Tuesday, May 1, 2018

Il-lingwa Maltija kapriċċ?


F’wieħed mill-Palk Ħieles li Inizjamed torganizza ta’ kull xahar, Rebecca Borg tkellmet b’mod umoristiku dwar ir-relazzjoni li għandha mal-lingwa Maltija.  Borg hija Maltija li tgħix u trabbiet f’Malta imma li ġiet mgħallma l-lingwa Maltija bħala lingwa sekondarja.  L-aċċent tagħha xehed dan u forsi huwa faċli ħafna li sempliċiment tqis lil din il-persuna bħala sempliċiment tal-pepe, u li hi kompletament favur li l-lingwa Maltija tiġi mgħallma bħala lingwa barranija, jew li tinqata’ darba għal dejjem.  Imma taħt ħafna aċċenti, l-istess bħalma ssib taħt il-qxur, hemm ħafna stejjer u emozzjonijiet moħbija.

L-intervent ta’ Rebecca kien fi Frar li għadda u qisu kien antiċipazzjoni għal dak li kellu joħroġ ftit ġimgħat wara fuq din il-lingwa li issa qed toqrob lejn l-elf sena, u li żammet ruħha attiva billi dejjem kellha tiġġieled.  Il-lingwa Maltija hija mdorrija tiġġieled, hija bħal dik il-fjura li tixref minn qalb ix-xquq minkejja l-anqas ħamrija possibbli, imma b’xi mod tferrex għeruq u ssebbaħ b’lewnha.

Imma lil hinn mir-romantiċiżmu, Rebecca tgħidli li fl-iskola primarja tas-sorijiet jekk titkellem bil-Malti kont jew taqla’ daqqa bir-riga tal-metru jew tinżamm ġewwa meta sħabek ikunu qegħdin jilagħbu barra taħt ix-xemx.  “Kont imdawwra b’kotba miktuba bl-Ingliż u dawn tawni sens li jekk irrid nimxi ‘l quddiem irrid inkun tajba ħafna bl-Ingliż.”  Biss lil hinn mill-konfini tal-iskola, fil-post tant għall-qalb it-tfal ta’ dak iż-żmien, il-bandli, kienet tħoss in-nuqqas tal-Malti.  “Għandi memorji antipatiċi ta’ kif ma stajtx nintegra ma’ ċertu tfal li kienu jitkellmu bil-Malti biss, u għalhekk ma stajtx nagħmel ħbieb faċilment ma’ kulħadd.”  Tkompli tgħidli li l-lezzjoni tal-Malti kienet issir bl-Ingliż, u għalhekk ċertu frażijiet li huma naturali għal min jitkellem bil-Malti, spiċċaw jew aljeni jew ħaġa moħġaġa għaliha.

Ħafna jaħsbu li l-Malti u l-Ingliż qegħdin fi ġlieda kontinwa u li dejjem jista’ jkun hemm rebbieħ wieħed biss.  Imma dan huwa mod magħluq wisq kif tħares lejn is-sitwazzjoni.  Lingwa ma teskludix oħra, anzi tqarrbek lejn lingwa oħra, bħal kif kull sport jippreparak għal sport ieħor.  L-għawm jagħmel tajjeb lil min jiġri fit-tul u viċi-versa.

Il-lingwa wkoll mhijiex sempliċiment mezz ta’ komunikazzjoni.  Il-lingwa hija wkoll identità.  “Inħoss kunflitt kbir fl-identità tiegħi.  Meta kont tifla u kont inkun il-bandli, it-tfal li kienu jitkellmu bil-Malti, ma kienux jilagħbu miegħi, jew kienu ‘jgħajruni’ barranija jew kienu iġagħluni nistħi b’tgħajjir, li ma kontx naf inlissen sentenza sħiħa bil-Malti.  Ikolli ngħid li inħoss li l-identità tiegħi hija aktar marbuta mal-Mediterran milli Maltija.  Kultant inħossni barra minn posti hawnhekk minħabba li maqtugħa mill-kultura intrinsika Maltija.”

Dan l-aħħar qed niltaqa’ ma’ numru ta’ persuni li trabbew bħal Rebecca bil-lingwa Maltija bħala sekondarja imma meta kibru għamlu sforz kbir sabiex jiksbu ħakma aħjar tal-lingwa Maltija.  Niftakar fija nnifsi li fl-adoloxxenza tiegħi kont naħseb li l-mużika tal-Beatles hija tajba biss biex tiġbor l-għanqbut, imma meta kbirt bdejt napprezza l-kobor tal-mużika tagħhom.  Huwa daqstant ieħor fatt li l-mużika Maltija bħalissa qiegħda tgħaddi mill-aqwa żmien tagħha b’bands bħall-Brikkuni u l-Brodu li jsibu fl-ilsien Malti l-aħjar mod kif jesprimu rabja, melankolija jew ħlewwa.  Naħseb ukoll li ħafna qegħdin ifittxu l-għeruq tagħhom, jonkella  din hija kawża tal-maturità tal-pajjiż li jidher li qiegħed jaqta’ l-ktajjen kolonjali li dejjem xekkluh.

“Bħala adulta tħarriġt fil-lingwa Maltija waħdi.  Ridt nikseb kunfidenza nitkellem bil-Malti sabiex inkun nista’ niffunzjona tajjeb fis-soċjetà Maltija.  Waqt li m’għandniex nitilfu l-Ingliż, għandna nagħtu aktar importanza lill-Malti.  Irid ikun hawn sforz ko-ordinat sabiex inkunu aktar artikolati u nesprimu l-emozzjonijiet u l-arti tagħna fiż-żewġ lingwi.  Għandu jkollna vokabularju Malti li bih nistgħu niddsikutu affarijiet li huma tabu u kontroversjali.  Pereżempju, jiena bħala ġenitur sibtha diffiċli ħafna nispjega lil binti bil-Malti ċertu affarijiet tal-iżvilupp fl-adolexxenza.  Dak iż-żmien sa fittixt fil-librerija imma ma sibt xejn, u li kelli bilfors nispjega bl-Ingliż.”

Lura fis-seklu dsatax il-lingwista Franċiż Ferdinand de Saussure kien stqarr li s-sistema lingwistika hija serje ta’ ħsejjes differenti magħquda ma’ serje ta’ ideat differenti.  Il-lingwa Maltija hija parti minn din is-sistema.  F’soċjeta li dejjem qed tevolvi u tikber, il-lingwa Maltija tikber tista’.  Sakemm tiġi rrispettata minn ta’ ġewwa u minn ta’ fuq stess.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tad-29 ta' April, 2018.