Friday, April 5, 2013

Sinjal





Ħarist ‘il fuq bħas-soltu.  Ix-xemx għajjiena u ma għamitniex.  Is-sħab għattewha.  Imma mingħajr wisq forza.  Qishom qed jgħidulha illum mhux il-ġurnata tiegħek imma billi tittawwal ftit mhux se niġġieldu.  U s-sħab baqa’ bajdani, qisu s-suf ta’ nagħġa li marret tirgħa fil-wied u wara li meliet żaqqha ħadet ħsieb li tinżel ftit fl-ilma titlaħlaħ ħalli r-raħħal jtaptpilha ftit rasha b’ċertu ġentilezza u jgħidilha, ‘imma inti kif qatt ma titħammeġ?’

L-enormita ġġiegħlni tħossni żgħir bħal meta nħares lejn il-baħar.  Imma hemm fuq m’hemm interrozjoni ta’ xejn.  M’hemmx blat fejn l-ilma jiltaqa’ u jwaqqaf il-mewġ.  Lanqas irziezet tal-ħut li jtappnu ftit il-veduta.  Hemm baħħ u minimaliżmu li jimla kollox fl-istess ħin.

Imma issa qed nara sinjal jaqta’.  Imma das-sinjal mhux bħal meta tagħmlu fuq ħġieġa, fuq injama, fuq karta, fuq wiċċek jew jagħmluhulek f’qalbek.  Dan daqt jisfa fix-xejn u taf jien biss qed narah bħalissa.  Qed ‘il fuq, ‘il fuq.  Ma naħsibx li xogħol xi ajruplan tar-Ryanair li ma jmurx ‘il bogħod wisq.

Qed naħseb li x’aktarx xi ajruplan kbir, li se jaqbeż il-fruntieri Ewropej.  Min qed fih x’aktarx mhux japprezza fejn qiegħed.  Qiegħed bil-qegħda mitluf fi ħsibijietu, f’xi ktieb jew f’xi film li taf qed jarah aktar biex joqtol il-ħin milli għax irid jarah.  U ma jafx li l-vettura li qed fih qed iħalli s-sinjali warajh.

U se jaqsam minn pajjiż għall-ieħor u fejn se jieqaf mhux se jsaqsuh kif kien is-sħab hemm fuq, imma sempliċiment fejn hu l-passaport.


Dawn l-erba' kelmiet huma mnebbħa mir-ritratt ta' hawn fuq li għal darb'oħra huwa xogħol sieħbi Pawlu Mizzi.  Midjun lejk ħabib.

No comments: