Wednesday, September 2, 2020

Is-suġġettività tan-numri u l-Covid-19

Kieku fi tfuliti kellu xi ħadd ifissirli d-differenza bejn suġġettività u oġġettività, kien naħseb jolqotli l-likk mill-ewwel billi jgħidli l-kliem huma suġġettivi u n-numri huma oġġettivi. Snin sħaħ fil-qasam finanzjarju, nilgħab man-numri, għallmuni kemm it-tfulija hija innoċenti u wara nuqqas ta’ sentejn minn dan il-qasam, il-virus li daħħalna f’darna daqskemm f’qoxortna reġa’ fakkarni kemm kultant l-esperjenza ma tgħallmek xejn. 

 

Madankollu bqajt affaxxinat bin-numri u llum wara ħafna reżistenza interna ħassejt li kelli nagħmel xi ħaġa permezz tal-istatistika mis-sit ourworldindata.org. Aktar milli diżgwid fuq in-numri nnifishom kien hemm diżgwid fuq l-interpretazzjoni tagħhom u saħansitra anki l-intelliġenza tagħna ġiet insulentata minn ħin għal ieħor bid-denominatur jitbiddel skont l-istampa li wieħed irid jagħti, bħal pereżempju Malta għandha l-ogħla rata ta’ testijiet u l-iżgħar rata ta’ infettati. 

 

F’virus li waħda mill-akbar problemi tiegħu hija n-nuqqas ta’ sintomi, l-ammont ta’ infettati huwa diffiċli ħafna biex jitkejjel, speċjalment f’sitwazzjoni fejn mhux kull pajjiż qed jagħmel l-istess numru ta’ testijiet u mhux kull ċittadin madwar l-Unjoni Ewropea għandu l-istess aċċess għal test. Għalhekk iddeċidejt li nkejjel xi ħaġa li hemm anqas argumenti fuqha, il-mewt.

 

Meta wieħed jara l-grafika mill-bidu tal-virus sa issa*, meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, Malta kellha suċċess, u tliet pajjiżi oħra biss kellhom rata anqas. Waqt li fl-UE kien hemm medja ta’ 321.3 mewt għal kull miljun, f’Malta kien hemm 12 biss.



Meta iżda l-lenti tinżel fuq l-aktar żminijiet riċenti, u għalhekk ippreparajt grafika għal x’ġara fl-aħħar ġimgħa (mill-Ħadd 25/08 sat-Tnejn 31/08), tul dawn l-aħħar ġimagħtejn, tliet ġimgħat u erba’ ġimgħat rispettivament, l-istorja mhux biss tinbidel imma tinqaleb ta’ taħt fuq. In-numri għolja ta’ pożittivi matul ix-xahar ta’ Awwissu, irrispettivament mill-ittestjar għoli li jsir f’Malta kien il-preludju ta’ mwiet, b’rata ogħla minn pajjiżi oħra. Forsi l-ġimgħa li għaddiet kienet skerz, b’tliet imwiet li poġġiet lil Malta bit-tielet l-ogħla rata fl-UE, iżda anki jekk tikkunsidra fuq l-aħħar erba’ ġimgħat, minkejja li seħħew imwiet fl-aħħar ġimgħa waħda biss, Malta xorta waħda tinsab mal-ewwel nofs ta’ pajjiżi bl-aktar rata għolja ta’ mwiet. 







Jiena ninterpreta dan kollu li verament is-sitwazzjoni kienet mitlufa u kellhom jittieħdu miżuri ħorox biex is-sitwazzjoni ma tibqax tiggrava, li affettwaw il-libertà tal-poplu. Bħas-soltu min laħaq ħataf, ħataf, jew għall-inqas min ra sa mnieħru kellu r-riħ fil-poppa. Huwa daqstant ieħor kontradittorju li waqt li fl-aħħar ġimgħa donnu l-poplu ħa nifs, minħabba n-niżla fin-numru ta’ pożittivi, fl-istess ġimgħa kien hemm rekord ta’ mwiet. 


* Il-figuri huma sal-31/08/2020.