Sunday, September 26, 2010

Il-logħba s-sabiħa?

Kienet tissejjaħ il-logħba s-sabiħa. L-ispeċjalita tagħha? Is-sempliċità. U għalhekk saret il-logħba tal-umli. Il-ħarba mir-realtà tal-klassi li tinsab ‘il bogħod mill-poter. Il-ballet ta’ dawk inqas sofistikati jew li ma twieldux b’imgħarfa tal-fidda f’ħalqhom. Plejer bħal Billy Liddell, Skoċċiż u wieħed mill-aqwa plejers li qatt libes il-flokk aħmar ta’ Liverpool kien imur lejn Anfield fil-ġurnata tal-logħba bit-transport pubbliku. Bħal wara kollox kienu jagħmlu l-maġġoranza assoluta tal-ispettaturi li kienu jmorru kull ġimgħa biex ikollhom il-privileġġ li jaraw fl-azzjoni lilu u l-għaxar plejers l-oħra li jilbsu l-flokk aħmar. Il-plejer u l-ispettatur jgħixu f’dinja simili. Il-plejer huwa sempliċiment ixxurtjat biżżejjed li għandu talent li jaqla’ l-għajxien tiegħu permezz ta’ din il-logħba sabiħa u jipprattika sengħetu fuq ħaxix aħdar minflok f’xi minjiera taħt l-art jew fuq ix-xatt waqt li jirriskja ħajtu kontinwament.

Il-klabb u l-istadju għandhom il-karatteristiċi tagħhom. Il-plejer huwa assoċċjat mal-klabb u mhux il-klabb assoċċjat mal-plejer. Il-klabb għandu identità u ma jikkupjax lill-avversarju tiegħu. Kull tim għandu ċ-ċans tiegħu li jieħu unur fl-aħħar tal-istaġun u jpoġġi tbissima u jixgħel għajnejn il-partitarji tiegħu. Il-lista twila ta’ timijiet differenti li rebħu unur prestiġġjuż bħall-FA Cup huwa xhieda ta’ dan.
Persunaġġi ċelebri u ta’ ċertu poter ovvjament baqgħu ‘l bogħod mil-logħba. Jiddarsu jitħalltu ma’ dan l-isport sempliċi. Wara kollox, min hu b’moħħu f’postu li jrid jkun parti minn massa li tara logħba bil-wieqfa u tiġi aggredita mill-pulizija b’mod kontinwa? U, l-entrepreniżmu ftit għandu ċans jikber f’ambjent bħal dan.

Illum il-ġurnata, l-istorja ma tistax tkun aktar differenti minn dan kollu. Kelb żvelt u leali li jifraħ bik meta ttih l-anqas attenzjoni, żvolġa f’barri li jippreżenta ruħu li inti trid minnu u mhux viċi-versa. Fuq kollox l-istess barri huwa mlibbes ta’ ħaruf.
Dak li kien sempliċi ġie kkumplikat. Dak li kien innoċċenti ġie korrott. Ir-regħba belgħet kollox. Il-karattru ta’ kull klabb ġie żvinat b’ġirja kontinwa lejn il-kummerċjaliżmu. L-identità intilfet. L-ispettatur, li f’qiegħ qalbu huwa partitarju u jrid ikun parti mill klabb sar sempliċiment konsumatur. Il-logħba tibda bil-parità ta’ ħdax –il plejer kontra ħdax. Imma l-parità hija artifiċjali. Il-logħba hija battalja ta’ bejn min għandu u min m’għandux. Fejn qabel kienet sorpriża li ma jkunx hemm sorpriżi, illum sorpriża hija skerz. Ta’ fuq b’bankina aktar b’saħħitha mill-ħdax ta’ dawk ta’ isfel. U kollox jibqa’ l-istess, sena wara sena. Ta’ fuq komdi. Ta’ isfel m’għandhomx saħħa biex jiġġieldu għax nofshom falluti jiġru wara denbhom stess.

Il-plejer imsejjaħ l-istilla jiskorja u jbus l-arma fuq il-flokk, l-istess arma li għal ħafna, fosthom jiena, kienet jew għadha qisha l-motto konsistenti ta’ ħajjithom. Imma għalih dik l-arma hija l-logo tal-kumpanija li qed tqallgħu l-eluf ta’ liri fil-ġimgħa u li jdawwarha minn staġun għall-ieħor bħal kif inti ddawwar minn stazzjon għal ieħor tar-radju. Il-plejer mhux talli m’għadux jgħix fl-istess dinja ta’ min suppost qiegħed jirrapreżenta imma f’univers kompletament differenti. Inti ċċapċaplu anke wara telfa f’kesħa xxoqq il-għadam għax hekk ġejt mgħallem u hu issa qiegħed jaħseb kif ser jippoża fir-riklam il-ġdid li għandu.

Dik li kienet darba ħarba mir-realtà saret gaġġa fiha nnifisha. Il-klabb tiegħek minflok huwa l-kenn tiegħek, huwa l-mod ta’ kif inti tiġi sfruttat. Il-lealtà tiegħek m’hijiex apprezzata, u kull fejn tħares tara lil xi ħadd li jrid jipprova jbegħlek xi ħaġa biex ikabbar il-profitti li inti m’intix se tara investit fil-grawnd imma f’qliegħ akbar bejn id-diretturi. L-entrepreniżmu mhux talli daħal, imma ħataf kollox. Nies b’kuxjenza ta’ iljun bil-ġuħ investew il-loqom u issa jridu kollox. Id-diskursata bejn il-partitarji mhux fuq il-logħba imma fuq min se jeħodna. Imma issa d-deheb inbiegħ darba għal dejjem. Forsi tort tiegħi u tiegħek għax ma rajniex fil-bogħod u rajna kbir u għamejna bid-deheb ilellex. Imma issa tard wisq.

Ma niflaħx inkun aktar parti minn din il-kummiedja u flok qalbi se nagħti dahri. Għejjejt u xbajt waqt li f’qalbi nibki meta nara x’ġara mil-logħba li kienet tissejjaħ s-sabiħa u klabb li xi darba ismu biss kien iqajjimli ġismi xewk xewk.



Dan l-artiklu kien oriġinarjament inkiteb għar-rivista Anfield Island, li huwa l-publikazzjoni uffiċjali ta' Liverpool Supporters Club (Malta), rivista li fiha servejt bħala editur għal għaxar ħarġiet. Dan l-artiklu iżda ġie ċċensurat.