Saturday, September 1, 2018

Il-biedja f'Malta, fejn sejra?




Jidher li kulħadd irid jiekol, imma mhux ħafna jridu jomgħodu.  Jerġa’ anqas huma lesti li jaħsbu mnejn l-ikel fuq il-platt ġej.  Il-biedja f’Malta tinsab fi kriżi, u skont il-bdiewa nnifishom il-moral tagħhom qiegħed fl-istess livell tal-art li minnha jtuna x’nieklu.  Imma ftit jidhru nkwetati b’din is-sitwazzjoni.  Il-bidwi sfortunatament ftit għandu leħen, u l-gaffa tal-iżvilupp mhux biss ħaditlu ħafna mill-art li darba kien jaħdem hu stess imma wkoll qed tordmu ftit ftit.  Forsi jiena stess m’għandix għalfejn nistgħaġeb daqstant għax ġej minn familja li temgħet u kielet hi stess mir-raba, imma ħafna drabi ħassejt id-disprezz ta’ sezzjonijiet tas-soċjet
à Maltija lejn il-bidwi, li l-kallijiet f’idejh sforz il-ħamrija jagħmluh jidher anqas sofistikat.  Imma n-natura qatt kienet wisq stmata minna?

Dan l-aħħar fil-midja lokali ħarġet aħbar li lill-bidwi poġġietu f’ilsien in-nies.  “Il-prodott Malti jidher li għandu l-aktar pestiċida fl-Unjoni Ewropea.”  Ftit wara b’tipi ħafna anqas kbar, lil hinn mid-drammatiċità tal-istess titlu ħarġu affarijiet oħra.  Fost oħrajn ħareġ li dawn it-testijiet saru fuq pereżempju bżara ħadra waħda jew tnejn.  Irħejtha lejn wieħed mill-irħula li r-raba u l-bidwi għadu jeżisti biex niddiskuti dan kollu.  “Kif tista’ tkun reali b’test fuq ammonti tant żgħar.  Jista’ survey tal-elezzjoni jsir fuq tlieta min-nies biex tħoss polz il-poplu?”  Ħareġ li waħda mill-problemi kbar hija li dawn it-testijiet iqumu mijiet tal-liri u ma jsirux f’Malta għas-sempliċi raġun li f’Malta m’hawnx laboratorju li jista’ jagħmel testijiet speċifiċi. 

Il-pestiċida għandha l-prezz tagħha u l-bidwi mhux se juża l-pestiċida għalxejn b’xejn.  Speċjalment meta tqis li l-qligħ għall-bidwi dejjem qed jittiekel aktar milli qed jittiekel il-prodott li joffri.  Sakemm il-prodott jinqata’ fi żmien biżżejjed minn wara li jiġi applikat il-bexx, il-periklu jitlaq.  Il-pestiċida bħall-mediċina.  Sakemm tintuża b’mod tajjeb, l-effetti huma mnaqqsa.  Ukoll, skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea kull tip ta’ pestiċida li jidħol fil-pajjiż għandu jkun reġistrat fil-pajjiż.  Kien hemm min ta x’jifhem li ċertu pestiċidi qegħdin jidħlu speċifikament f’Malta biss.  Il-bidwi li tkellimt miegħu b’tant pjaċir, jirribattiha bis-saħħa kollha.  “Taħseb li dawn il-kumpaniji multinazzjonali se jinvestu f’tip ta’ bexx għalina biss, meta in-numru tagħna kkumparat ma’ ta’ pajjiżi oħra huwa sempliċiment tikka?  Għalihom dan ma jagħmel ebda sens finanzjarju.”

Personalment, insibha diffiċli nemmen li barra minn Malta fejn hemm kumpaniji enormi wara l-prodotti agrikoli, u bla dubju għalihom il-profitti jiġu l-ewwel u qabel kollox, iħaddnu etika għola minn tal-bidwi Malti.

Il-bdiewa qegħdin jaqblu mal-ħafna stqarrijiet ta’ xjenzisti li d-dinja għaddejja mit-tibdil tal-klima.  Huwa l-bidwi li jħoss fuq rasu t-tibdil ix-xemx taħraq aktar, u aktar minn hekk il-wasla ta’ ċertu parassiti ġodda li ġġib magħha din il-bidla.  Dawn l-aħħar tlett snin pereżempju waslet parassita ġdida li attakkat b’mod speċjali t-tadam.
Laqatni fil-laħam il-ħaj.  Jiena nadura t-tadam.  Naraha frotta umli li tista’ ddaħħalha ma’ kollox.  Dan l-aħħar spiċċajt nqatta’ flieli flieli kull tadama biex innaddafha.  Ftit jiem ilu, imma rnexxieli tadam sabiħ, aħmar nar.  Ma stajtx ma nixtrihx.  Imma meta gdimt l-ewwel gidma ndunajt li t-tadam bl-apparenza tiegħu kien gidimni ferm qabli.  Kien togħma tal-plastik.  Kien ta’ barra.

Jista’ l-pajjiż tagħna jippermetti li l-prodott tagħna tant bnin li jinqata’ fl-istess jum li jasal fil-platt tagħna ma nibżgħux għalih?

Il-kelma organic bħalissa hija l-kelma tal-moda ta’ bħalissa.  Imma kemm verament dawn ikunu lokali?  Il-prodott jiġi affetwat mhux mill-bexx biss.  It-tniġġis fl-arja jaffettwa daqstant ieħor.  Xi rziezet jew forsi aħjar kumpaniji li jpinġu lilhom infushom bħala organiċi qegħdin mat-toroq, mnejn jgħaddu eluf ta’ karozzi jdħaħħnu kuljum.  Ma jiddistingwux lanqas bejn prodott lokali u prodott importat, li min jaf kemm inqata’ qabel u kellu jiġi trasportat u għalhekk ħammeġ xi ftit jew wisq l-ambjent.

“Il-pitkalija għandha bżonn riforma immedjata bħal kif kellha l-pixkerija.  M’hemm sistema ta’ xejn.  Lanqas biss inkunu nafu kemm qed indaħħlu mill-istess prodott u x’domanda hemm għalih ħalli nieħdu prezz ġust.  M’hemm traċċibilita ta’ xejn.  Tagħti ħarsa lejn is-soqfa mtaqqba biżżejjed inti biex tinduna kemm qiegħda fi stat ħażin.  Il-prodott tagħna għandu jkun preżentat bl-aħjar mod possibbli, wara kollox l-ewwel ma tiekol l-għajn.  U rridu nibdew minn ras il-għajn, cioe mill-pitkalija.  Il-bidwi huwa mgħaffeġ wisq biex jaħdem fuq  marketing tal-prodott tiegħu.  Għandu bżonn l-għajnuna mill-pajjiż, li qed jipprovdi huwa parti mill-ġid nazzjonali li m’huwiex imħallas ġustament għalih, bħal kif inġustament kultant tara prodott medjokri ta’ barra fil-kannestri tagħna.”

Il-bidwi wkoll qed jonqoslu r-raba li jaħdem tant li qiegħed jaħdem l-istess raba jum wara ieħor mingħajr ma jkollu għelieqi li jtihom nifs.  Is-sostennibilità qed tiġi affettwata negattivament.  Tidher kontradittorja meta tqis li qed ngħidu li l-bdiewa qed jonqsu.  Imma, is-sistema preżenti ma tippermettix li r-raba jdur minn bidwi għall-ieħor b’mod naturali.  Kull art agrikola tal-istat li ma tibqax tinħadem għax bidwi jżarma, jirtira jew imut tiġi ppreżentata f’tender.  Bħalissa, nies mhux bdiewa qed japplikaw għal din l-art għal skopijiet ta’ rikreazzjoni u qed jgħollu l-prezz għal madwar 40,000 it-tomna, prezz impossibbli u bla ebda sens ekonomiku għall-bidwi.
“Il-bidwi ilu mir-referendum tal-UE jiġi mwiegħed li din is-sistema se tiġi rranġata.  Huwa b’hekk biss li bidwi ġenwin jista’ jkabbar l-operat tiegħu u jibqa’ sostenibbli.  Partit wara partit wiegħed fil-manifest elettorali li din is-sistema se tinbidel imma sa issa kienet wegħda fiergħa.  F’ġieħ l-agrikoltura u s-sens komun, huwa importantissmu li din il-bidla sseħħ.”

Ftit ġimgħat ilu ħarġet aħbar li l-pajjiż sinjur tal-Qatar kien qed jiffaċċja nuqqas ta’ ikel.  L-ikel ta’ dan il-pajjiż huwa kważi kollu importat u minħabba tensjonijiet diplomatiċi ħafna pajjiżi ddeċiedu li ma jesportawx ikel lejh.  Aħna ‘l bogħod minn hekk, imma ma nistgħux nippermettu li l-biedja tmur il-baħar u niddependu kompletament minn barra.  Malta hija gżira u l-importazzjoni ġġorr prezz għola.  Li għandna ġewwa rridu nibżgħu għalih.  Bħal kif irrealizzajna li l-frawla Mġarrija hija speċjali, irridu nirrealizzaw li l-bidwi Malti huwa daqstant ieħor speċjali.  Ma jagħmilx sens li l-Olandiżi jieklu l-patata tagħna u aħna nieklu l-patata tagħhom għax irħas.

Il-biedja ħobżna daqs il-ħobża.


Dan l-artiklu deher fit-Torċa ta' nhar il-Ħadd, 19 ta' Awwissu, 2018.