Thursday, November 17, 2016

Nies u mhux nies

Ritratt: Carl Farrugia
Mingħajr ma naf diġà gerbu ħmistax mit-tnedija ta’ Mhux Nies, li naturalment għalija kienet ġurnata speċjali.  Il-lejla għaddiet bħal leħħa ta’ berqa u nixtieq nerġa’ ngħixhha kollha kemm hi, bl-eċitament kollu li f’ħinijiet issarraf fi friefet fl-istonku, għaraq li xaqq minkejja li ma kienx hemm xemx u kont wieqaf, u tregħid fl-irkoppa hekk kif kull darba qomt bil-wieqfa.  Mhux se nuża umiltà falza, u ngħid li kont qed naħseb li se nkunu jien u erba’ minn tad-dar, imma daqstant ieħor ma stennejtx daqstant attendenza.  U għalhekk ħassejtni kuntent, imċekken u responsabbli fl-istess ħin, għax issa dak li darba kont nikteb għalija sar ta’ ħaddieħor u kulħadd għandu dritt jagħżel liema angolu jew lenti li jrid biex iħares lejn kull storja li rnexxieli ngħaqqad.  Imma wkoll nammetti li kont ilni ma nħoss l-istess pjaċir ta’ meta qomt biex naqra silta mill-istorja li ġġib l-istess isem tal-ktieb u ħarġet kif xtaqt.  Darba qabel kont qrajt parti minnha waqt Palk Ħieles u ma kontx kuntent wisq b’kif ħarġet, imma din id-darba għedt li dmir tiegħi li toħroġ kif ivviżjonajtha meta qrajtha kemm il-darba waħdi.

Il-ġimgħa l-oħra kellna l-Fiera tal-Ktieb,  ovvjament kont hemm kif kien hemm ukoll il-ktieb tiegħi fuq l-istand tal-Klabb Kotba Maltin.  Waqt li jiena nemmen li għandna naqsmu  kemm jista’ jkun millli għandna, daqstant ieħor nammetti li kien ta’ sodisfazzjon tremend nara nies jaqbdu l-ktieb f’idejhom, idaħħlu idejhom fil-but u jissagrifikaw dak li għandhom fil-but ma’ xogħli stess. 

Jekk fil-bidu għedt li t-tnedija kienet ġurnata speċjali ma jistax jonqos li hija wkoll punt ta’ riferiment għalija.  U qed nistgħaġeb kemm seħħew affarijiet f’dawn il-ħmistax.  Sitt ijiem wara t-tnedija, ħadna aħbar li jien għallinqas ma kontx qed nistenna għax kelli u għad għandi fidi fil-matematika u l-umanità u rajt lil Donald Trump jiġi elett President tal-Istati Uniti.  Issa ma nafx hux jien li ngħix fl-isħab jew le, u ma nafx għandix dritt nikkumenta fuq min ivvota f’kontinent li jiena qatt ma rfist fuqu, imma qisu llum il-biża’ hija ħafna aktar faċli li tbiegħha mit-tama.  Il-ħitan saru aktar importanti mill-pontijiet.  Ma nemminx li din hija xi ħaġa tal-lum lanqas, għax wara kollox fil-passat seħħew żewġ gwerer dinjija minħabba li kien hemm min irid jaħtaf lil ħaddieħor u ried ibiddel flok ineħħi l-fruntieri.

L-ewwel tfakkira ta’ x’ġej għalina waslet il-Ħadd meta daħlet l-aħbar li l-istess Trump qed iwiegħed li jrid ikeċċi tlett miljun immigrant mill-Istati Uniti ftit wara li jieħu kompletament il-poter f’idu.  Qalbi għamlet tikk, imma ma kontx naf li fil-jiem li ġejjin qalbi mhux biss se tagħmel tikk imma se timtela dieqa.  L-ewwel ħarġet l-aħbar li fuq il-blata tagħna stess ġew maqbuda xi immigranti li kienu ilhom jgħixu magħna u jikkontribwixxu għall-ekonomija li tant dan l-aħħar tant qed niftaħru biha għax qiegħda tikber u titwessa’, għal snin sħaħ.  Dawn ma nġabrux minħabba xi rekord kriminali , imma minħabba li ħafna drabi nħarsu lejn xi nies daqslikieku mhux nies.  Pajjiżi bħal Mali u s-Senegal mhumiex perfetti, u dawn l-immigranti li qegħdin fostna kienu qed jgħinu nkabbru l-ekonomija tagħna u taw nifs lil pajjiżhom bħal kif għamlu dawk l-immigranti Maltin li salpaw minn xtutna lejn l-Awstralja fis-sittinijiet u x-xogħol li setgħu kellhom huma ntiret minn ħuthom.
It-Tnejn stess irċivejt telefonata li wieħed minn dawn il-maqbuda huwa persuna li jattendi għal-lezzjonijiet tal-Malti li nagħti jiena flimkien ma’ Integra.  Biex intikom idea ta’ dan il-persuna maqbuda issa tturmentata taħt detenzjoni f’Ħal Safi, ma tafx x’se jsir minnha wara kważi ħames snin hawn, huwa persuna li jaħdem bil-ktieb ma’ kumpanija, (ħafna jaħsbu li dawn ma jħallsux taxxi!), iħallas il-kera u kellu mħabba lejn Malta kultant aktar minni nnifsi, għax forsi kien japprezza dak li aħna nqisu naturali imma mhux naturali xejn, għax qabilna kien hemm min xerred demmu għalih.
Minbarra t-turmentazzjoni tiegħu tistgħu taħsbu kemm huma daqstant ieħor itturmentati sħabu li qegħdin f’ilma simili tiegħu.  Jiena kulma għandi balla fl-istonku.

Sieħbi Yayya, inti nies daqsi u daqs ħaddieħor.