Friday, October 17, 2008

Xejn minn erbgħa

‘Kuntent b’telf ta’ anqas minn erba’ gowls.’

Il-kowċ Ċek qal fil-pubbliku dak li kull Malti kien qiegħed jaħseb u jħoss f’qiegħ qalbu. Il-Katalani jxejjru maktur abjad meta l-affarijiet imorru kontra u jridu juru d-diżapprovazzjoni tagħhom. Fitzel qabad l-akbar liżar abjad possibli u dendlu mal-akbar arblu ta’ fuq il-bejt tal-M.F.A. Għal bniedem li kien juri ċertu twemmin u li qisu ried jipprova li l-mentalità tagħna hi l-akbar għadu, dan il-kliem stona. U għal wieħed li trid tfittex bir-reqqa biex issib kwotazzjoni tiegħu, dan il-kliem heżżeż l-erba’ ħitan tal-M.F.A.

Fil-kampanja li għaddiet, Fitzel kiseb numru rekord ta’ punti. Kiseb rebħa fuq l-Ungerija, tlettax –il sena wara l-aħħar rebħa uffiċjali, dik ta’ 1-0 fuq l-Estonja bit-tim immexxi minn Pippo Psaila, kiseb drò barra minn darna mal-Moldovja, u fil-festa pubblika tal-Vitorja, qajjem ċertu patrijottiżmu hekk fil-ġurnata tana xi ħaġa tal-preżent li stajna nifirħu biha meta nkiseb drò ta’ 2-2 mat-Turkija, tim li ftit wara wasal sas-semi-finali tal-Euro 2008. Ir-riżultati waqfu hemm, imma l-gowls baqgħu jaslu u xi konsolazzjoni jew gowl tal-bandiera dejjem ħadna f’Ta’ Qali.

Illum, sempliċiment ftit xhur wara l-ottimiżmu nbidel fis-soltu inferjorità, n-nies fil-grawnd inbidlu fis-soltu baħħ u l-entużjażmu fis-soltu apatija. Kollox ta’ taħt fuq, biss b’ċertu familjarita bħal wieħed li jħobb jgħix fl-imbarazz.

Il-plejers baqgħu l-istess. Il-maġġoranza assoluta tagħhom għadhom fl-aħjar tagħhom. Ma kienx xi żmien ta’ tranżizzjoni. Mhuwiex iż-żmien ta’ meta John Buttigieg, Ray Vella u Carmel Busuttil spiċċaw kollha f’salt. Gilbert Agius, Jamie Pace u Michael Mifsud kollha għadhom hemm. Is-sinsla ma ntmessietx.

* * * * *

Ipparkjajt ftit il-bogħod biex ma ninqabadx fit-traffiku wara. Jien u miexi u rajt il-floodlights jagħtu fuq Ta’ Qali għaġġilt il-pass. Il-ġibda għadha ftit hemm. Dħalt, sibt post b’għażla estensiva u rajt sidieni vojta aktar milli hawn postijiet vojta f’Malta u Għawdex b’kollox bħalissa. Il-letarġija reġgħet daħlet sew. Bdiet il-logħba. Xejn speċjali, imma lanqas gravi u għalhekk fil-mument aċċettabli. Qomna forsi darba jew darbtejn minn fuq is-sit, umbgħad daqshekk. Corner, żewġ daqqiet ta’ ras u gowl. Kontra. Għadda ftit ħin u wasal il-ħin tal-mistrieħ.

U l-purċissjoni kompliet fit-tieni taqsima. Purċissjoni li tħabbatlek qalbek daqs ritmu kajman ta’ katuba. U r-ritmu baqa’ sal-aħħar jew kważi. Telfa oħra u anke l-gowl tal-bandiera baqa’ ma wasalx.

L-għada niftaħ il-gazzetta u l-kowċ jidher li homesick. L-avventura ġo pajjiż ieħor bix-xemx inqalbet issa f’rutina il-bogħod mid-dar. Is-sessjonijiet tat-taħriġ mhumiex meħuda bis-serjeta u x’jagħżel aktar ma tantx hemm. Jipprova jgħallem imma għandu udjenza b’widnejn torox u issa l-vuċi bdiet titlaq sew. Xeba’ jitkellem mal-ħajt u l-ġimgħa l-oħra minflok sab il-media Maltija.

Is-sinsla baqgħet hemm, imma s-saqajn immwaħlin fit-tajn.