Wednesday, February 27, 2008

Dance Dance Dance

Poġġejt lil Yuki fis-sit ta’ quddiem u niżżilt it-tieqa beraħ. Bdiet nieżla xita ħafifa, xita li ma tarahiex b’għajnejk, għalkemm l-asfalt beda bil-mod jiswied aktar. U kien hemm riħa ta’ xita. Xi nies tellgħu l-umbrella l-fuq, oħrajn imxew qisu xejn ma kien nieżel. Id imġebbda l-barra setgħet forsi titraċċa ħarira nida. Kienet daqshekk xita fina.

Yuki serrħet minkbejha fuq il-bieba u geddumha fuq idha, għonqha mmejjel , u wiċċha nofsu maħruġ mill-karozza. Żammet dik il-poża għal ftit ħin mhux ħażin, ma tiċċaqlaqx ħlief biex tieħu nifs. Kull moviment żgħir il-fuq segwit minn moviment żgħir l-isfel, l-iċken għolja u l-iċken niżla tan-nifs. Kif jista’ jkun xi ħadd ikun daqshekk fraġli u bla difiża. Minn fejn kont bil-qiegħda, deher li qisu l-iżgħar impatt jista’ jkun biżżejjed biex jaqlagħlha rasha u minkbejha l-barra. Forsi għax għada tifla, għada ma tafx l-ebbusija tal-ħajja, u jien adult, li, mingħajr wisq ħsieb, soffrejt diġa.

‘Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel?’, staqsejt.
‘Mhux wisq,’ qaltli Yuki, tibla’ waqt li tkellmet wiċċha l-isfel. Il-bżieq jnaddfilha griżmejha instema’ jidwi b’ħoss mhux naturali. ‘Ħudni x’imkien kwiet, fejn m’hemmx nies, imma mhux il-bogħod.’

‘Il-baħar?’
‘Fejn trid. Imma ssuqx wisq. Taf inneħħi jekk niċċaqalqu ħafna.’

Tellajtilha rasa u daħħaltha l-ġewwa, attent ħafna qisni qed naqbad bajda, u tellajt it-tieqa san-nofs. U wara bil-mod daqskemm it-traffiku seta’ jagħti, tlaqna lejn il-bajja ta’ Kunifuzu. Pparkjajna l-karozza u mxejna lejn il-baħar, fejn Yuki rremmettiet fuq ir-ramel. Bil-kemm kien hemm xejn fl-istonku, ħlief ftit ċikkulata u meraq. L-aktar mod ta’ tortura biex tneħħi. Il-ġisem jkun fi spażmu, imma ma joħroġ xejn. Tisforza s-sistema sħiħa tiegħek , sakemm l-istonku jiġi għoqda daqs ponn. Mmessaġjatilha daharha. Ix-xita nida kompliet, imma Yuki ma nnutatx.

Glyauughhh.. Għajnejn Yuki imtlew bid-dmugħ hekk kif ppruvat tneħħi aktar.

Ppruvajt ngħinha b’mod fjakk.

Wara għaxar minuti hekk, imsaħtilha ħalqha b’maktur u għattejt il-mandra bir-ramel. Wara, nżommha minn minkbejha, mexxejtha lejn l-eqreb moll. Poġġejna mal-art, daharna ma’ ħajt hekk kif ix-xita bdiet nieżla. Ċċassajna lejn il-mewġ, biż-żangir tal-karozzi fil-West Shonan Causeway fl-isfond. L-unika nies fil-madwar, kienu bil-wieqfa, saqajhom fl-ilma jistadu. Kienu liebsin ġagagi, għajnejhom ffissati x’imkien l-isfel mix-xefaq, bil-qasab mhux mgħawwġa. Ma darux biex jħarsu lejna. Yuki mejlet rasha fuq spalleja, imma ma qalitx kelma. Bil-fors deherna bħal żewġ maħbubin.

Yuki għalqet għajnejha. Tieħu n-nifs tant ħafif, dehret rieqda. Troffi sħaħ ta’ xagħarha mxarrba saru ċappa fuq moħħha, il-ġilda tagħha għada samra mix-xahar li għadda. Imma taħt is-sema msaħħba, Yuki dehret ma tiflaħx. Imsaħt ix-xita u d-dmugħ minn ma’ wiċċha. Ix-xita baqgħet nieżla b’silenzju sħiħ fuq il-baħar bla limitu. Ajruplani tas-Self Defence Force jgħassu għal xi sotto-marin jtiru fuqna, jżanżnu daqs żnażan fis-sħana.

Fl-aħħar, b’rasha għada fuq spalleja, fetħet għajnejha u ħarset lejja b’fok ħafif. Qabdet Virginia Slim mill-but ta’ ġenbejha u xegħlitu. Jew aħjar pruvat ripetutament – bil-kemm kellha saħħa tixgħel sulfarina. Din id-darba m’hemmx lezzjonijiet dwar tipjip mingħandi. Fl-aħħar irnexxielha u waddbet is-sulfarina ‘l hemm. Ħadet żewġ nifsijiet il-ġewwa, u rmietu wkoll. Kompla jaqbad sakemm ix-xita tfietu.

‘L-istonku għadu juġgħak?’ staqsejtha.
‘Xi ftit.’
‘Ejja noqogħdu hekk għal ftit. Int mhux qiegħda tħoss bard hux?’
‘Tajba jien. Ix-xita sabiħa.’

Is-sajjieda kienu għadu transfissati fuq il-Paċifiku. X’kienet il-ġibda lejn is-sajd? Ma jistax ikun sempliċiment li taqbad il-ħut. Forsi waħda minn dawk il-gosti? Bħal tpoġġi bil-qiegħda fuq il-baħar bix-xita nieżla ma’ tifla nervuża ħafna ta’ tlettax –il sena?

‘Sieħbek,’ Yuki ttentat b’mod kawt, b’leħen miksur.
‘Sieħbi?’
‘Iva, dak tal-film.’
‘Ismu propja Gotanda,’ għedtilha. ‘Bħall-istazzjon tal-linja Yamanote. Dak ta’ wara Meguro u qabel Osaki’.
‘Dak qatel dik il-mara’.

Werriċt għajnejja lejn Yuki, b’saħħa. Dehret pallida. In-nifs tagħħha kien irregulari, bħal ruħ mgħarrqa miġbura mill-ilma. X’kienet qed tgħid din it-tifla? Ma rreġistrax.

‘Qatel liema mara?’ staqsejt.
‘Dik il-mara. Dik li kien qiegħed rieqed magħha l-Ħadd fil-għodu.’
Ma ħadtiex. Ma stajtx neħodha. Fuq hiex kienet qed titkellem? Nofsni konxju, tbissimt u għedt, ‘Imma ħadd ma jmut fil-film. Bil-fors int żbaljata.’

‘Mhux fil-film. Fil-ħajja reali. Attwalment qatilha. Rajta’, qaltli Yuki, waqt li qabditli idi. ‘Beżżatni tant li bil-kemm stajt nieħu nifs. Dik il-x’inhi reġgħet ġriet fuqi. Stajt nara l-qtil sħiħ, ċar u akut. Il-ħabib tiegħek qatel dik il-mara. Mhux qiegħda nivvinta. Onestament.’

Is-sinsla nbidlet f’silġa, ma stajtx ntenni kelma. Kollox beda jaqa’ minn postu, jaqa’ l-isfel, mingħajr ma nista’ nagħmel xejn. Ma stajt inżomm xejn.
‘Skużani. Forsi missni m’għedtlek xejn,’qalet Yuki. Ħadet nifs il-barra u telqitli idi. ‘Il-verita onesta hi, li ma nafx. Nista’ nħoss li reali, imma ma nistax inkun veru ċerta jekk hijiex reali jew le. U naf li probabilment se tobgħodni bħal kulħadd għax qiegħda ngħidlek hekk. Imma ma stajtx ma ngħidlekx. Veru mbeżża’. Jekk jogħġbok tirrabjax miegħi. Ma stajtx inżommha. Qiegħda nħossni qisni qiegħda naqa’ biċċa biċċa.’
‘Jien mhux miġnun, mela kkalma u għidli x’rajt,’ għedtilha, waqt li żammejtilha ida.

‘L-ewwel darba li rajt xi ħaġa ċara daqshekk. Fgaha, il-mara tal-film. U poġġa ġisimha fil-karozza, u saq triq twila ħafna. Kienet dik il-karozza Taljana li inti soqt darba. Dik il-karozza tiegħu, le?’

‘Iva, dik il-karozza tiegħu,’ għedtilha. ‘Hemm xi ħaġa iżjed? Ikkalma u erġa’ aħseb. Kull ħaġa li tiġi f’moħħok, żgħira kemm hi żgħira, għidieli. Irrid inkun naf.’
Ħakket rasha tentativament, darbtejn, tlett darbiet. Umbgħad ħadet nifs fil-fond. ‘M’hemmx wisq iżjed. Ir-riħa tal-ħamrija. Pala. Lejl. Għasafar jsaffru. Dak kollox. Faga’ dik il-mara għall-mewt, għabbieha x’imkien fil-karozza, u difinha. Dak kollox. Imma – u din hi l-veru biċċa stramba – il-biċċa kollha ma dehritx selvaġġa jew orribli jew hekk. Lanqas biss dehret bħala delitt. Kienet aktar bħal ċerimonja. Kienet xi ħaġa kwieta, bejn il-qattiel u l-vittma. Imma silenzju stramb ħafna. Bħal qisu ġejja mit-tarf tad-dinja jew xi ħaġa hekk.’

Għalaqt għajnejja. Ħsibijieti ma setgħu jwasslu imkien. Oġġetti u ġrajjiet ġo rasi bdew jitfarrku, jtiru bħal xfafar ġod-dlam. Ma stajtx nemmen x’bdiet tgħid Yuki; ma stajtx ma nemminx x’bdiet tgħid Yuki. Ħallejt kliemha jinżlu ġewwa. Ma kienux fatti. Kienu possibilità. Xejn iżjed, xejn anqas, imma l-forza tal-possibilita kienet qiegħda tkissirni.

Kull assimiljanza ta’ ordni li sirt naf f’dawn l-aħħar ftit xhur ġiet immfarka. Xerred u ferrà, inċertezza, imma kienu f’ordni, u bdew iżommu. Mhux aktar.

Il-possibilità teżisti. U f’dak il-mument li ammettejt dik, xi ħaġa waslet fi tmiemha. Tenaċi daqs qatt qabel, imma deċisiva, għaddiet. Imma x’hiex? Ma stajtx naħseb aktar. Le, mhux issa. Sa dan it-tant, sibt ruħi waħdi għal darb’oħra. Ma’ tifla ta’ tlettax –il sena, fuq bajja bix-xita, disperatament waħdi.

Yuki għafsitli idi.

Kemm damet tagħfasha ma nafx. Id daqshekk żgħira u sħuna kważi lanqas inħasset reali. Il-ħass tagħha kienet qisha aktar ripetizzjoni ċkejkna mill-memorja. Sħuna daqs memorja, imma ma twasslek imkien.

‘Ejja mmorru,’ għedtilha. ‘Se nieħdok id-dar.’

Soqtha lura lejn Hakone. Ħadd minna ma tkellem. Meta s-silenzju sar wisq oppressiv, xegħelt l-isterjo. Kien hemm mużika, imma ma smajtx. Kkonċentrajt fuq is-sewqan. Idejn u saqajn, jbidlu l-gearijiet, steering. Il-wipers sejrin il-fuq u l-isfel b’mod monotonu.

Ma ridtx nara lil Amè, u għalhekk ħallejt lil Yuki fit-taraġ isfel.

‘Aw,’ qaltli Yuki, tħares mit-tieqa tas-sit tal-passiġiera, idejha marbutin u jtertru, ‘m’hemmx għalfejn tibla’ kull ma għedtlek. Jiena kemm rajtha, dak kollox. Bħal m’għedt, ma nafx jekk ġratx realment. Jekk jogħġbok tobogħdnix. Inkella mmut.’

‘Jien ma nobogħdokx,’ għedtilha waqt li tbissimt. ‘U jien mhu se nibla’ xejn, sakemm mhuxbe il-verita. Xi darba trid toħroġ. Iċ-ċpar irid jiċċara. S’hemmhekk naf. Jekk li qiegħda tgħid jkun veru, ikun ifisser li bdejt nieħu idea vaga tal-verita minnek. Tinkwetax. Din xi ħaġa li rrid insib jien stess.’

‘Sejjer tarah?’
‘Dażgur. Insaqsieh jekk hux veru. M’hemmx triq oħra.’

Yuki għolliet spallejha. ‘Int mhux irrabjat għalija?’
‘Le, m’iniex irrabjat għalik, dażgur li le,’ għedtilha. ‘Għaliex għandi nkun irrabjat għalik? Inti m’għamilt xejn ħażin.’

‘Int kont veru persuna twajba,’ qaltli. ‘Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd bħalek’.

‘Għaliex il-passat?’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘U jien qatt ma ltqajt ma’ tifla bħalek.’

‘Saħħa,’ qaltli Yuki. U wara tatni ħarsa twila. Dehret bla paċenzja. Qisha riedet iżżid x ħaġa jew taqbadli idi jew tbusni fuq wiċċi.

Imaġni nervużi ta’ possibilità baqgħu jduru ġo rasi t-triq kollha lejn id-dar. Ġiegħelt lili nnifsi niffoka fuq il-mużika bla sens u dawwart l-attenzjoni fuq it-triq ta’ quddiemi. Ix-xita waqfet hekk kif ħriġt mit-Tokyo-Nagoya Expressway, imma ma kelliex enerġija biex nitfi l-wipers sakemm sibt post fejn nipparkja f’Shibuya. Rasi kienet f’diżordni totali. Kelli nagħmel xi ħaġa. U għalhekk bqajt hemm fis-Subaru pparkjata, idi nkullata mar-rota.

* * * * *

Silta minn 'Dance Dance Dance' ta' Haruki Murakami.

Monday, February 18, 2008

Nuċċali

Wasal l-ajruport kmieni bħas-soltu. Meta jkun se jtir seba’ mitt sena biex jkun hemm. Kemm biex jitlaq jew biex jirritorna lejn il-bejta. Hekk. Ankè jekk il-bejta temporanja u mhux fis-siġra oriġinali. Ritwal simettriku f’ċirkustanzi opposti.

Kien hemm qabel seta’ jagħmel iċ-check-in. Il-lavrant ħaseb qabel l-imgħallem. Poġġa fuq wieħed mill-ħafna siġġijiet vojta. Imma ma damx. Kellu qisu żewġ friefet fl-istonku. Ma ħallewhx bi kwietu. U issa qisu mill-istonku nfirxu ma’ ġismu kollu. Iż-żewġ friefet kienu x’aktarx koppja u pproduċew, ħarġu mill-fosdqa u fl-istonku biss ma kienx hemm spazju biżżejjed.

U dar żewġ ħwienet. Nofs kedda. Aktar iħares milli jara. U wara daħal f’ħanut tan-nuċċalijiet. ‘Sunglass Hut’. U donnu n-nuċċalijiet fakkruh f’għajnejh u s-sens tal-vista. Dar vetrina wara vetrina bil-mod. Mill-Prada mar għar-Ray-Ban. U wara għall-Oakley. Tal-ħanut baqgħet fuq it-telefon titkellem, b’lingwa ta’ kliem li għalih setgħu jkunu tgedwid. U minn banda ħa pjaċir bin-nuqqas ta’ attenzjoni. Ħallietu bi kwietu jifli bil-mod, joqtol il-ħafna ħin f’idejh mingħajr ma jinduna.

U f’salt wieħed qatgħet it-telefon u mxiet lejh. Mejlet rasha lejh u ġebbdet xufftejha.

- Jekk trid aqbad u iftaħ il-vetrina u pprova.

Staqsieha ftit parir u għażlu tnejn flimkien. Kannella u iswed. U beda jipprova quddiemha. Mhux bħal meta jixtri qalziet, jeans jew flokk għall-argument. U waqt li beda jipprova staqsietu fejn sejra u li hi mill-Malasja. Qiegħda tistudja bħalissa. U qalilha li sieħbu għadu kif mar hemm. U flok qaltlu liema parti kien, niżżlet kemmxejn rasha, lagħbet ftit b’xagħarha u tbissmitlu.

U wara reġgħu għas-suġġett oriġinali. Libes il-kannella. Ħares lejha u wara lejn il-mera. Irripeta r-ritwal fi ftit aktar sekondi fit-tul bl-iswed. U għażel li qaltlu hi. U għaddietulu bla dazju.

- Tgħid lil ħadd imma.

Ehmiżha u ħmar.

U waqt li bdiet tgħaddilu l-kard, tkompliet il-konversazzjoni. In-nuċċali tpoġġa fil-ġenb u t-transazzjoni tħalliet tgħaddi waħedha. U waqt li t-tnejn bla nuċċali mdawrin bin-nuċċalijiet ħarsu f’għajnejn xulxin. Bħal żewġ qnienpen bla lsien jħabbtu żaqq ma’ żaqq biex jagħmlu ħoss.

Iċ-check-in fetaħ u fl-aħħar kellu tifkira tal-belt li żar.

Monday, February 11, 2008

Manly Beach

Tlett’ijiem fil-qalba ta’ Sydney, fejn il-bini twil u hemm geġwiġija ta’ nies kif tistenna minn belt ta’ din id-daqs. Ġnus differenti, jaħbtu ma’ xulxin mingħajr wisq każ. Bħal f’Pariġil-bumper qiegħed hemm biex jaqla’ d-daqqiet u jekk jingiref meta qiegħed tipparkja bħal meta nqasmitlek il-ponta tal-lapes. Tistennieha.

It-temp bejn Il-Ġimgħa u s-Sibt griż u jraxxax u jxarrbek minn ħin għal ieħor. Il-‘Harbour Bridge’ jiddomina fuq il-port, trijonf ta’ inġinerija u faċċata tiegħu s-‘Sydney Opera House’, aktar artistika, tikkuntrasta u tgħaqqad fl-istess ħin l-arti mal-matematika. Il-ħobża taqta’ l-ġuħ, u t-tadama u ż-żejt l-aptit.

U llum terraqt mit-toroq prinċipali, ismijiet normalment ta’ bliet jew irħula oħra Ingliżi. Ħanut fejn ħanut tad-ditti l-kbar, multi-nazzjonali, u kultant wkoll xi bejjiegħ tal-‘Big Issue’.
Illum irrid naqbad vapur ħa noħroġ ftit mill-belt.

Fuq il-port hemm tlett Aboriġini, jonfħu jew aħjar jdoqqu d-diggeridoo u jfakkruni ftit fit-Tribali. Il-vapur simili għal ta’ Captain Morgan, b’kuluri aħdar u isfar minflok abjad u aħmar. Il-passiġġieri din id-darba turisti, bil-kamera diġitali mdendla m’għonqhom tikxifhom.

Il-vapur qabad ir-rotta u l-belt bil-pont b’kollox jitbiegħdu bl-istess veloċità. U issa qegħdin f’nofs ta’ baħar u l-arja tinħass aħjar u niftakar kemm inħoss il-mankanza tal-baħar, li l-ebda xmara jew port ma jistgħu jagħmlu tajjeb għalih. Fuq kull naħa, siġar f’xulxin u ovvjament ħdura. Hawnhekk, is-siġar jissostitwixxu n-nies. Xi dgħajsa ‘l hemm u ‘l hawn titbandal bil-mod mal-mewġ nofs kedda, b’riħ ħafif u mingħajr wisq ftuħ biex jaħkem.

U wasalna. Nofs siegħa wara li tlaqna. Manly Beach. Bajja żgħira bi ftit ramel u warajha siġar tal-palm fuq il-ħaxix maqtugħ qasir jikkompetu mal-istess ramel biex jospitawk. U nagħżel lil tat-tieni.

Għandi ktieb irrid inlestieh.

Tuesday, February 5, 2008

Rufus Wainwright

Smajt bih b’kumbinazzjoni. B’ċikka. Kien hemm il-BBC 6 miftuħ waqt li kont qiegħed indur minn sit għal ieħor mingħajr wisq ħsieb, bħal meta taqleb minn fuq stazzjon għall-ieħor fuq it-televiżjoni, mingħajr m’inti tipprova ssib xejn partikolari. Bħalissa nagħmilha hawnhekk kultant minn triq għal oħra f’Melbourne. Idejja fil-but, papoċċ jew flip-flop jkarkar mal-art u meta jolqotni xi ħaġa jew għax jiftilli nieqaf ftit. Dakinhar Steve Lamacq tefa’ ‘Going to a town’ ta’ Rufus Wainwright. L-istat aljenat ta’ moħħi qaleb għal attentiv. Laqtitni mill-ewwel u wara li spiċċa, fittixtha fuq il-You Tube, sibtha hawn u erġajt daqqejtha. Skoprejt xi ħaġa meta lanqas biss kont qiegħed infittex.

Rufus Wainwright, kantant/kompożitur Kanadiż-Amerikan li sa issa għandu ħames albums sħaħ f’ismu. Qabeż it-tletin, ma tistax issejjaħlu popolari bħal fejn jaf jien James Blunt, imma għandu s-segwaċi tiegħu, u meqjus ħafna f’ċertu oqsma tal-mużika. Forsi jispikka aktar mal-puristi jew hawn min jgħidilhom l-isnobbisti mużikali. Jien naħseb li ma naqa taħt l-ebda kategorija minnhom it-tnejn. Leħnu partikolari, jispikka l-aktar meta qiegħed jferra’ l-imrar minn ġo qalbu minflok minn buqar. Jfakkarni xi ftit f’Leonard Cohen u fil-fatt jħobb jdoqq xi cover-version tiegħu, bħal ‘Halleluljah’. U jħobb anke il-mużika klassika kontemporanja, fejn hawn min jarah bħala l-eredi naturali ta’ Verdi.

Kont qieħed inqalleb wieħed mill-fuljetti li ssib kemm trid hawnhekk ta’ x’hawn u x’mhawnx f’Melbourne kummisjunat mill-Kunsill ta’ Victoria u kien hemm paġna dedikata għalih. Se jagħti kunċert fl-1 ta’ Frar. Ħadt pjaċir, fittixt fuq l-internet biex nara kif nixtri biljett, imma kien diġa mibjugħ. Iddiżappuntajt ruħi. Rajt siġra li xtaqt nixxabbat magħha imma kienet diġa mimlija nies u kju ieħor madwarha. Għaddew erbat ijiem oħra u erġajt fettilli niċċekkja s-siġra. Ħawwlu oħra ħdejha u stajt nixxabbat magħha din id-darba. Fuq talba tal-pubbliku u minħabba d-domanda kunċert ieħor l-għada ġie programmat. U din id-darba qbadt u xtrajt il-biljett.

Mxejt lejn il-kumpless ‘Arts Centre’ u sibt bil-mod is-sala ta’ fejn se jsir il-kunċert. Sibt posti, ma tantx kont il-bogħod mill-palk. Kont fil-filliera ‘T’, u għalhekk kienet l-għoxrin waħda. Kien hemm solista Awstraljana qabel u għat-tmienja daħal għall-applaws ġeneruż, ir-raġuni ta’ għalfejn kien hemm sala ppakkjata. Fakkarni ftit f’Elton John, mhux tant il-mużika imma l-libsa tiegħu. Xi ftit eċċentrika, qalziet u ġlekk mill-istess drapp, bi strixxi vertikali bojod u koħol. Wara kollox, tal-aħħar kien għenu jidħol ġo rehab minħabba problemi ta’ drogi, u t-tnejn jiddikjaraw pubblikament l-ommoseswallita’ tagħhom.

Fl-isfond, bandiera Amerikana. Differenti mis-soltu. Flokki strixxi blu u bojod, strixxi suwed u bojod. U flokk stilel normali, brouches tad-djamant. Huwa sejjħilha allegorija. L-istrixxi suwed u bojod jirrapreżentaw in-negattiv tal-Amerika, filwaqt id-djamanti il-pożittiv. Ut-tieni numru tiegħu kien dak li kont lest li nistenna sal-aħħar. ‘Going to a town’. Is-serata kienet diġa kompluta u s-sagħtejn ta’ mużika li segwew dan il-kapulavur kienu bonus. Kontra Freddie Portelli, il-kbir mhux għadu ġej imma beda bih. Għalija għallinqas.

U s-sagħtejn ta’ wara ma ddiżżapuntaw lanqas. Altru. Applaws bejn numru u ieħor b’idejja ‘l fuq u finalment bil-wieqfa għall-aħħar tislima.

U l-bieraħ, waqt li kont qiegħed f’ħanut tal-mużika, minn dawk speċjalizzati aktar milli tal-franchise, u li tidħol għalih b’taraġ dejjaq kelli bil-fors nixtri l-aħħar CD tiegħu, kunċert live ta’ Judy Garland. Tal-ħanut staqsieni jekk mortx. Għedtlu iva. Qalli li kulħadd qal li kien ‘fantasiku’.

Għedtlu 'brillanti' jien, kelma li hawnhekk għal xi raġuni ma tantx tinstemà.