Sunday, November 29, 2015

Greċja

Fi Plaka, ftit wara li qabżu nofsinhar, mixja ‘l bogħod mill-Akropolis, ix-xemx qed ittektek bil-mod qisha qed tisfida lil Novembru, u t-taverni jidhru għandhom erba’ min-nies mhux ħażin. 
Hemm turist ġinġer miexi ma’ martu, u smajtu jgħidilha, ‘kollox l-istess baqa’ hawn.  Fi kriżi u kulħadd jiekol barra.’
Imma l-erba’ taverni mimlija forsi kellhom mitt ruħ bejniethom.  Ateni waħedha għandha popolazzjoni ta’ erba’ miljuni.


Fuq il-metro, fl-istazzjon ta’ Piraeus tibda jew tispiċċa t-tieni linja minn tlieta ta’ Ateni.  Il-vagun fih erba’ nies mhux ħażin imma kulħadd qed bilqiegħda.  Jien qed bilqiegħda wkoll u quddiemi hemm żewġ nisa jitkellmu, donnhom ġejjin lura minn ġurnata xogħol.

It-tnejn xagħarhom xi ftit fl-isfar imma ġildhom tittimbrahom bħala Griegi.  Waħda minnhom għandha mowbajl f’idejha antik, minn dawk li l-batterija tagħhom twassal ġimgħa sħiħa neqsin xi siegħa.  Tal-oħra mhux daqstant.  Tidher li waħda qiegħda titkellem u l-oħra tisma’ u kultant toffrilha x’taħseb.
Naħseb qed tgħidilha fuq ma’ min qiegħda bħalissa.
Li ma tantx ikun id-dar.
Li jħobb il-ħbieb wisq.
Rari joħroġha tiekol.
Imma kultant jgħidilha kelma u jġibha għarkupptejha quddiemu, u jnessieha kollox.
L-oħra, l-matura tidher qed tgħidilha, ħu deċiżjoni, poġġielu ħwejġu f’kaxxa u għidlu li darek u ġismek mhux lukanda.
Wiċċha jimtela b’aktar dieqa.  Imma u mbgħad jidħol messaġġ f’tal-matura u t-tnejn jaqrawh flimkien.
U jitbissmu, u aktar milli jimtlew ferħ, jieħdu r-ruħ.
Fl-istazzjon ta’ Monastiraki jinżlu.

Ta’ ħdejja xi daqsi u hekk kif niżlu, lissen xi ħaġa lejja bil-Grieg.
Għamiltlu sinjal b’rasi li ma fhimtux.
‘Għidltek, kif ġabuna’ qalli issa bl-Ingliż.
‘Għat-tnejn li kien hawn quddiemna jaqaw?’
‘Hekk hu.  Dawk jaħdmu flimkien.  Waħda s-supervisor tal-oħra.  Fejn jaħdmu, qalulhom li se jkeċċu n-nies.  Imma għallinqas dik illum ħelsitha.’
‘Ħsibthom qed jitkellmu fuq xi relazzjoni,’ weġibtu b’nofs daħka.
‘Ħe ħe ħe.  Bħalissa aktar milli nitkellmu fuq min inħobbu, nitkellmu fuq ma’ min iħaddimna.  U nofsna qegħdin f’relazzjoni kumplikata.  Ġejna qisna dawk l-erba’ adoloxxenti li jikbtu It’s complicated fuq l-istatus tar-relazzjoni tagħhom fuq Facebook, biex ma jammettux li qegħdin waħedhom.  Id-differenza li aħna ma nammettux li qiegħda jew kważi.’

Georgiós arkelologu.  Tistenna li tiltaqa’ ma’ arkeoloġisti fil-Greċja.  Imma tistenniex li se tiltaqa’ ma’ arkeologu jaħdem fil-Greċja.  L-arkeoloġija ilha ffriżata mill-2009 – mal-ewwel kriżi li ħarġet fil-beraħ u l-gazzetti Ewropej bdew jitkellmu fuq il-Greċja aktar milli tkellmu fuq pajjiżhom stess.
Issa sar gwida indipendenti li joffri tours madwar il-parti storika ta’ Ateni b’xejn, u wara tlett siegħat li jkun għoddu nħanaq jispjega u kultant jitbaqbaq jgħidlek li jekk għoġbok, ‘napprezza tip’.
L-arkeoloġija imma ma telqitux.  U d-dilemmi li toffri l-arkeoloġija għadhom fih.
‘Tajna d-demokrazija lid-dinja u aħna konna għadna b’dittatur sal-1974.  Każ tal-iskarpan biż-żarbun imqatta’ jew każ ta’ li ma tajniex widen mill-akbar biża’ ta’ kull demokratiku – il-ħolqien tad-demagogue, dak li għalih id-demokrazija tfisser biss li jiġbed aktar nies miegħu mir-rival tiegħu.  Bħal dak li jħoss li jirbaħ l-argument meta jgħajjat aktar minn ta’ quddiemu.  U d-demagogues ħaġa waħda jġibu: korruzzjoni. 
Issa falluti.  Il-ġenerazzjoni t’issa mħassra darba għal dejjem.  U nwaħħlu f’kulħadd barra fina nfusna.  U għad għandi ħbieb li ma joħorġux jivvutaw.  Insew li idjota għalina kienet tfisser xi ħadd li ma jridx jipparteċipa fid-demokrazija.  U jekk ma tridx tipparteċipa f’demokrazija, fiex trid tipparteċipa?’


Haris għalliem tal-Ingliż.  Jaħdem fi skola tal-lingwi.  Meta tkun għalliem, bilfors trid tħallas it-taxxi.  U meta jisma’ lil Christine Lagarde tal-IMF tgħid li l-Greċja qiegħda fejn hi għax ħadd ma jħallas taxxi jħossu bħal dak li qabdu kankru mingħajr qatt ma pejjep sigarett.  Mill-2009 ‘l hawn tilef 30% tas-salarju.  Il-flett fejn joqgħod imma għallinqas ma tilfux.  Tilef biss kamartu.  Kamartu beda jikrieha fuq l-internet u hu ħa dik li kienet qabel il-kamra ż-żejda, u ġie l-mistieden f’daru stess.
‘Imma għallinqas ma ngergirx.  Hawn ħafna agħar minni.  Minn klassi ta’ erbatax, għaxra ma jaħdmux, u ġew jitgħallmu flok joqogħdu d-dar.  Uħud minnhom imma d-depression serqitilhom l-luċidità.  Jew jien m’għadniex naf nispjega bħal qabel.  Waħda minnhom.’


Fis-17 ta’ Novembru, Dimitris ħareġ mid-dar u mar jimmarċja lejn il-pjazza ta’ Syntagma biex ifakkar l-waqgħa tad-dittatorjat fl-1974.  Mexa wara l-vann bil-bandiera tas-Syriza, aktar b’vizzju milli b’konvinzjoni.
‘Kont fis-Syriza għax kien il-partit li ma jagħmilx kompromessi u issa l-mexxej tagħna qed Prim Ministru għax għamel ħafna kompromessi.  Imma forsi kont dejjem kontra l-kompromessi għax qatt ma kont veru dahri mal-ħajt.
Iż-żewġ ħuti telqu.  Wieħed Franza, wieħed l-Ingilterra.  Nimmisjahom imma naħseb li kieku qegħdin it-tlieta li aħna lura lejn id-dar ħlief niġġieldu m’aħniex.  Jien għadni ma tlaqtx.  Ix-xogħol fiss ilni li tliftu, u naħdem ftit ta’ wejter fi tmiem il-ġimgħa biss.
L-aħħar li ħriġt sew kienet l-għada tar-referendum f’Lulju u għaddiet l-Oxi – l-Le.  Dakinhar iddeċidejt li ninsa kollox , iltqajt ma’ żewġ ħbieb antiki, xtrajna ħafna alkoħol irħis u sirna żibel. L-aħħar darba li kont sirt hekk kien ħdax –il sena ilu meta rbaħna t-Tazza tal-Ewropa fuq il-Portugall.
Dakinhar l-għada qomt b’rasi qartalla ovvjament.  Imma lanqas pillola ma ħadt.  Kont biss infqajt nidħak.  Ħassejtni mimli  b’ferħ u kburija, u b’rasi għadha ttektek ftehmt ma’ sħabi biex immorru l-ajruport nilqgħu t-tim.
F’Lulju li għadda ukoll qomt b’rasi qartalla.  Imxejt sal-kċina u missieri laqgħani b’ ‘X’mort tiċċelebra?  Sibt xi xogħol?’
U wara lissinli, ‘Varoufakis irriżenja.’

U flok infqajt nidħak bħal ħdax –il sena ilu, ħarist lejn l-art għax ma flaħtx għajnejn missieri u ħassejt vojt ta’ ġiebja qoxqox.

Imxejt lejn fejn iżommu l-pirmli ż-żewġ xjuħ tiegħi, biex nibla’ waħda waħda daqslikieku kienu lakumja, imma sibtha vojta.  Il-gvern m’għadux jagħti b’xejn u l-pensjoni ma twassalx.’

Friday, November 13, 2015

Migrazzjoni

Din id-darba kuntrarju għal dak li ġara meta ospitajna lil Bush u Gorbachev konna xxurtjati għax ħarġet ix-xemx minkejja li wasalna kważi f’nofs Novembru.  Il-pajjiż deher sabiħ f’għajnejn il-barranin fuq ir-ritratti u l-filmati, qisna dak l-għarus li għamel sitt xhur ma jixrobx inbid aħmar biex snienu jidhrulu bojod fir-ritratti tat-tieġ waqt li jitbissem.  U qisu riedna wkoll infakkru li minkejja aħna Ewropej daqs min ilu ħafna aktar minna fl-Unjoni Ewropeja, aħna wkoll Mediterranji.

Nistgħu wkoll ngħidu li għadda kollox b’wiċċ il-ġid, għax barra li deherna sbieħ, għal raġunijiet li ma jitwemmnux kemm nhar l-Erbgħa u l-Ħamis filgħodu t-traffiku minkejja l-ħafna toroq magħluqa kien aħjar mis-soltu.

Imma ‘l bogħod mill-problema tant serja tat-traffiku u oħtha l-parkeġġ, kull ma baqa’ f’ħalqi togħma morra.  Jekk irnexxielu joħloq xi ħaġa dan is-summit, kien li  jqanqal il-kżenofobija fil-poplu bħal kif darba seħħ bit-theddida tal-pushback lejn il-Libja ta’ għadda ta’ immigranti sentejn ilu imma għadha tant friska fil-memorja.

Il-medja ma tafx jew ma tridx turi ż-żewġ uċuh tal-migrazzjoni.  Malta tipproduċi emigranti u għandha immigranti bħal kważi kull pajjiż ieħor.  Bħal kif kemm tesporta u kemm timporta.  F’sajf li bilkemm rajna dgħajsa waħda tidħol fi xtutna erġajna bdejna nitkellmu b‘dik il-biża’ li għandna theddida ta’ gwerra wara biebna.  L-element umanitarju jiġi nfilsat b’mod li jġegħlek taħseb li aħna l-Malta u sħabna l-Ewropej jilqgħu lill-immigrant b’sens ta’ karità u qatt ma jissemma’ l-kontribut ekonomiku li dawn in-nies jagħtu kull fejn ikunu, inkluż ovvjament f’pajjiżna.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk in-nies li huma tant imbeżża’ mill-immigranti Afrikani huma nies li qatt ma ltaqgħu ma’ immigrant Afrikan f’ħajjithom.  Bħal dak it-tali li jibża’ tant mill-perikli tal-pajjiżi ta’ barra għax jisma’ ħafna stejjer imma qatt ma xiref passejn ‘il bogħod mill-gżira.

It-ton użat mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropeja lejn dawk Afrikani kien wieħed patronizzanti li jimbarazza.  Ma kienx hemm djalogu bejn in-naħa Ewropeja u dik Afrikana imma sempliċiment lekċer, ta’ xi ħadd fuq pjattaforma u ieħor fuq bank tal-iskola, oqgħodu kwieti ħa tisimgħu umbgħad ntikom il-ħelu.

Donnu ntesta li ħafna minn dawk li jterrqu d-deżert tas-Sahara u jirkbu fuq dgħajsa b’ta’ fuqhom senduqhom jagħmlu hekk biex jaħarbu minn dawn l-istess persuni.  Meta tant nisimgħu u ningħataw provi li ħafna drabi l-għajnuna li tingħata lil dawn il-pajjiżi rarament tasal fejn hemm bżonn, qed noffru lill-istess persuni ammont ta’ flus redikoli, wara li tant pajjiżi Ewropej ħasdu u serqu minn dan il-kontinent. 

Offrejna aktar inbid ħażin lil min jagħmillu ħażin l-inbid. 


Imma forsi wara li jisker bl-inbid iqum biex wara li jsawwat lil uliedu issakkarhom ġewwa u ma jiġux ħdejna.