Friday, December 28, 2007

Kju

Tmur fejn tmur bil-kju. Passatemp favorit tagħna u waqt li qegħdin hemm nipprattikaw passatemp marġinalment favorit aktar minn hekk, it-tgergir. Fl-istess ħin, passatemp favorit u fl-istess ħin ma nafux inżommuh. Qisu dak, jew aħjar jien li jħobb il-futbol daqs dawl għajnejh, imma umbgħad xutt dritt sempliċi f’lasta vojta jispiċċa aktar iva milli le jaħbat max-xibka msadda tal-madwar milli fix-xibka tal-ħael ta’ mal-lasta.
Ninġemgħu gozz, min jimbotta xi ftit ‘l hinn u min jintrass ‘l hawn. Erba’ ljunfanti kapaċi jżommu linja dritta aktar minna. L-Inglizi aktar ħallewlna ċ-ċips fil-kultura tagħna milli sens ta’ kju, żgur. Forsi għalhekk Mintoff wara kollox neħħielhom il-bażi tagħhom minn hawn. Ħarrquh. U la nħaraq il-Perit ħraqna l-murtali biex niċċelebraw li telqu.

Tgħaddi minn quddiem bank, jew xi dipartiment tal-gvern, tara kju jew forsi aħjar ċorma nies tinġabar qabel waslu l-impjegati, qisek tipprova ssuq karozza qabel tixgħel il-magna. Imma tal-ewwel jieħu premju. Jibda l-ġurnata tal-kaxxier jew skrivan, li bħalu min jaf kemm jrid jħabbat wiċċu miegħu matul il-ġurnata. U wara jgħaddi għal tè u jiftaħar li kien l-ewwel. Iħobb ibakkar. Isarraf ċekk jew iħallas kont qisu sejjer għall-kaċċa. Dam aktar jistenna quddiem bieb magħluq milli kieku mar aktar tard, imma l-midalja tal-ewwel wara kollox ħadha hu. L-unur kollox.

Mitt elf magna u mezz biex jinqeda fil-kumdita, imma daqqa ta’ timbru aħjar minn kollox. It-timbru serħan tal-moħħ, bħal meta tara baqra ttimbrata, bla mad cow disease żgur din. Imma għat-timbru jrid jistenna. Jagħżel il-ħmara flok karozza u wara jgerger li wasal bil-mod. U jinħaraq. Imma m’għandux s-saħħa li kellu l-Perit u ma jkeċċi lil ħadd u jistenna kull darba jerga’ jkollu. U ħmar għalxejn toqorsu.

Imma għallinqas hemm kaxxiera titbissimlu meta jasal quddiemha.
‘Daqshekk biss juża ilma’, tkun qed tgħid bejnha u bejn ruħha. Ħarsa minn taħt il-għajn lejn il-kundizzjoni tal-flokk tas-suf u l-odur jikkonfermawlha d-dubji.

U t-tbissima tinbidel f’daħka.

Friday, December 21, 2007

Il-Milied it-Tajjeb


Is-siġra tal-Milied baqgħet fuq ir-raff, ġo borża tal-plastik tilqalha t-trab u l-presepju tal-karta pesta maġenbha. Ħarget biss statwa ta’ tarbija f’maxtura li f’dawn l-inħawi tissejjaħ il-Bambin u tpoġġiet, fuq mejda b’liżar abjad fuqha, u ftit ġulbiena quddiemu. Meta jmut xi ħadd tal-familja mas-sena, il-luttu intern jirrikjedi li t-tiżjin tal-Milied jinżamm f’minimu. Barra t-triq hemm kemm ‘il tieqa mixgħula u donnhom jistunaw ftit għax għal mument taħseb li kulħadd bħalek għaddej minn Milied kwiet, meta d-dinja għadha għaddejja qisu xejn mhu xejn, u fl-aħħarnett in-nuqqas tas-siġra u d-dawl ma jnikktekx wisq, anzi kważi biċċa xogħol anqas.

Il-festini saru xorta, wieħed f’wieħed bħas-soltu bħal vaguni mwaħħlin ma’ xulxin u jidher li qed jitwaħħlu vaguni oħra żejda aktar ma qegħdin noqorbu lejn id-destinazzjoni. Ix-xorb baqa’ għaddej u t-tnaqqir l-istess, kultant iżżejjed, imma qisek trid tkompli. Kultant taqbeż xi wieħed għax il-borża xpakkat sewwa u dalwaqt trid terġa’ titfalha ftit ieħor.

U għal lejlet il-Milied x’se tagħmel? Qisha biċċa xogħol kbira, tipprova tagħmel xi ħaġa differenti imma x’aktarx taqa’ s-soltu, xarba f’Paceville f’post ippakkjat aktar minn ieħor, griżmejk jixxottaw sakemm tordna l-birra jew vodka ieħor u dan wara siegħa ddur mat-toroq tipprova tilmah fejn tħalli l-karozza. Imma umbgħad jbattu n-nies, tbatti r-rassa, tieħu ftit tar-ruħ, ma tbatix l-għatx bejn tazza u oħra u ċċarrat ħalqek ftit aktar. L-ingravata tħollha ftit, tiftaħ il-buttuna ta’ fuq, u waqt li qiegħed ttektek snienek mas-silġ fit-tazza tiftakar li għada jew aħjar illum stess għandek ikla ma’ ta’ ġewwa, u li l-Milied żmien ta’ hekk u t-tradizzjoni għalissa għadha togħġbok.

U l-mobajl mimli messaġġi minn min ma ndenjax jibgħatlek kartolina. Imma inti tweġibhom wieħed wieħed xorta, għax dan żmien ta’ hekk, wara kollox lanqas int ma tantx bgħatt kartolini. Grokk ieħor u tidħak fil-vojt lejn wiċċ il-mobajl.

Friday, December 14, 2007

Dawl żejjed


Ħriġt mix-xogħol ghall-ħabta tas-sagħtejn u nofs, u ħaffift il-pas għax bdiet traxxax xi ftit. Taqtir nieżel konsistenti bil-mod bil-kemm jxarrbek qisu ħiereġ minn doxxa ta’ sular ta’ fuq nett bi pressa baxxa.
Dħalt fil-karozza, u bdejt insuq lejn Buġibba u l-ajru donnu krieh, il-pressa tad-doxxa żdiedet ftit u l-atmosfera mgħejjuna mis-sħab ġiet aktar griża, bħal dak li għadu mhux deċiż jmurx għall-iswed jew għall-abjad, biss donnu bħalissa qiegħed jxaqleb lejn tal-ewwel.

U għalkemm għadna kmieni wara nofsinhar xegħelt id-dawl tal-karozza. Użanza rari użata hawn Malta. Niftakar meta mort l-ewwel darba Ruma, fil-qilla tax-xemx ta’ nofsinhar f’Lulju kienet l-ewwel ħaġa li osservajt. Karozzi kollha bil-fanali ta’ quddiem jixgħelu u x-xufier kien qalli li minn studju sabu li fanali ta’ quddiem mixgħula ovvjament jiġbdu aktar l-attenzjoni tas-sewwieq oppost u l-aċċidenti tat-traffiku naqsu bi kwart.
U ħassejtni qiegħed nagħti eżempju lis-sewwieqa l-oħra, nipprova ndaħħal użanza nobbli, u kull ma kien jonqos pjattaforma għolja bir-roti għal taħt il-karozza ħalli nidher u kulħadd jieħu din it-tagħlima.

Ftit wara wasalt fejn kelli nasal u pparkjajt. Ix-xita kienet għadha nieżla, u ħaffift il-pass lejn il-bar fejn kellna niltaqgħu. Dħalna, ħadna l-ewwel birra jew vodka, u bdew il-konversazzjonijiet tas-soltu. Ml-ħin ordnajna l-pizzez, kulħadd jaqsam u jħallat bħall-aħwa, u wara wasal il-ħin tar-rigali mill-imgħallem, li aħna nsejjħu l-boss. U jien messni ktieb li l-għażla tiegħu mill-imgħallem wera li studjani ftit mhux ħażin f’dawn ix-xahrejn li ilna flimkien u laqtitni l-kwotazzjoni ta’ George Bernard Shaw, ‘You will never write a good book until you have written some bad ones’.

L-attenzjoni waqgħet fuq l-Għawdxi tal-grupp u dħakna għax qal ċumbini fuq labar tal-inxir. Umbgħad qbadnieha fuq kemm jagħmel sens pont bejn Malta u Għawdex. Bejn jnaqqas mill-istrapazz tat-traġitt u l-użu bilfors tal-vapur, bejn li jsir aktar kummerċ bejnietna, u bejn li l-esklussivita ta’ Għawdex tintilef darba għal dejjem. Ma tħossokx li nqtajt biżżejjed minn Malta jekk se tqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk għax il-kumdità u l-faċilta jnaqqsu mill-gost u l-avventura. U wara ftakarna li bħalissa lanqas kapaċi nlestu l-pont ta’ Manwel Dimech, u l-argumenti waqgħu fix-xejn bħal meta qiegħed issaqsi għasfur f’gaġġa jippreferix dud jew ħaxixa selvaġġa x’jiekol, meta quddiema skalora biss għandu.

U gerbeb il-ħin u lill-Għawdxi wegħdtu li issa nwasslu saċ-Ċirkewwa. Wasalt fejn il-karozza u nara d-dawl ta’ quddiem għadu mixgħul, din id-darba naħseb biex ngerrex xi ħalliel. Dħalt fil-karozza u ovvjament din ma qabditx, bħal molla mgħattna li ma toqmosx.

U flok pjattaforma ta’ ftit siegħat qabel xtaqt ħofra biex nitgħatta mill-Għawdxi ta’ quddiemi li issa ma stajtx inwasslu. Imma għallinqas ma kienx tfajla.

Thursday, December 6, 2007

L-għodwa t-tajba

Sirt inqum mingħajr żverjalin. Dak il-ħoss ta’ fil-għodu normalment waqt xi ħolma stramba kien jaqtani minn gewwa qisu d-daqq tal-qanpiena ta' tmiem l-eżami meta għadek ma wasaltx għall-konklużjoni tal-essay. U meta jkun f'nofs gimgħa ħażina fejn jekk jiġi kelb fidil jaqbeż fuqi biex jifraħ bija jispiċċa jqattali l-qalziet, il-ħoss tal-qanpiena tinbidel f'sirena.
Bhalissa differenti, sirt inqum waħdi, mingħajr wisq sforz, nixgħel id-dawl tal-kamra, ħa nsib xorz, flokk u par kalzetti, nxiddhom u noħrog barra, f'atmosfera kwieta u kemmxejn mudlama. Nimxi ftit, u wara naqsam it-triq u tibda l-ewwel attivita tal-ġurnata, ġirja għal għonq it-triq, pass wara pass, nifs wara nifs, beat wara beat ħiereġ mill-Ipod. U qabel dan kollu, l-Ipod jippreżentali l-ewwel dilemma tal-gurnata. Min se jibdieli l-ġurnata? The Beatles, Franz Ferdinand, David Bowie, The Guillemots, Pulp, Ian Brown jew Jarvis Cocker? Jew forsi s-Shack, imma llum rebhu l-REM.
U nkompli għaddej, u mit-triq nikser fuq il-lemin għal fuq il-pont u l-karozzi mill-bogħod sa dan il-ħin jidrilhom biss il-fanali ta' quddiem, bħal kollega kieku naħdem f'minjiera. U bejn diska u oħra bħalissa nisma' z-zekzik ta' xi pitirross, u għalissa x'se nsib quddiem wiċċi fl-uffiċċju mal-ġurnata għadu 'l bogħod ħafna.
Nitla' ftit ta' telgħa mserrpa, bi sforz ta' karozza tal-linja mgħobbija sa ruħ ommha u wara nerġa' nsib il-wità u n-nifs jeħfief. U l-arloġġ jkun dar xi ftit, l-attivita tiżdied, tiltaqà kultant ma' xi tlett nisa flimkien jieħdu bankina sħiħa, mid-dehra jikkumbinaw ilsienhom ma' riġlejhom b'sinkronizzazjoni sublimi biss xi ħaġa tgħidli li jinsew l-użu tal-moħħ fil-proċess. U hemm oħra tgħaddi dejjem waħedha, tieħu l-mixja bis-serjetà fejn il-mixja fiha nnifisha attivita, iżjed milli skuża għal ħarġa. U kuntrarju għat-trio ta' qabilha taf li jeans għal mixja twila qisu ġlekk għal fuq il-bahar. U jgħaddi xi wieħed għandu xi ftit taż-żmien, b'pass mgħaggel sew b'xi flokk ta' xi maratona jew nofs waħda, juri li meta trid ż-żmien ma jimpedilekx il-ġogi ta' saqajk u fl-istess nifs jfakkarni kemm jiena 'l bogħod minn atleta dilettant.
U sa dan it-tant jibda jbexbex sewwa, nibda nara s-swar tal-Imdina jiddominaw u x'hin nasal f'salib it-toroq flokk nattakka l-belt l-antika bħal furban, nagħtiha dahri u nara r-Rotunda minflok u jkun baqa' biss it-tieni nofs tat-triq, u t-telgħa tibidel f'niżla u l-karozza tal-linja mgħobbija tinbidel f'Mini Minor bis-sewwieq biss.
Jibqa' l-ahhar ftit u mingħajr ma naf nerġa' nasal minn fejn bdejt, nħoss l-għaraq nieżel minflok jxoqq u l-adrenalina tippompja tal-ahhar ftit. U d-doċċa ftit wara qisha ġelat wara ikla tajba.

Friday, November 30, 2007

'The Sopranos' u klamari

Rajt episodju ieħor ta’ ‘The Sopranos’ fuq dvd li krejt. Wasalt fir-raba’ episodju tat-tieni serje u jkolli nammetti li l-aktar biċċa xogħol Amerikana li qatt sammritni. Is-soltu jekk xi ħaġa ma tkunx ħierġa mill-BBC, nkemmex xufftejja u nxammar imnieħri lejha. L-atturi, l-plot, l-aċċent Amerikan-Taljan u l-umoriżmu iswed qiegħed jwaħħalni bħal qarnita quddiem it-televiżjoni episodju wara episodju, dvd wara dvd. Illum kien hemm xena li daħħkitni sewwa.

Il-Mafjużi qegħdin Napli, u wieħed minnhom qiegħed fis-sodda waqt li l-qaħba li raqad magħha qabel qiegħda tlesti biex titlaq ‘l hemm. U hu għandu aptit jparla ftit waqt li jqabbad sigarett u jfakkarha li ‘the customer is always right’ u s-servizz għadu mhux komplut. Insomma hu mixħut minn tulu fis-sodda u hi l-istess kontra tiegħu, b’interess ta’ qattus lejn biċċa għadma. Paulie jsaqsieha minn fejn hi, u hi tgħidlu li minn Ariano Irpino. U Paulie jiddritta qisu kelb meta tiġbidlu denbu.
You’re shitting me, there’s where my grandfather’s from!
Our families probably know each other.


U fakkarni bħal meta hawn Malt tiltaqa’ ma’ xi ħadd mingħajr ma tafu minn Adam, jsaqsik minn ta’ min int, tgħidlu l-laqam tal-familja, ‘u l-Alla ta’ min inti, kemm intom tfal sewwa!’.

U wara nżilt isfel għall-ikel, u sibt platt klamari jistennieni. Għamilt żmien kont nitkerrah lejn il-ħut, bħal Ingliż meta jara platt mingħajr patata moqlija. Imma xi sena u nofs ilu wiegħedt lili nnifsi biex nagħmel sforz u napprezza aktar dan il-platt differenti. U rnexxieli, ma rridux kuljum imma meta nsibu quddiemi sirt nitbissem lejh. U għalhekk sar xi ftit progress, minkejja li ninsisti li l-ħuta tkun ffiletjata għax ix-xewk jdarrasni. U nieħu pjaċir nagħżel xi flixkun inbid abjad miegħu u nieħu gost naralu l-qiegħ. Illum imma kienet differenti l-ikla. Ir-riħa ma tantx kienet pjaċevoli u bdejna wieħed minn taħt mill-ewwel. Kilt ftit u l-istonku ħadu fuq demm id-dars. U qbadt diskursata ma’ ommi u qaltli li l-ħut tippreferih f’nofsinhar u issa qiegħed naħseb li meta kiltu l-aħħar u niżilli għasel kien f’nofsinhar. Il-ħin jagħmel differenza f’kollox, il-palat forsi bil-burdati differenti tiegħu skond il-ħin ukoll. Bħall-moħħ, fil-għodu kmieni meta nkun għadni fis-sodda kultant jgħaddu mitt elf ħsieb minn moħħi, wara mmur niġri ġirja u jgħaddieli. Bħal fit-Tazza tad-Dinja tal-2002, tqum tara logħba fl-għaxra ta’ fil-għodu. Ċertu maġija titlaq. Forsi għax ma jkollokx ċans taħseb fuq li ġej? Forsi għax m’hemmx stennija? L-istess meta konna niltaqgħu għal xi logħba tajba, f’dak il-ħin, flixkun birra jew ftit vodka ttelgħalek l-istonku, kif jgħid il-Malti kollox f’ħinu u f’waqtu.

U għada xogħol u jibda tmiem il-ġimgħa. Għadni lanqas naf x’se nagħmel għada wara nofsinhar. Il-Liverpool mhux se jilgħabu s-Sibt u rrid nivvinta xi ħaġa oħra. U issa sejjer ftit ‘l hemm, għandi ‘Crime and Punishment’ jistennieni u wasalt fl-aħħar mitt paġna u bejn rrid nispiċċah u bejn rrid nibda ieħor. Xi ħaġa ta’ Murakami naħseb issa jmiss.

Wednesday, November 28, 2007

Se nitlaq dalwaqt


L-aħħar li dħalt il-Belt sibt arloġġ enormi jilqagħni, jgħoddli l-ġranet għad-daħla tal-Ewro f’pajjiżna. Fuq il-websajt interna tax-xogħol l-istess. Illum fakkritni jew aħjar avżatni li baqa’ erbgħa u tletin jum biss. U ma’ dan in-numri jien dejjem inżid numru ieħor. Għax l-għada se nitlaq, u din id-darba se noħroġ mill-Ewropa. U se naqsam il-kontinenti, u sebgħa u għoxrin siegħa wara li l-ajruplan jgħolli r-roti mill-mitjar ta’ Ħal Luqa, ajruplan ieħor għandu jniżżilni Melbourne. U din id-darba mhux mawra qasira ta’ ġimgħa jew tnejn, imma għal kwart ta’ sena.

Se nitlaq ftit il-kenn u l-kumdita tad-dar. Se niftaħ ftit ġwienħajja u nara orrizzonti oħra, u min jaf niġix lura liebes nuċċali xi ftit differenti minn ta’ issa. U se ngħaddi minn sajf ieħor bħal li kieku li għadda ma kienx biżżejjed. U se jkolli aktar ħin għalija u min jaf x’se niskopri fija nnifsi aktar milli skoprejt s’issa. Se nibda ngħix tmien siegħat qabel il-ħajja tal-lum, kieku bħalissa per eżempju x’aktar rieqed qiegħed.

U min jaf nibdiex nħoss nostalġija għal xi mument bħal dan, x’se nħoss meta forsi nara xi bandiera bajda u ħamra tperper, u jekk jkollna l-elezzjoni waqt li jien nkun hemm hux se nqum fil-għodu niċċekja kif marru l-affarijiet.

U r-rutina se nkissirha għall-ewwel darba fi tmien snin u min jaf moħħi u ġismi kif se jilqa’ din il-bidla.

U sa dakinhar nipprepara xi ftit dettalji ‘l hemm u ‘l hawn. Il-kbir sar issa.

Friday, November 23, 2007

Ta' Qali

Ta’ Qali, biċċa art vojta bejn il-Mosta u Ħ’Attard. Baħħ kbir, fejn fi żmien il-gwerra kien jintuża bħala mitjar u fil-bidu tas-sebgħinijiet apparentament ħafna Maltin ltaqgħu meta nħass terremot. Ir-riħ jaħkmek minn kullimkien, kważi anke fis-sajf kultant tħoss il-bard. U f’nofs dan kollu għandna l-istadju nazzjonali. Miċ-ċentralitá tal-Gżira għall-periferijá ta’ Ta’ Qali. U forsi sinjifikanti li poġġejna dar il-futbol tagħna f’periferijá, bħal meta twaħħal xi nkwatru mimli susa fil-kamra tal-bejt minflok fil-kamra tal-pranzu.

Ma nafx kienetx l-ewwel logħba li attendejt jew le imma żgur li l-ewwel logħba li baqgħet stampata f’moħħi. Konna kontra l-Isvediżi u missieri ħadni miegħu. Ftit riċerka żgħira għallmitni li qiegħed immur lura sas-16 ta’ Novembru, 1986 – wieħed u għoxrin sena ilu meta kien għad kelli sitt snin. Kien ħareg block-ticket ta’ għaxar liri għall-logħbiet kollha f’Ta’ Qali tal-grupp u l-investiment ta’ missieri vvendika ruħu mill-qrid ta’ ommi kmieni, meta fit-tieni logħba li kienet taħbet kontra l-Italja, l-MFA ħarġet l-irħas biljetti bil-prezz ta’ ħames liri. Niftakarni nieħdu bħal speċi ta’ cushion magħna għalija, fi żmien meta l-Valletta Side kienet tal-konkos u l-uniku sidien kienu l-bankijiet tal-injam ħodor fl-Enclosure. Għadni niftakar il-flokkijiet sofor Svediżi, u lil missieri jgħajjat OFFSIDE b’ħanġra daqsiex b’idu miftuħa, u wiċċu aħmar nirien meta qlajna l-ewwel goal, u jien bejn sorpriż u bejn mgħoxxi bid-daħk għax sa fejn naf jien missieri jitbaqbaq biss fuq il-politika. U insomma qlajna erba’ goals oħra mingħajr risposta ta’ xejn u missieri ma fetaħx ħalqu darba oħra ħlief biex forsi jkellimni jew jgħallimni xi ħaġa minn ħin għal ieħor u mingħajr ma forsi qatt għaddietlu mill-kurituri ta’ moħħu kien qiegħed jiżra’ xi ħaġa f’ibnu, xi ħaġa li ma nafx hiex warda jew xewka, saná jew ġennata.

Logħba wara logħba, f’dak il-grupp morna flimkien jien u missieri, u bqajna sejrin hekk tul is-snin. U maż-żmien missieri bired għax bħal donnu issa ra kull ma kellu jara, u jien għal xi żmien qtajt xi ftit wkoll. Imma wara saqajja bdew jerġgħu joħduni għal darb’oħra lejn Ta’ Qali, u l-Erbgħa li għaddew l-istess għamilt. It-Tlieta, mort naqta’ l-biljetti mill-gym ta’ Ta’ Qali qisu mhux se nsib biljetti dakinhar tal-logħba bħal li kieku l-logħba xi kunċert esklussiv ta’ David Bowie. Imma ħadt gost niġri bil-biljetti fil-kartiera, naf li l-għada se nara t-tim nazzjonali. Tara kemm tara logħbiet bi kwalita sublimi fuq it-televiżjoni, ftit futbol quddiem għajnejk u inti fil-grawnd dejjem tridu. U kelli ftit tamiet fil-qiegħ ta’ qalbi li wara l-famuża logħba tal-Ungerija s-sena l-oħra bdew jinbtu qabel kull logħba, u li lanqas r-riefnu tal-Greċja ma rnexxielu jtajjar.

Sibt posti fil-Millenium Stand bħas-soltu, din id-darba fuq sit minflok fuq il-konkos tal-ewwel logħba u għall-bidu l-flokkijiet ħomor anke taw id-demel lil dawk it-tamiet żgħar, żgħar. Inħares lejn l-arloġġ u ninduna li għaddiet biss kwarta u l-arloġġ jfakkarni b’mod kiesaħ daqs it-temp Norveġiż li baqa’ ħafna x’jista’ jiġri.

U l-arloġġ mgħannaq mar-realtá ma jmorrux żmerċ, meta sa nofs siegħa wara konna tlieta b’xejn minn taħt. Michael Mifsud, bil-faxxa f’idu tana ftit tama b’gowl ta’ opportunist li hu. Imma l-ħmar il-magħkus jdur għalih id-dubbien u Andrẽ Schembri tkeċċa b’deċiżjoni Stalinista mir-referee Russu, f’ħin meta aktar milli bħal ħmar magħkus il-ħomor dehru aktar bħala pony tax-Shetland li b’daqs żgħir għandu saħħa spoporzjonata mad-daqs tiegħu.

Għadda ftit ta’ ħin ieħor, qlajna gowl ieħor u wara waslet it-tisfira finali tal-logħba u niżlet il-purtiera fuq din l-avventura tal-grupp fejn mat-tumakki tas-soltu, għal tlett darbiet għollejna rasna bis-saħħa u lil min ilqatna weġġeajnieh u aħna tapptapna tnejn fuq sidirna.

Saturday, November 17, 2007

Għalik zi...


Niftakrek tixxkatla u ż-żebgħa tisparixxi minn mal-ħajt. Titla’ sellum qisek qiegħed titla’ taraġ wiesa’, u ttiha b'xi kazzola jew pinzell. Niftakrek fil-bidu taghmel il-post tagħna, fi żmien li kont tiġi l-Ħadd. U s-Sibt ta' qabel kien jkun qisu l-Milied, kont tiġi torqod għandna ma' martek u ziti. U dejjem ġġib xi ħaga miegħek qisek obbligat, meta l-pjacir kont qiegħed tagħmlu int. U kont nistenna s-Sibt mit-Tnejn.

U niftakar għedtlek biex toqgħodli parrinu għall-Griżma tal-Isqof. U inti aċċettajt u naħseb fraħt ħafna għax l-ewwel darba mid-dehra li qgħadt parrinu lil xi ħadd. Ġejt minn kmieni dakinhar u wara nofsinhar erħejnielha flimkien lejn ir-Rotunda. Iċ-ċerimonja kienet twila, twila ħafna u inti bi ġlekk u ingravata qisek liebes xalpa fl-eqqel tas-sajf ħassejtek skomdu u niftakrek toħrog inkiss inkiss ta' malajr ħa tieħu ftit ilma minn xi każin. Ma tantx domt, m’għedna ‘l ħadd, ħallejnieha bejnietna u ftit wara tlajt miegħi quddiem il-qassis. Għaddiet iċ-ċerimonja u morna lura d-dar għall-festin u dak inhar kienet it-Tazza tad-Dinja tal-Italja u l-Ingliżi kienu kontra l-Kamerun fil-kwarti tal-finali. Nġabar kważi kulħadd quddiem it-televizjoni u qiegħed ngibek bħalissa quddiem għajnejja tħabbat mal-koxxa tal-bieb meta David Platt fetah l-iskor.

Jien tfarfart u inti kbirt. Xtrajt appartament għalija u ġejt għal darb'ohra tbajjaduli int.

Sena wara sena, Milied wara Milied niġi għandek f'dar li semmejtha għalija ħa nagħtu l-Milied it-Tajjeb lil xulxin u martek avolja kbirt baqgħet tlestili rigal. Inti turini x'żidt fil-kamra ta' fuq il-bejt fejn tħobb tqattagħha, u tara xi film antik tal-Western. Wara nerġgħu ninżlu, inti tieħu grokk ma' missieri u jien nieħu xi ħaġa ħafifa għax il-lejl ta' qabel inkun ħadt erbgħa mhux hazin u l-istonku ma jiflaħx aktar xorb irqiq. Jsir il-ħin u nerġgħu nixtiequ il-kumplament u aktar tard il-ġimgħa jkun jmiss lilek tiġi għandna.

F’nofs din is-sena ma bqajt tixxkatla, ma bqajtx taħdem u l-kankru xkatlak minn ġewwa u bħal ħitan li kont tixxkatla int ma bqajtx tingħaraf. It-Tlieta rajtek tal-aħħar u inti ma rajtnix, u llum tajtek l-aħħar tislima fil-funeral tiegħek. Qrajtlek l-ewwel qari, u min jaf smajtnix?

Xahar u ftit ieħor il-Milied u naf li mhux se jkun l-istess bħal ta’ qabel. Pastur prinċipali tal-presepju issa nkiser, u s-seħer tal-kewkba naturali tiddi qiegħda dejjem tmajna.

Strieħ, strieħ Lel.

Wednesday, November 14, 2007

Il-logħba s-sabiħa u lil hinn minnha


Dejjem kien hekk, naħseb minn mindu bdejt nimxi. Il-ballun kien il-ġugarell ta’ qalbi. Niftakarni waħdi niġri bil-ballun f’saqajja tul il-kuritur tal-flett fejn konna noqgħodu dak iż-żmien. U ommi tgerger għax qed indejjaq lil ta’ taħtna. Imma l-kilba li kelli għall-ballun kienet ixxejjen it-tgergir kollu, u l-bieb fit-tarf tal-kuritur kien il-lasta tiegħi. Missieri kien jħobbha l-logħba u l-ftit li kien jkun hemm dak iż-żmien fuq it-televiżjoni rari kien jitilfu. Sa dak iż-żmien kont għadni nħobb nilgħab biss u ma tantx kont inħobb nara logħob, imma darba x’aktarx biex inħallih bi kwietu missieri qalli li jekk nara din il-logħba miegħu nitgħallem ħafna u nsir tajjeb bħalhom, u donnu mpressjonani sewwa għax niftakar nistenna biex nara xi logħba li tkun qed tintwera diretta u niftakarni nistenna bil-ħerqa dak iż-żmien il-programm ‘Big League Soccer’.

L-imħabba lejn il-logħba u t-tagħrif ta’ kull statistika li kelli f’qalbi u f’moħħi iżda donnhom baqgħu hemm u qatt ma niżlu f’saqajja. L-entużjażmu u l-ħolm baqa’ hemm imma ż-żmien jibda jgħallmek li l-aktar li se tasal huwa xi goal fl-għalqa ta’ warajna u l-flokk aħmar bis-salib tal-kavallieri qatt m’hu se tilbsu. Imma jibqa’ jagħtik pjaċir xorta waħda. Forsi fid-dinja hekk, aktar ma tħobb xi ħaġa aktar tiġi mċaħħad minnha.

Imma b’daqshekk ma jimpurtax, u tibda tara l-logħba minn lenti differenti. U ttik ħafna xorta waħda. Tterraq ħafna toroq biex tara t-tim tiegħek. M’għandek l-ebda saħħa jew influwenza xi jsir fit-tim, imma dak mhux sempliċiment tim favorit, dak it-tim tiegħek, inti parti minnu. U l-logħba flimkien mat-tim tieħdok f’postijiet u bliet li kieku lanqas toħlom li tmur. Tlaqqak ma’ nies differenti u ssib ħbieb ġodda.

Niftakarni nidħol membru l-ewwel darba fis-Supporters Club tal-Liverpool hawn Malta. Il-klabb kien għadu jibda, dak iż-żmien kont għadni student u fis-sajf kont naħdem Farsons. Niftakarni qiegħed inbiddel u mal-locker kelli ritratt meħud minn gazzetta ta’ Michael Owen. Wieħed mill-istudenti l-oħra bħali rah u staqsieni jekk inżommx mal-Liverpool, weġibtu iva. Staqsiniex jekk inhiex membru u weġibtu fin-negattiv għax qisni kont niddejjaq mmur waħdi. Qalli li s-Sibt li ġej se jkun hemm u ftehemna li niltaqgħu. Dħalt membru dakinhar, għadna ħbieb sal-lum, u minn dak iż-żmien tlajt fil-kumitat, servejt ta’ segretarju u issa editur ta’ Anfield Island, ir-rivista tal-klabb.

‘You’ll Never Walk Alone’ ssir is-soundtrack ta’ ħajtek. F’xi rebħa jew suċċess fil-ħajja biex tiċċelebra, u anke f’xi telfa għax wara kollox uliedek meta jiżbaljaw uliedek jibqgħu.

Tibda taħdem, twarrab xi ħaġa u flok tixtri karozza bħall-oħrajn, tibbukja tour mal-klabb ħa tara għall-ewwel darba lit-tim tiegħek b’għajnejk f’Anfield. Il-lejl ta’ qabel is-safra ma tagħlaqx għajn m’għajn bħal tifel żgħir f’lejlet il-Milied. Tasal il-ġurnata tal-logħba, fil-għodu tmur il-ground ħa ddur ftit, tara x-Shankly Gates, il-Paisley Gates, l-istatwa ta’Bill Shankly u dak li rajt mitt darba fuq xi dokumentarju tmissu ftit b’idejk. Tmur lura l-lukanda, nintasab f’xi kamra tal-lukanda ta’ wieħed minn sħabek u kollha l-istess, għajnejn jixegħlu, l-biljett iddaħlu fil-but u mat-triq tiċċekkja li ħadtu miegħek mitt elf darba. Tidħol f’żewġ pubs ta’ ħdejn il-grawnd, tieħu żewġ fliexken birra, u anke x-xgħir tal-birra tibda ttiehem ħelu. Taqbad diskurata ma’ xi tnejn u tgħidilhom kemm ġejt mill-bogħod u timmpresjonahom u wara ftit tidħol f’Anfield. Ddur ftit mal-kurituri fejn hemm il-barijiet, sakemm issib minn fejn trid tgħaddi għall-post tiegħek, u tara l-ħaxix ta’ Anfield għall-ewwel darba b’għajnejk u b’qalbek tħabbat sitta, sitta taħlef li qatt ma rajt ħaxix aħdar isbaħ u jleqq daqs dan. Tkanta għall-ewwel darba You’ll Never Walk Alone u ssib ruħek parti minn komunitá.

Ddaħħal l-internet u s-sit uffiċjali tal-klabb tidħol fiha kuljum reliġjożament għal ftit doża ta’ aħbarijiet. Biss is-sit uffiċjali mhux biżżejjed anzi dawk indipendenti ħafna aħjar u tagħmel xi żewġ ħbieb oħra minn hemm u meta titla d-darba li jmiss se tmur tieħu żewġ fliexken birra magħhom qabel il-logħba. Huma jġibu ħbieb oħra u l-grupp dejjem jikber.

Il-belt ta’ Liverpool mhux xi Pariġi. Ma tantx tisma’ jew qatt ma tisma b’xi koppja li se jqattgħu qamar il-għasel tagħhom hemm. Imma xorta waħda partikolari b’identitá, storja u karattri partikolari. Belt li fis-snin sittin kienet iċ-ċentru tad-dinja bil-Beatles jiddominaw u jivvintaw mużika ġdida. Fit-tmeninijet il-karta nqalbet għal kollox, b’ekonomija dipressanti għall-aħħar, b’nies qiegħda kull fejn tħares, daqqiet ta’ ħarta u stmerrijiet minn kullimkien. Imma bħal kull komunitá magħquda, aktar ma taqla fuq wiċċha aktar tingħaqad u toħroġ il-kreattivitá. U l-logħba ssir strument biex tiżvoga l-frustrazzjonijiet tal-ħajja, tkanta kontra Thatcher u l-monarkija, u s-sublimita ta’ Dalglish, Barnes, Rush u l-bqija tnessiek kollox.

Tisma’ b’dan kollu, tinġibed lejn din l-istorja, trid titgħallem iżjed, taqra iżjed, tagħmel iżjed ħbieb, tikteb xi artiklu f’xi fanzine, u l-aċċent partikolari tal-abitanti jdoqq ħelu f’widnejk daqs il-kitarra ta’ George Harrison. Il-gazzetta lokali ssir it-tifkira tal-mawriet tiegħek u d-diżgrazzji tal-belt jolqtuk fil-laħam il-ħaj daqs li kieku ġraw fit-triq ta’ warajk.

Tgħajjat goal, u tħoss li bħalissa l-affarijiet miexjin ward u żahar. Tara telfa u ddendel geddum sal-art u s-Sibt fil-għaxija ma toħrogx. Jew jkun is-Sibt u wara rebħa xorta ma toħroġx, għax fil-burdata li tkun tieħu erbgħa żejda mill-klabb u għal-lum biżżejjed.

U kultant tħossok diżilluż bis-sommom oxxeni mdaħħla f’isem il-logħba. L-idolu tiegħek m’għadux dak il-ftit aħjar minnek, imma jgħix f’dar u dinja kompletament differenti minn tiegħek. Tixgħel it-televiżjoni u kultant tħoss indiġestjoni ta’ futbol. Il-kummerċjaliżmu sfrenat jaqlalek l-istonku imma taf fil-qiegħ ta’ qalbek li l-kompetizzjoni llum titlob hekk jew inkella żżarma. U l-prinċipju jsibu kunflitt u ma tikkonformax ma’ dan il-kapitaliżmu.

Tibda ddur xi erba’ pajjiżi ħalli tara t-tim jilgħab barra minn daru, u tesperjenza belt oħra waqt li tiltaqa’ mal-istess erbat’iħbieb. Tmur fil-kesħa ta’ Sofia, fejn l-istadju miftuħ beraħ u t-temperatura -9°C, Cologne fejn waqt li qiegħed fil-pub fil-lejl ta’ qabel il-logħba jidħol Benitez u taħseb li qiegħed toħlom, Lisbona, fejn in-nies hemmhekk minn tagħna ħafna u Barċellona fejn kull rokna għandha xi arti abbinata, timmeravilja bit-triq enormi tar-Ramblas anke jekk fil-għaxija trid toqgħod attent u mimlija qħab. Issib postok fin-Nou Camp u l-plejers jidhru qishom tas-subbuteo, imma tħossok privileġġjat li qiegħed hemm u wara t-tisfira finali u rebħa ta’ 2-1 minn dak l-għoli tħossok l-eqreb darba lejn il-kwiekeb.

Bill Shankly li kliemu vanġelu kien jgħid li l-futbol mhux kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. Huwa aktar importanti minn hekk. Niftakar fit-traġedja ta’ Hillsborough, sitta u disgħin ruħ jmorru logħba u ma jirritornaw qatt. Taqleb ftit il-paġna u ssib min jgħidlek li l-futbol passatemp. U hawnhekk nħokk rasi għal darb’oħra u ngħid li l-logħba s-sabiħa ħarba mir-realtá.

Thursday, November 8, 2007

Ġustizzja Għawdxija


Stenbaħt fis-sitta ta’ fil-għodu. Nixref saqajja mill-kamra tas-sodda u nħoss l-ilma taħt il-pala ta’ saqajja. Nħares l-isfel u nara għadajjar sħaħ ta’ ilma. Ndur lura lejn il-kamra tas-sodda ħa nxidd flipp-flopp u nipprova ninvestiga minn fejn ġej dan il-gelgul. Nidħol fil-kamra tal-banju u niskopri s-sors tal-qatgħa ta’ dal-għodu. Flushing tat-toilet jobżoq l-ilma bħall-iljun ta’ xi funtana. Nipprova nagħlaq il-vit ta’ taħt izda l-washer jirrispondi bħal xiħ ta’ tmenin sena li ssaqsih biex jagħmillek erba’ gabrijoli. Bi prattiċita u esperjenza ta’ novizz inċempel lis-sid ħalli jiġi jsewwi dan id-diżastru.

Lil sieħbi nqajjmu bil-konversazzjoni aġitata tiegħi fuq il-mobajl u ftit wara jilqa’ huwa lis-sid. Dħalna xi tlett siegħat ilu u t-tnejn tajjarna n-nagħas. Is-sid jirranġa xi ħaġa u jaqbad mopp mill-gallarija biex jneħħi l-ilma. Wara li mingħalina li lest, niftħu l-kamra tas-sodda ta’ seħibna l-ieħor li sa issa t-tgergir tagħna għadu ma daħalx fis-subkonxju tiegħu u nsibu anke l-kamra tiegħu mimlija bl-ilma, bil-ħwejjeġ tal-lejl ta’ qabel mixħutin mal-art u b’hekk għasra. U l-ħwejjeġ għasra qishom biċċa drapp ħamra quddiem barri u t-tgergir ġustifikat jiżdied u s-sid jiġih fl-aħħar ftit sens komun u jaċċetta li jtina appartament ieħor.

Nitilgħu sular u il-veduta mill-gallarija tpaxxiek u tnessiek li ġewwa jiġbdek daqs daħka ta’ anzjana bla snien. Veduta ta’ miljun lira u saqaf ta’ għaxar liri li laqgħa żebgħa l-aħħar li ra meta l-istess anzjana kienet għadha bis-snien. Inbena bil-ħsieb li jinkera u jagħti tifsira elokwenti ta’ minimaliżmu. Mal-ħajt hemm xi żewġ inkwatri kollha susa mwaħħlin li jsebbħu daqs ponta fuq wiċċ addoloxxenti.

* * * * *

Ninżlu sax-xatt u nieħdu ftit kolazzjon li tikkonsisti f’tazza larinġ tal-pakkett u biċċtejn ħobż mixwija. Wara naqtugħa li nagħmlu mixja – mixja x’aktarx qasira għax tnejn minn tlieta, jiena nkluż qegħdin b’flipp-flopp. Nitilgħu t-taraġ ta’ mal-blat tax-Xlendi imma jwassalna sal-għar biss. Għandna aptit niċċaqalqu aktar u nibdew telgħin b’mod vertikali mal-blat. Nitilgħu passejn aktar u l-veduta tisbieħ, tħoss l-arja friska f’imnifsejk, u s-serenità tiddomina. Nitilgħu ftit aktar u naraw xi nassab l’hemm u l’hawn li jtuna ħarsa ta’ wieħed li qiegħed tirfislu fuq il-kallu. Tħoss il-ftuħ enormi umbgħad tara għasfur jitqabad ġo gaġġa. Meta John Lennon kiteb ‘Free as a bird’ żgur ma kienx ix-Xlendi jew f’Malta.

Nindunaw li tlajna il-fuq mhux ħażin u din id-darba għan-niżla mhux kull qaddis jgħin għax m’għandniex aptit nitgerrbu. Nimxu minflok mal-mogħdijiet u nsibu t-toroq asfaltati li x’aktarx jieħduna lejn ir-Rabat. Ftit wara nsibu tabella li tinfurmana li qegħdin Santa Luċija, imma ma naraw l-ebda appartament tal-gvern, bħal f’Santa Luċija ta’ Malta. Nibqgħu mexjin u niltaqgħu mal-moħħ entreprenerjali ġenjali Għawdxi fil-forma ta’ kaxxa tal-luminata mwaħħla ma’ dar privata. Nidħku ftit bejnietna bħal kif jagħmlu l-Ingliżi meta jaraw xi ħaġa Skoċċiża, għax il-vending machines Malta ma’ xi ħanut ssibhom mhux mad-djar privati. Hemm wkoll kaxxa vojta ħalli l-flixkun vojt tpoġġieh hemm u tqalla tlett ċenteżmi oħra lis-sid. Wara d-daħk iżda nirrealizzaw li wara kollox din il-kaxxa se taqtagħlna l-għatx.

Nimxu u nterrqu ftit ieħor, naslu r-Rabat u nibqgħu sejrin lejn ix-Xewkija, fejn bi ħsiebna naraw il-logħba tal-Arsenal. Ftit wara tiġi l-pizza li l-kaloriji tagħha ġustifikata bil-mixja ta’ aktar minn sagħtejn. Nħares barra u nieżla xita bil-qliel. Wara l-ilma fl-appartament ta’ fil-għodu ssir ġustizzja magħna u niskansaw tixriba bi żbrixx.

Kull deni ħudu b’ġid.

Thursday, November 1, 2007

Il-programm


Il-klabb huwa l-ħobż u l-ilma tiegħu. Bħalhom it-tnejn jgħajjxu u jħallih għaddej ġurnata wara ġurnata. It-tim jirrapreżenta x-xampanja ta’ ħajtu, dak li tah ħafna x’jiċċelebra matul is-snin, u sodisfazzjon personali għax ħassu parti minnu. U din ix-xampanja kultant kienet tiġi ridotta għal flixkun inbid, jew anke għall-ħall, tajjeb biss biex titfgħu fuq il-patata moqlija. Iżda dejjem kien hemm.

Dan il-ġenn u tip ta’ ħajja wirtu minn missieru. U f’dan il-wirt kompla jinvesti ħafna emozzjoni u rdoppja l-wirt oriġinali. Minn mindu daħal l-ewwel darba f’Anfield, intrebaħ darba għal dejjem. Il-ħaxix aħdar naturali maqtugħ b’tant reqqa kien l-ewwel ħaga li ra u li kien tant differenti minn dak tal-biċċa ġnien li kellhom fuq wara tad-dar. In-nies fil-Kop kollha ma’ xulxin u jkantaw f’kor wieħed mmeraviljawh, il-players lebsin kollox aħmar ħabbtulu qalbu aktar mis-soltu u fuq kollox l-għajta tan-nies kollha meta sar il-gowl. Leħen jidwi mal-istadju kollu qallhom li l-attendenza kienet ta’ 40,391. Numru infinit għalih, u hu ħaseb li laħaq professur għax tgħallem jgħodd mill-wieħed sal-mija.

U bis-saħħa ta’ din il-passjoni, dar u vvjaġġa f’ibliet u pajjiżi diversi. Il-mezzi tat-transport kollha darhom. Tal-linja meta jilgħabu f’Anfield, ix-xarabank għal xi logħba f’belt qrib, u t-tren meta ċ-ċirkustanzi jieħdu lit-tim lejn Londra. U ovvjament l-ajruplan meta barra l-pajjiż. Barra li eseperjenza bliet u pajjiżi ġodda ltaqa ma’ nies u għamel ħbieb differenti. U anke sar wiċċ partikolari fil-folla, għax lealtà bħal tiegħu titlob rispett. Fost dawn il-ħafna kien hemm tnejn partikolari – John u Bill. Bħalu ffissati imma l-imħabba u l-lealtà tagħhom kienet tinqasam mal-mara u uliedhom. Paul kien għażeb, u kultant kienu jiġbdulu saqajh meta se jsib dik il-waħda. Ommu li għadha ħajja żgur qiegħda teħodlu rasu fuq hekk. B’tbissima fuq wiċċu kien jweġibhom li għadu ma ltaqax ma’ waħda li taf bl-amment il-ħdax tat-tim li rebaħ l-FA Cup fl-1965. U t-tlieta kienu jinfaqgħu jidħku qishom semgħu lil xi ħadd jitlob li x-xemx tibda titla’ f’nofs il-lejl.

Dak it-tim tal-1965 kien jħobbu wisq. Tal-ewwel dejjem tal-ewwel, bħal l-iben il-kbir tal-familja. Kienet l-ewwel darba li missieru ħadu Londra, l-ewwel darba li mar Wembley u fuq kollox l-ewwel darba li Liverpool rebħu l-FA Cup wara tant snin ta’ stennija. Għadu s’issa ma jafx kif missieru akkwista l-biljetti tal-okkażjoni meta kienu skarsi aktar mill-qamħ fil-gwerra. Meta missieru urieh il-biljetti l-ewwel darba, ħass għaxar Milidijiet f’daqqa u kkonvinċa lil missieru jħallieh jraqqad il-biljetti miegħu taħt l-imħadda ħalli jekk tieħu n-nar id-dar jkun jista’ jsalvahom żgur. Bix-xieraq is-sieħba tiegħu tkun taf ħdax –il isem li tawh tant meta kien għadu tant żgħir. Lawrence, Bryne, Strong, Yeats, Stevenson, Callaghan, Smith, Thompson, Hunt u St John. Faċli u instintivi daqs numru tat-telefon. Ma kienx qiegħed jitlob ħafna imma s-sens komun kultant mhux daqstant komuni. Il-kanarin kultant għalxejn tiftaħlu l-bieba tal-gaġġa.

Ma’ John u Bill dar ħafna. Fl-1977 marru Ruma għall-ewwel finali tat-Tazza tac-Champions. Kienu marru bit-tren u damu sejrin kważi tlett ijiem. Meta waslu fil-għodu kienu żaru l-Colosseum. U quddiem dan il-post tal-meravilja ordnaw platt spagetti u hemmhekk tgħallmu li fuq l-ispagetti zalza ħamra tagħmel u mhux HP Sauce. Tal-egħġubijiet! Imma fil-għaxija stgħaġbu aktar meta raw lil Emlyn Hughes jgħolli dik it-tazza tant kbira u tleqq. U wara marru sa fejn it-Trevi u l-estasi niżlithom jinħaslu fiha. Finali wara finali vvjaġġaw flimkien u l-inbix ta’ xulxin kien jirriduċi vjaġġ ta’ siegħat sħaħ f’siegħa singulari.

Lejn Vladikavkaz fir-Russja Paul kien mar waħdu. Hu u sebgħa u tletin partitarju oħra marru hemm. Meta mar l-ambaxxata Russa biex japplika għall-visa, l-iskrivana ħassritlu biex ma jmurx. Rasu kienet ġa deċiża imma. F’qiegħ qalbu kien jaf li dan il-vjaġġ se jqallgħu penz mill-kbar li se jtih rank għoli u saħħa meta jkun qiegħed jiddiskuti fil-pub.

Lejn Sunderland dan l-istaġun kienu fuq tren it-tlieta flimkien. Paul ma kienx moħħu wisq f’inbix. Fuq ix-xellug tiegħu kien hemm persuna. Taha bejn tletin u erbgħin imma donnha l-ħajja ma tantx tatha fuq wiċċha, kien pjuttost lixx kważi tari.. Xagħarha iswed miġbud biżżejjed biex għajnejha kannella kbar jispikkaw iżjed, u widnejha żgħar ma tgħattewx kif ma tgħattewx zewġ fossos żgħar bħala imsielet. Liebsa flokk iswed, donnha qiegħda żżanznu llum, jeans blu u Adidas abjad f’saqajha. Taf li għal-logħba ma jmorrux tkaken ħaseb bejnu u bejn ruħu Paul. U flok jinbex taha għad-diskussjoni, juża kliem tqil kemmxejn filosofiċi għal dak il-ħin tal-ġurnata. Veru li għandu passat trejdunjonistiku iżda dal-għodu donnu bela’ ktieb ta’ Sartre minflok it-te’.

Fil-half time dam ħafna iżjed mis-soltu sabiex jġibilhom xi ħaġa mill-bar, u lura bi tlett tazzi f’idejh tiela’ tarġa, tarġa lejhom kellu daħka ta’ żebrinott li għamel xi ħaġa ħażina minn taħt. U wara l-gowl ta’ Voronin, ħareġ il-mobajl mill-but u bagħat messaġġ. Dam jistenna bil-mobajl f’idu sakemm daqqlu biex jurih li rċieva messaġġ huwa din id-darba. Għal xi ħadd li l-mobajl pjuttost invenzjoni żejda kien atteġġjament kemmxejn stramb. Fuq it-tren lura lejn id-dar l-istess waħda tal-flokk iswed kienet kumbinazzjoni fis-sidieni ta’ ħdejhom. U flimkien ma’ Sartre, il-kwotazzjonijiet sarkastiċi u umoristiċi ta’ Bill Shankly darhom waħda wara l-oħra. U l-udjenza ma tantx dehret li kienet huma.

Il-ġimgħa ta’ wara ma kellhomx jiltaqgħu. John u Bill siefru bin-nisa sa Ċipru għal ftit xemx. Malli waslu lura John ċempel lil Paul ħa jiftehmu għal-logħba li jmiss.

- Hello, Paul?
- Hawn John, kif mortu Ċipru?
- Tajjeb, tajjeb, dnub li ma ġejtx magħna. X’ħin se niltaqgħu s-Sibt li ġej?
- Ermm, mela ġejjin intom. Ħsibtkom se ddumu ħmistax mhux ġimgħa Ċipru u lħaqt ftehmt ma’ xi ħadd u sejrin bil-karozza tiegħi flok bit-tren.
- Ma ġara xejn Paul, narawk hemm mela.

Bilkemm laħaq qata’. Dlonk ċempel lil Bill.

- Hello, Bill?
- Hawn John, x’għandna?
- Għandna n-nejk.
- Jaqaw, ma telax ħaxix Goodison Park?
- U le apparti. Tiftakarha lil Eva Perón?
- Min?!
- U dik li John kiel bil-ħars id-darba l-oħra.
- Eh iva, x’ġara?
- Mhux talli taf il-ħdax ta’ kontra l-Leeds tal-finali tal-1965 imma sal-programm tal-logħba għandha!

Tuesday, October 30, 2007

Minn Sprint għal Sportiv


Nhar L-Erbgħa li għaddew dħalt għand tal-gazzetti bħas-soltu għal Malta Today. U għal darba lil tal-ħanut ta’ quddiem ix-xogħol ħallejtlu aktar mis-sittax –il ċenteżmu tas-soltu, għax ghall-ewwel darba ħarġet ir-rivista Sportiv.

Minn mindu l-internet ġiet skoperta u prattikament rrivoluzjonat tant aspetti mill-ħajja ta’ kuljum, il-publikazzjonijiet sabu kompetizzjoni diretta ġdida. Imma donnha l-karta, l-gazzetta u l-ktieb għadhom xorta mfittxija u maħbuba. Nieħu minni l-ewwel wieħed, bħalissa qiegħed nisma’ l-mużika mill-kompjuter. Ma tantx tagħmilx differenza għalija jekk hux MP3, CD jew LP. Forsi għax m’iniex purist fuq il-mużika. L-internet nħobbha kemm inħobbha ma ħaditx post il-karta għalija. Dik li l-Ħadd fil-għodu nqum u mmur għall-gazzetta hija parti mir-ritwal ta’ tmiem il-ġimgħa. Anke r-riħa tagħha nħobb. U li ġġibli subgħajja suwed ma niddejjaq xejn. Bħal fl-ikel, wara ħafna attenzjoni u dieti speċjali, biċċa laħam moqlija fiż-żejt tinżillek għasel.

Erbatax –il sena ilu wkoll kienet ħarget rivista sportiva – Sprint ppublikat mill-Union Print. Sprint kien joħroġ il-Ġimgħa u niftakarni nixtrih reliġjożament. Fil-fatt żammejt ħafna kopji, u meta din il-ġimgħa fittixthom u sibthom qajjmuli ċertu nostalġija. Il-motto ta’ Sprint kien ‘spjazu għal kulhadd, anke tal-minoranza’. Sportiv huwa eħxen, mimli b’aktar ritratti u jolqot ukoll numru konsiderevoli ta’ dixxiplini differenti. Minn ovvjament futbol sa żwiemel, basketball, bowling, atletika, volleyball, hockey u karozzi. Jidher li ngħatat attenzjoni speċjali l-preżentazzjoni, b’disinn u still pjuttost professjonali u li jolqot l-għajn. Nispera li l-kulur u l-istil ma jieħux post is-sustanza imma sa issa kmieni kemm huwa kmieni ma jidhirx li huwa l-każ.

L-ewwel ħarġa ta’ Sprint kellha lil Carmel Busuttil, il-Bużu fuq il-faċċata. Kien qiegħed jilgħab il-Belġju ma’ KRC Genk u dak iż-żmien kien għaddej mill-aħjar perjodu tal-karriera tiegħu. Meta kien jiġi lura Malta għal xi logħba nternazzjonali konna nistennew minnu dik ix-xi ħaġa aktar mill-oħrajn u ħafna drabi tahielna. Konna nħobbuh u konna kburin li qiegħed jagħmel isem tajjeb barra minn xtutna. Illum, kważi diċenju u nofs wara, fuq il-faċċata tal-ewwel ħarġa tar-rivista sportiva ġdida għandna lil Michael Mifsud li l-kowċ assistent tat-tim tiegħu laqqmu n-nemusa. L-istess bħall-Bużu, qiegħed jagħmel isem għalih nnifsu u għal gżiritna barra, din id-darba fl-Ingilterra. Wara l-Bużu, Mifsud huwa l-ewwel ikonu mill-futbol, sa ommi semgħet bih, maħbub u milli nisma’ t-tfal fl-iskejjel jilgħabu jippretendu fil-fantasija tagħhom li huma hu.

L-aqwa impatt ta’ Sportiv iżda hija r-ritorn ta’ Tonio Farrugia. Wara assenza twila, nispera u nittama li hu bil-għatx għal aktar kitba partikolari tiegħu – umoriżmu fin li jaqta’ u li tħalli lil ħafna ġurnalisti sportivi oħra Maltin warajh, jirrapurtaw logħba jew avveniment bħal kif pulizija jagħmel rapport ta’ ħabta bejn żewġ karozzi. L-ewwel ħarġa turi li jekk xejn fl-assenza kellu ċans jsinn il-pinna tiegħu.

Għalhekk biss bi ħsiebni nżomm l-appuntament tiegħi kull nhar t’Erbgħa. Nofs il-ġimgħa se jkollha niskata melħ aktar mis-soltu.

Friday, October 26, 2007

Riħ Isfel


Jkolli nammetti li għal żmien twil il-litteratura Maltija tlaqtha kwazi ghal kollox. Niftakar fis-sekondarja, l-Malti bħala suġġett kien wieħed mill-aktar għal qalbi izda wara ftit żmien li spiċċajt mill-iskola nista' ngħid li tlaqtu ghal kollox. Il-litteratura Maltija b'xi eċċezzjonijiet l'hawn u l'hemm dehret formali wisq, qisha priedka ta' qassis minn fuq l-ambone, Malti miktub tajjeb iżda ferm il-bogħod mill-ħajja ta' kuljum, il-kliem li nuża jiena stess kienu ċċensurati ghal kollox. U malli skoprejt il-litteratura kontemporanja Ingliża tbiegħedt kważi ghal kollox. Irvine Welsh, John King u Nick Hornby ħadu post il-kotba ta' Trevor Żahra ta' tfuliti u l-Malti għalija saret biss lingwa li nuża biex nitkellem.


Il-lingwa Ingliża hija meraviljuża minna nnfisha u eluf ta' kittieba nisġuha b'mod mill-aktar sublimi li tinstema' qisha mużika f'widnejk. Bħala lingwa barranija tinstema' eżotika għalina u forsi aktar romantika wkoll. Wara kollox il-borma tal-ġara dejjem tfuħ aktar minn ta' darek. Xi ftit snin ilu izda skoprejt lil Ġuze' Stagno b'kumbinazzjoni. Warajh sibt lil Immanuel Mifsud u Karl Schembri, u l-fiduċja fil-Malti bdejt inħossha gejja lura u l-kittieba Maltin bdew jeċitawni ghal darb'ohra.


Ir-rumanz Riħ Isfel ta' Pierre J. Mejlak sirt naf bih l-ewwel darba wara riċensjoni ta' Claire Bonello fuq il-Malta Today, meta kumbinazzjoni kont qiegħed nqatta jumejn btala f'Għawdex. Għall-ewwel, għal xi raguni li jafha moħħi biss ħadt l-impressjoni li kien xi ktieb tat-tfal jew forsi l-aktar tal-addoloxxenti izda xorta qtajta li nixtrih. Ftit wara ltqajt ma' clip tal-ktieb fuq il-You Tube u flokk ktieb wiehed spiccajt nixtri tnejn. Il-mod ta' kif dan il-ktieb ġie ppreżentat b'leħen Toni Sant ġabni niekol minn idejh u kont cert li t-tieni kopja li se ntiha rigal lil ħabiba tiegħi se toħroġni ta' raġel. M'għarralix. Habibti li m'hijiex daqshekk dilettanta tal-kotba, spiċċat qaltli li l-ktieb assorbieha.


U l-istess nista' ngħid li għamel lili. Assorbieni, qatagħni minn saqajja u daħħalni fid-dinja tiegħu. Mhuwiex xi rumanz filosofiku b'hafna messaġġi fl-isfond u kliem bombastici iżda mexxej b'ċertu sempliċita li tħollok. Li kieku kellu jkun film x'aktarx tagħżel li tarah fuq screen normali fuq dvd milli f'xi sala taċ-ċinema iżda l-pjaċir u s-sodisfazzjon li tieħu mis-salott tiegħek se jkun daqs jew aktar milli kieku jkollok tħallas tlett liri tal-privileġġ tal-liżar tac-cinema. Il-karattri huma partikolari izda fl-istess ħin komuni, nnoċenti sa ċertu punt izda l-addoloxxenza tagħhom qiegħda ġġegħlhom jaħsbu, jistaqsu u fil-każ ta' Jason qalbhom qiegħda tferfer. Il-plot minsuġ b'certu sengħa li jdawwar paġna wara paġna b'mod awtomatiku, il-Malti użat tajjeb u reali mhux il-boghod mit-triq u l-każin li ambjentat fih, b'metafori sarkastici li jġebbdulek il-muskoli ta' wiċċek sabiex tidħak.


Filwaqt li l-borma tal-ġara dejjem tinxtamm tfuk aktar minn ta' darek, il-minestra t'ommok tibqa' speċjali u bnina wisq. Pierre Mejlak fakkarni dan kollu billi niseġ eċċellenza mas-semplicita u kummiedja ma' traġedja bil-lingwa Maltija tiegħi u tiegħek.


Ara kif se tiksbu. F'idejk!

Tuesday, October 23, 2007

Tissawwar leġġenda minn mal-ġenb


Għamel logħba sħiħa tiela’ u nieżel. Bhas-soltu, ħaffer trinka jew aħjar kanal fuq ix-xellug. Iżda llum mhux is-soltu. Illum qieghed Pariġi. Ġo finali. Għal dik it-tazza b’żaqqha kbira u widnejha kbar. Lil hinn mill-parrokjaliżmu tar-Renju Unit. Kontra tim aristokratiku li jilbes kollox abjad. Illum l-akbar logħba Ewropeja tas-sena.


Bl-istess kunjom kellu kollega. Is-similitarijiet jieqfu hemm iżda. Bl-istess kunjom kien hemm President tal-Amerka darba wkoll. Izda qatluh. U wara d-debutt, disa' snin wara d-delitt tant kien ħażin li l-kowċ qallu li sparaw lilu u mhux lilek x'aktarx bi żball. Sofistikat ma tantx kien. Il-partitarji laqqmuh u qabluh ma’ persunagg ta’ zmien il-ħagar. Sħabu l-hena tagħhom jiġbdulu saqajh. Meta jkun riħ isfel, il-pass jew twil iż-żejjed jew qasir iż-żejjed. Imma dejjem sabuh hemm. Bħal-pitrolju fix-xitwa għal ġol-heater. Jnittinlek dar imma fl-aħħar mill-aħħar jsaħħanielek. U l-but ma jtaqqabhulekx. Il-parti tieghu dejjem jagħmilha.


Disa’ minuti mit-tmiem sab ruħu ‘l fuq. Ircieva ballun minn throw-in. Ħabbtu ma’ sidru u niżżlu quddiemu. U issa kien fil-kaxxa l-kbira. L-anglu kien kemmxejn magħluq. X’jaghmel? Għalaq għajnejh u fajjar b’kemm kellu saħħa b’saqajh ix-xellugija. U l-ballun għadda minn bejn il-goaler u l-lasta u x-xibka biss waqfitu. Skurja. L-aktar goal importanti f’hajtu. Għaddej mill-isbaħ mument f’ħajtu. Fetaħ idu berah u l-adrenalina mexxietu quddiem il-partitarji tiegħu li żebgħu il-Parc des Princes ahmar. Sħabu daru miegħu jgħannquh.
Ismu naqqxu darba għal dejjem fil-folklor u l-istorja tal-klabb glorjuż tiegħu. It-tifel mistħi tal-klassi rebaħ l-ewwel premju. L-għada kien fuq quddiem nett tal-karozza tal-linja miftuħa. Flimkien mal-imgħallem tiegħu għolla it-tazza fit-toroq moħnuqa tal-belt adottiva tiegħu. Belt li l-logħba tal-ballun hija part minn ħajjithom. Belt li bħalissa qiegħda taqla' fuq wiċċha. U l-ballun qiegħed jnessi u jdewwi xi ftit id-daqqiet ta' ħarta. U hu tahom mediċina ħelwa.
Minn wara l-kwinti, ggradwa għall-attur principali, jew aħjar benjamin.