Saturday, January 29, 2011

It-Tnejn

Mexa fil-vojt u l-passi dwew. Imma wara tefa s-cd ta’ Leonard Cohen u l-passi tiegħu ma dwewx aktar. Dwiet biss il-vuċi ta’ kantant melankoliku, kultant melliesi ta’ Leonard Cohen. Kitarra safja ma’ kliem jaqtgħu. Bħall-fidi li ttik it-tama u ddaħħallek id-dubji fl-istess ħin. Imma wara ftit ried xi ħaġa differenti. Xi ħaġa b’ritmu aktar mgħaġġel, u sab il-Pulp. U issa mela d-dar il-vuċi sarkastiku ta’ Jarvis Cocker. U f’dan il-mument għoġbu wisq u mlieh ħafna aktar mill-ikel li kiel magħha jew quddiemha.

Whilst you were gone I got along
I didn’t die
I carried on

Għadu kmieni imma, u l-lejl għadu żagħżugħ.

Tela’ ‘l fuq lejn soddtu, l-istess sodda li kien jaqsam magħha. U tefa’ ħwejġu fuq is-siġġu mal-ġenb u ftakar kemm kienu jdejquha u kienet tgergirlu meta kultant jagħmel hekk, normalment wara xarba diċenti. Imma llum flok sema’ t-tgergir tagħha sema’ lilu nnifsu jidħak. U ntelaq fuq is-sodda. Tqalleb. Imma qajla raqad. Barra għadha nieżla x-xita u sema kull taptipa ta’ kull qatra tħabbat bis-saħħa mal-ħġieġa tat-tieqa. Moral aktar milli baxx, tedjanti.

“Issa kollox f’idejja, imma.”

Ħareġ mis-sodda u mexa lejn il-kamra tal-imbarazz u qabad kaxxa tal-kartun mimlija u nieżel l-isfel biha. Il-kaxxa tal-programmi tal-logħob. U ntefa’ mal-art fuq it-tapit, ħariġhom wieħed, wieħed u ddeċieda li jagħmilhom wara xulxin, era wara era, staġun wara staġun, logħba wara logħba. Riħa ta’ kamla. Karti sofor u stampi suwed u bojod jew aħjar griżi. U kuluri jleqqu fuq dawk aktar riċenti. Imma kollha ftit mgħawwġin, għax dejjem bil-vizzju li jdaħħalhom fil-but ta’ wara tal-jeans. Programm wara l-ieħor, u kultant iserraħ dahru mas-sufan u jaqra. U jagħti b’rasu bil-mod u jitbissem lejn il-memorji ġejjin lura. U ġol-kaxxa tal-kartun mhux se jerġgħu jidħlu lura, daqskemm għasfur li tħobb ma tpoġġiehx ġo gaġġa. Għal-lum joqogħdu mal-art fil-ġenb, jaqsmu l-arja miegħu, imbgħad jaħsbilhom għal xkaffa.

Il-ħin tgerbeb aktar milli tqalleb hu f’soddtu qabel u wasal il-ħin għax-xogħol u biex jiffaċja t-Tnejn mal-bqija tan-nies. Imma, jekk xejn ikellem ftit lil min ta l-biljett u jgħidlu kif mar.

“Nispera li mar tajjeb, għax dan l-aħħar biljett li ħa mingħandi.”

Il-ġurnata għaddiet bil-mod il-mod, u mar lura d-dar u poġġa mal-art qrib il-programmi. L-ewwel ħares lejhom u wara beda jaqbad wieħed bl-addoċċ bħall-Ipod meta ttih ix-shuffle, u qagħad iduru paġna, paġna, jara x’jifakar minn dik il-ġurnata.

Il-mobajl kiser ftit il-paċi. Daħal messaġġ.
“Narak fis-7. Xx’’
Wieġeb.
“Ok”.

Sema’ l-ħabbata tħabbat bil-mod flok il-qanpiena. U kien hemm hi. Rasha baxxuta waqt li qed tipprova tfittixlu għajnejh. Kif se tgħidlu? Daħlet ġewwa warajh u kif se titlaq ilsnieha, għajnejha marru fuq il-frejm ta’ ħdejn it-televixin. Ma kienx aktar il-bordura għar-ritratt tiegħu u tagħha imqabbdin f’xulxin taħt l-Eiffel. Kien hemm stampa ta’ gazzetta, ta’ wieħed b’kowt twil iswed sportiv b’idejh mgħollija qed isellem.

U l-melodija u l-kliem ta’ I Want You Back for Good li daqqet ġurnata sħiħa, issa nstemgħu tant sfieqa.

Tuesday, January 18, 2011

Il-Ħadd

Żamm kelmtu. Ma marx il-logħba, u mar magħha jieklu. Jew aħjar ħallieha ġġorru, bħal kelb li jifraħ b’ċinga ma’ għonqu basta joħroġ ftit barra. Imma hu mhux joħroġ barra ried. Ried jgħid lill-intern li kapaċi jżomm kelma. Marru fejn għażlet hi ovvjament. Ma kienx hemm wisq għażla. Jaf postijiet tajba tal-ikel daqskemm hawn nies li qatt ma semgħu bil-Beatles. Waħdiet, u l-waħdiet x’aktarx jifhmu fil-mużika daqs kemm hu jifhem fl-ikel.

Il-Ħadd u gazzetta ma ndenjax ruħu jixtri.
“X’qed jiġrili?”, staqsa lilu nnifsu, hekk kif ra r-riflessjoni tiegħu fil-ħġieġa mtappna bl-ilma tax-xita li issa kienet ilha nieżla ġmielha mingħajr wisq ġmiel u qed timla kullimkien għadajjar b’ilma maħmuġ.
“Kelli nibda paġna ġdida llum imma qisu s-siġar kollha spiċċaw u karti ma baqax.”

Anzi ma damux wisq ma waslu, għax ir-riflessjoni tiegħu bdiet iddejqu. Qabdilha idejha u għaġġlu lejn fejn ibbukjat hi. Ġie wieħed kollu ħlewwa jilqagħhom, qallhom kelmtejn fuq it-temp biex jindiehes ftit magħhom, sabilhom il-mejda, u ntasbu t-tnejn bil-qiegħda. Hi b’ħafna aktar entużjażmu minnu.

Tatu tbissima oħra.
Illum ħassha newtrali.
Mhux it-tbissima biss kienet newtrali. L-ikel ukoll. Ma tafx tgħid x’togħma kellu. Biċċiet tal-ikel iżejnu platt kbir u sabiħ. Ħa ftit inbid, biex itiehem xi ħaġa, u fl-istess ħin jevita li jwieġeb dak li staqsietu. Imqar għal ftit sekondi.

Minflok il-gazzetta tal-bieraħ, illum hemm hi titkellem, kliem li ma jgħaqqadx sentenza. Jew moħħu mhux hemm, jew hi ma fihiex wisq sens aktar.
“Illum ngħidilha”, qal fl-aħħar lilu nnifsu.

Hu u nnifsu ħbieb kbar. Jgħidu kull sigriet lil xulxin. Ġieli ġġieldu imma mingħajr xulxin ma jgħixux. U f’ġurnata bħal-lum qed iħoss lilha tidħol bejniethom it-tnejn.

Ftit ġelat fl-aħħar kien l-aħjar parti tal-ikla.

“Dejjem post mimli pretensjonijiet tagħżel. U għandha tant pretensjonijiet kif għadha mwaħħla miegħi? U jien qed nipprova l-punti magħha bħal dak is-saddist li jixtieq jagħmel il-punti fuq għajnejh.”

Ħarġu u qabdu taxi oħra lura lejn id-dar.

Waslu u fetaħ it-televixin. Jaf li tilfu, imma jrid jara kollox. Hi poġġiet ħdejh, tkellmu u tgerfixlu f’xagħru. Umbgħad deher Dalglish lura b’ġakketta sewda twila u l-Liverbird fuq ix-xellug irrakmat fl-aħmar isellem lil niesu. U qam bil-wieqfa u wiċċu xegħel għall-ewwel darba illum.

Minn warajh telgħet il-fuq tiġri tibki u hu lanqas biss induna. Ftit wara niżlet bid-dmugħ għadu jġelben.

“Għada niġi niġbor kollox.”

L-idolu ta’ tfulitu frankalu biċċa xogħol diffiċli.

Friday, January 14, 2011

Sibt fil-għodu

Ġera malajr mill-ħanut tal-gazzetti sad-dar. Imma l-gazzetta xorta laħqet saret għasra. U dik ir-riħa ta’ gazzetta friska telqet. Kull ma baqagħlu, subgħajh suwed bil-linka.
Is-Sibt. L-aħjar mod kif tibda l-ġurnata. Jew forsi le.
Poġġa ftit fuq is-sufan, u fetaħ il-gazzetta forsi jaqra ftit. Imma moħħu kien kullimkien, barra fuq il-gazzetta mxarrba. Fl-isfond hemm ir-radju, jdoqq l-imbarazz tas-soltu. Diski jakkumpanjaw ir-reklami.

Għada lanqas biss sejjer. Hekk hu. Ta l-biljett lil sieħbu, jew aħjar wieħed jaħdem miegħu. Ma jiflaħx jerġa’ jara dik l-apatija minn ħdax –il raġel lebsin flokk aħmar. U għandu bżonn jirbaħ ftit punti ma’ xbintu, daqskemm Liverpool għandhom bżonn punti biex forsi jiċċaqalqu min-nofs il-klassifika.

Qed jiċċassa lejn il-gazzetta u jipprova jikkonvinċi ruħu li għamel sew u fl-aħħar żamm kelmtu miegħu nnifsu. Meta qalilha l-bieraħ, tatu tbissima li kien ilu ma jara żmien, u kellu jniżżel għajnejh mal-art għax għal mument ħassu skomdu.

“Agħzel x’imkien int u mmorru nieklu hemm. Ma rridx pubbijiet. Il-Ħadd kollu għalik.”
Tatu tbissima oħra issa akbar, tgħanniqa u aktar. Għajnejha ħasshom jixgħelu u jleqqu fl-istess ħin.

Wara r-reklami, wasal ħin l-aħbarijiet. Niżżel il-gazzetta fuq ħoġru, forsi li ma rnexxielux jiskopri mill-gazzetta ta’ quddiemu, jieħdu mir-radju.
Xejn. Flok ittri fuq xulxin, kliem fuq xulxin.
“U fl-aħħarnett, mix-xena sportiva, eżattament minn Anfield, Kenny Dalglish inħatar bħala manager.....”

Kenny Dal-glish!!!!

Qalbu waqfet u ħass tagħrixa ma’ ġismu kollu. U issa eżaltazzjoni.
U issa paniku u ħtija.
Mhux se nkun hemm għall-ewwel logħba tiegħu. L-idolu ta’ tfuliti.

Niżlet hi.
“Ilek imqajjem qalbi?”
U tbissmet tbissima oħra sħiħa waqt li resqet lejh biex tbusu fuq xufftejh.

Kull ma seta’ jara did-darba imma kien ix-xquq ta’ bejn snienha tan-nofs.

Tuesday, January 11, 2011

Il-fattur Kenny Dalglish


Is-Sajf. Rafael Benitez telaq. Kien hemm min riedu jitlaq, kien hemm min kien assolutament kontra li jitlaq. Jien, ħassejtha inevitabbli. Mhux minħabba s-seba’ post. Minħabba li ħsibt li ma’ ċertu tip ta’ nies, Benitez qatt mhu se jaħdem. Dak li ssawwar bil-mod għal-sitt snin, issa ġġarraff. Għaliex iġġarraf? Għax kien hemm bomba tal-ħin, li tgħidlek li tibni kemm tibni fil-għoli u tuża arkitettura, jekk sa ċertu żmien ma tagħlaqx is-saqaf kollox jaqa’, u jibqgħu biss il-memorji u r-ritratti. Benitez iġġieled il-ġlieda t-tajba, l-ġlieda nobbli. Il-ġlieda nobbli mhux dejjem twasslek fejn jistħoqqlok jew fejn trid, għax din mhux ħrafa ta’ Esopu fejn l-umanità ħa titgħallem li t-tajjeb fl-aħħar mill-aħħar dejjem jirbaħ. Din hija r-realtà makabra, li issa waslet ankè fl-isport u fil-futbol.

It-Tazza tad-Dinja kompliet għaddejja. Ismijiet ta’ dak u tal-ieħor bdew joħorġu. Isem, Liverpool Football Club x’aktarx ankè ssemma’ fuq l-ewwel paġna tal-Financial Times. L-imħatra ta’ Hicks u Gillett, li l-klabb kapaċi jrendi biżżejjed biex jitħallsu l-imgħaxijiet ta’ fuq hiex issellfu ħa jsir tagħhom beda jidher fil-beraħ il-ġenn tagħha. Immaġina, ixtri baqra mingħand raħħal. Ir-raħħal bħal David Moores jieħu l-flus u jitlaq ‘l hemm. Il-flus imma ġibthom minn bank. Il-bank tħallsu billi trodd lura l-ħalib li se tieħu mill-baqra. Il-baqra imma tħallieha f’stalla maħmuġa u ma tgħalifhiex. Tippretendi xorta li tibqa’ ttik il-ħalib. Il-baqra qiegħda fuq għarrkubtejha. Ħalib mingħajr silla ma jiġix. Il-bank qed joqmos. Min għandu għal qalbu l-annimali, jibda joqmos għax ma jiflaħx jara iżjed. Xi ħaġa trid issir u fil-fatt saret.

Sadattant, Roy Hogdson jinħatar manager ġdid. Ingliż li jidher ta’ ċertu integrità, u li għadu kif kellu staġun mill-aqwa fir-realtà relattiva ta’ Fulham Football Club. Klabb immexxi minn miljunarju, li ilu s-snin jipprova jieħu ċ-ċittadinanza Ingliża, u li jiġbed lejh tip ta’ partitarji li m’għandhomx eżattament tim tagħhom imma jħossuhom komdi jqattgħu nofs ta’ nhar ġewwa Craven Cottage, jaraw logħba tal-Premier League, darba iva u darba le. Roy Hogdson għandu ħafna ħbieb, stmat sew fil-LMA (League Managers Associaton), l-istess assoċċjazzjoni li hija parrokjalment Ingliża jew Brittanika meta jaqblilha u li vvutat lil Craig Burley bħala manager aħjar minn Gerard Houllier fis-sena 2001 meta dan tal-aħħar rebaħ tlett tazzi fi staġun wieħed. Ir-rebħ taċ-Champions League minn Rafael Benitez fis-sena 2005 ukoll ma mpressjonax wisq, għallinqas fil-voti li ngħataw biex jingħata il-manager tas-sena. Roy Hogdson x’aktarx ukoll jemmen li l-Gran Brittanja għadha imperu kbir, u li meta trid tista’ tikkmanda d-dinja kollha.

Huwa hawnhekk forsi kemm ħareġ biċ-ċar li Liverpool Football Club mhuwiex klabb sempliċiment Ingliż. Inħatar persuna minn Londra, imma wera kemm nies oħra minn postijiet ferm aktar ‘il bogħod ġeografikament fehmu ħafna aħjar il-kultura u ta’ kif jaħsibha s-support ta’ Liverpool. Hogdson kien qisu dak il-persuna bi trobbija ta’ accountant f’uffiċju żgħir li mar jaħdem fuq il-vapuri fil-baċiri, fejn normalment mhux se tħokk rasek f’liema kolonna se tpoġġi dak in-numru imma b’kemm se tweġġa’ mill-inqas waqt li tipprova tiwweldja. Il-fatt li stgħaġeb għax kienu qed isiru protesti mill-partitarji ta’ Liverpool kontra Hicks u Gillett huwa każ klassiku ta’ dan. Il-fatt li jara l-manager tar-rivali eterni tagħna bħala ħabib kbir huwa każ ieħor. L-għajta ‘Hogdson for England’, apparti li fiha l-umoriżmu tagħha, tfakkar fil-ħsieb li Liverpool tinsab fl-Ingilterra ġeografikament biss. Mur mal-Ingliżi, hawnhekk, fir-repubblika tagħna m’intix milqugħ. Int m’intiex wieħed minna.

Il-ħatra ta’ Kenny Dalglish ma tistax tkun aktar ta’ kuntrast mal-persuna ta’ Hogdson. Dalglish huwa Skoċċiż, li ssostitwixxa l-istilla ta’ dak iż-żmien Kevin Keegan. L-ismijiet Keegan u Dalglish imma rari joqgħodu fl-istess sentenza. Isem Dalglish huwa fuq pedestall għalih. Bħala plejer wera l-klassi tiegħu. Kellu teknika impekkabli fi żmien li s-saħħa kienet aktar meqjusa bħala virtu. U kellu rapport mal-Kop bħal kif ħadd ma kellu. Iċ-ċelebrazzjoni tiegħu wara li jiskurja kienet dik ta’ tbissima sħiħa u idejn miftuħa. Tbissima li tixgħel u li tgħidlek, jien naf li int qed hawn biex taħrab ftit il-ħajja ta’ kuljum, u issa jien u inti qegħdin f’dinja oħra għal ftit mumenti. U minn plejer ġie promoss għal manager, wara li Heysel kienet wisq għal Joe Fagan u rriżenja. U rebaħ l-unuri u feraħ u qabeż daqs il-plejers kull darba li nkiseb unur. Umbgħad kien hemm waqt Hillsborough. Attenda funeral wara funeral, u wera s-solidarjeta totali tiegħu mal-familji tal-vittmi. Ftit wara rriżenja għax il-pressjoni jew forsi aktar minn hekk l-effett ta’ Hillsborough kien issa laħaq il-qofol tiegħu u kellu jċedi. Dalglish għex l-agħar mumenti fl-istorja tal-klabb. L-attitudni tiegħu kienet xemgħa wenniesa għal min ġarrab fid-dlamijiet tat-tmeninijiet. U n-nies ta’ Liverpool qatt ma nsew din. Ħafna mill-plejers antiki, jew kważi kollha huma rispettati mill-Kop. Imma ftit għad għandhom isimhom jitkanta waqt kull logħba, bħal Dalglish. Dalglish għażel Merseyside bħala r-reġjun tad-dar tiegħu. Dalglish huwa Scouser addottat.

Personalment, Dalglish f’erbgħa u għoxrin siegħa biddilli attitudni ta’ indifferenza għal-logħba l-kbira tal-Ħadd għal entużjażmu u stennija. Id-differenza fil-ħdax –il plejer li niżlu jirrapreżentaw lil Liverpool dehret. Fl-istess ħin, ħadd ma stenna mirakli. Għax nafu li mirakli ma jiġrux. Imma reġa’ njetta fis-support u l-pubbliku dik ir-rispett lejna nnifisna u fakkarna li aħna parti minn istituzzjoni, li trid tkun fiha biex tifimha. Rajna telfa fl-ewwel logħba tiegħu kontra xi ħadd li nobgħodu, u ħriġna nittamaw fil-futur mingħajr togħma morra, għax ir-riżultat kien sekondarju. Kenny Dalglish jikkmanda rispett. Il-plejers jafu issa li m’għandhomx aktar fejn jistaħbew. Il-Kop mhux se jitfa’ l-ħtija fuq il-manager faċilment. Anzi. Quddiemhom għandhom persuna li għamel ħafna aktar minnhom, u ta’ dan għadu jitħallas billi jinfetaħ tapit aħmar quddiemu minn fejn kull jimxi. Ma qalax miljuni daqshom, imma għadu jiġbor l-interessi sal-ġurnata tal-lum talli ta parti minn ħajtu lejn dan il-klabb.

Iż-żmien li għamel barra mil-logħba jista’ jaħdem kontrih. Il-bogħod minn Liverpool ftit għamel suċċess. Imma il-bogħod mid-dar hawn ħafna li ma jħossuhomx l-istess. X’aktarx hawn min qed jgħajjarna sempliċiment romantiċi. Imma l-futbol mingħajr romantiċità x’inhu? L-ebda intrapriża ma tbiegħ prodott li ma jagħtix sodisfazzjon. Imma Anfield se jibqa’ jimtelà logħba wara logħba sa Mejju, għax hemm wieħed minn tagħna fuq is-siġġu l-kbir u naraw il-logħba mhux b’għażla imma għax ma nafux mod ieħor.