta’ ħaddieħor, bid-djaletti differenti li forsi kultant inħosshom ta’ xi ħadd li jrid jitkessaħ.  Għax il-verità m’għandiex djaletti, u pajjiżna hu x’inhu bid-differenzi kollha li għandu.  Dak li ġara fis-sittinijiet, fit-tmeninijet, in-nies jitkellmu fuqhom għax għaddew minnhom.  Min iħoss wieħed u min iħoss ieħor.  Imma jien ma rridx inkun parti minn ġenerazzjoni li tħalli l-ġrieħi u tħammar wiċċ lil ta’ warajha.

Meta dalgħodu xrift ‘il barra mid-dar biex interraq ftit, ħassejt aktar dlam mis-soltu u l-arja aktar tqila.  Waħħalt ftit mużika f’widnejja biex forsi ntarrax ftit ‘il ħsibijiet li għamluli rasi qartalla u nammetta li għal sekonda orribli meta kont f’mogħdija u ġiet karozza minn warajja u tawwlitli delli ħassejt ħajti tiqsar.

Biex il-ħajja ta’ dan il-pajjiż titwal u tisbieħ jeħtieġ aktar min iqum fuq saqajh u jgħajjat u jħabbel moħħu u l-qawl ta’ missirijietna ‘rajt ma rajtx smajt ma smajtx’ jaħarqu u jħalli l-ħuġġieġa tiegħu tixgħellu triqtu.