Monday, January 7, 2013

Bandiera





Il-passaport aħmar waħdu bi kliem sofor kulur id-deheb.  Il-bandiera hawnhekk bajda u ħamra, u flok kliem bid-deheb, salib griż.  Poeta Nomadu u li jikteb bil-Malti, Antoine Cassar ifakkarni li l-passaport huwa biċċa dokument li hawn min għamlu bżonnjuż meta fil-fatt m’hemmx bżonn tiegħu.  Tkun barra ikollok tieħu ħsiebu aktar mill-kartiera.  Qisek dak li jpejjep u jistqarr li ġismu għandu bżonn in-nikotina.  U jitfa’ n-nikotina f’ġismu, daqs li kieku l-aktar ħaġa naturali u instintiva għall-ġisem.  B’mod simili ħolqulna l-passaport.  Biex naqsmu minn post għall-ieħor.  Qisu d-dinja mhux waħda.  Inħolqu fruntieri biex qisu jkollna pakketti tas-sigaretti differenti mill-oħrajn.  Daqs li kieku mhux kollha nikotina u tabakk għandhom.  U mhux kollha duħħan jipproduċu, li jġagħluk tisgħol agħar milli meta jkollok riħ u ddejjaq u tnitten lil ta’ ħdejk bihom.

Fid-dgħjufija tiegħi l-bandiera kultant naraha tixgħel.  Oħrajn biċċa drapp mimlija mugrufun.  Bħal mara li kultant taraha ordinarja u oħrajn qisha personifikazzjoni ta’ dak kollu li hu sabiħ.  U mhux ir-riħ u jekk tperpirx jew le li tagħmilli din id-differenza.  Inkun il-barra minn din il-biċċa art bi fruntieri matul il-baħar Mediterran u b’xi mod nilmaha, x’aktarx ma’ xi uffiċju tal-AirMalta u nħoss rehxa ma’ ġismi.  Qisu l-mument preżenti mhux biżżejjed u li qtajt biljett biex tinqata’ ftit minn dik l-art kien xi żball.  Trid tmur lura lejn dak li ħrabt minnu imqar għal ftit jiem.  Bħal meta titla’ quċċata ta’ muntanja u minflok tgħożż il-veduta u s-sħab taħt saqajk tehwden li t-telgħa kollha li tlajt issa trid tinżilha l-isfel.  Bħal li kieku issa li rbaħt ix-xjaten kollha biex tlajt mhux kull qaddis se jgħinek għan-niżla.

Imma forsi bħalissa qed nara l-iswed biss.  Għax forsi l-griż ta’ din il-bandiera bil-fors ifakkrek fil-gwerra.  U jekk gwerra mhix sewda ma nafx x’jista’ jkun iżjed iswed.  Għax bandiera fl-Olimpjadi titla’ bil-mod il-mod u kulħadd japprezzaha.  Ma jkunx hemm min isaffar.  Kultant tfakkrek li hawn irkejjen oħra tad-dinja li jekk m’għandhomx isem jew bandiera , inti qatt ma titħajjar iżżur jew tesplora dik ix-xi ħaġa ta’ seħer li żgur li għandhom differenti minn irkejjen oħra.

Umbgħad hemm fenomenu ieħor.  Fenomenu ta’ nies bla passaport u wisq anqas bandiera.  Għax forsi l-passaport irmewh waqt li qed jaqsmu baħar kiefer li kien deher li se jiblagħhom.  U minkejja li fir-realtà qatt ma kien hemm bżonnu, dak li jkun hemm mal-fruntiera bħall-ġisem li dara n-nikotina u meta ma ttihilux itertqek minn ġewwa.

Għal darba oħra, dawn l-erba kelmiet kienu inspirati mir-ritratt ta' hawn fuq li ttieħed minn sieħbi Pawlu Mizzi.

1 comment:

Pawlu Mizzi said...

prosit jean paul. is suggett tal-identità jinhass ferm qawwi!