L-ewwel taqbad il-freeway. Umbgħad issuq iżjed. U wara ftit iżjed. Imma l-karozza ma ddejaqniex, mhux bħall-ajruplan. Qiegħed mal-art u għandek kontroll inti stess. Meta ridt waqaft, iċċaqlaqt ftit u mattart saqajk fil-vojt. U ħadt erba’ nifsijiet tal-arja li għalkemm forsi ‘l bogħod minn pura għallinqas mhux artifiċjali. Kultant trid tħalli f’idejn ħaddieħor, oħrajn trid tagħmel kollox inti. Daqqa trid taqra, daqqa oħra trid taqra. Jew tħalli l-baħar iħabbat jew tibni torri tar-ramel ħa ma jilħqekx u jxarrablek saqajk.
U wara l-freeway, dritta u lixxa daqs mara bla gost, taqbad il-Great Ocean Road. Inbniet fl-għoxrinijiet tas-seklu li għadda bħala monument għas-suldati Awstraljani li ma rritornawx wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. It-triq issa dejqa mhux wiesa’. Kemm tgħaddi karozza waħda fuq kull naħa, u flokk dritta, mserrpa’ daqs serp imdawwar ma’ bastun. U flok imdawwra b’art ċatta fuq kull naħa, u raba niexef minħabba n-nuqqas ta’ xita, hemm ħafna tlajja u nżul, u siġar kbar iħaddru fuq kull naħa tal-irdum. Flok tibża li se torqod għax it-triq bla sfida, tibża’ li l-isfida kbira wisq għalik u tiftaħ għajnejk it-tnejn beraħ u toħroġ l-aħjar tal-kapaċitajiet tas-sewqan tiegħek u l-karozza li qiegħed issuq.
U wara tara l-ikħal. Mhux tas-sħab imma tal-oċejan enormi jingħaqad mal-istess sħab. L-oċejan imma mhux bħal baħar ta’ mal-bajja, fejn immut jekk ma ninżilx ftit fih. Hemm xi nies jgħumu imma jien se nħallieh bħal veduta biex inħares lejha mid-distanza.
U wara waqafna għal darba oħra. Hawnhekk hawn it-‘Twelve Apostles’. Billi kien Ħadd il-Palm tista’ tgħid li kien żmienhom. Imma dawn jkunu hawn is-sena kollha. Bl-istess argument taħseb li l-Ġappun pajjiż Kattoliku ħafna, għax hawn mimli bihom, armati b’magni tar-ritratti, waħda aqwa mill-oħra.
It-‘Twelve Apostles’ blat kbir, tiela’ mill-oċejan ftit il-bogħod mill-irdum. Il-blat magħmul mill-franka u għalhekk sofor u meqjusin rotob. L-isem tagħhom jista’ jitqies bħala ngannabli għax minn tnax –il blata baqa’ għaxra. Mhux għax appostlu minnhom tħajjar minn Ġuda imma għax il-ħin kollu jaqilgħu l-mewġ ġo fihom u ftit, ftit qiegħdin nieżlin. Forsi li kienu f’pajjiżna, ċ-Ċaqnu kien jieħu xogħol il-mewġ u jiddikjara dawn l-appostli bħala barriera. Wara l-għajbien tal-appostli tagħha, il-knisja kienet x’aktarx toffri reżistenza ta’ mewġa ta’ waqt Awissu fejn il-baħar imċaqlaq daqs għadira ċkejkna żejt. Imma bħalissa tidher li l-briksa ħadet post il-franka u l-mewġ x’aktarx jitħalla jagħmel xogħolu.
U l-fraġilita tagħhom qiegħda tiġbed aktar nies. M’humiex għal dejjem. Illum hawn, għada ma nafux. U għalhekk qed jiġu apprezzati aktar. Bħal dak jew dik fl-isptar li qiegħed jara nies jżuruh li lanqas biss jiftakar.
Tuesday, March 18, 2008
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment