Il-Festival
Mediterranju tal-Letteratura dejjem nieħu gost immur. Normalment lejn l-aħħar ta’ Awissu jew bidu
ta’ Settembru, fil-għaxija jkun hemm żiffa ħelwa fil-Ġnien tal-Mistrieħ, u
l-Imsida minn hemm fuq tidher ħafna isbaħ milli meta tkun b’seba’ għajnejn
f’liema ringiela trid taqbad int u ħiereġ jew dieħel il-Belt. Il-post huwa sekondarju imma għax wara kollox
ankè meta kien isir il-Birgu fil-Couvre Porte, Inizjamed dejjem ħarġu bl-unuri
wkoll.
Din is-sena,
s-Sibt lejn l-aħħar tas-serata telgħet ċerta waħda Suad Amiry, Palestinjana
tgħix il-Palestina, wara li trabbiet bejn Amman, Damascus, Beirut u
l-Kajr. Persunitha malajr imliet
il-palk, u malli ħadet il-mikrofonu tista’ tgħid li mliet is-serata kollha għax
bdiet tgħid storja wara oħra b’umoriżmu iswed li minkejja li issa kien dalam
sew xorta spikka u ċarrat il-ħluq tal-udjenza.
Xogħolha bigħietu
mingħajr ma semmiet prezzijiet, ħabtet bibien, iffittat in-nies jew nefqet
il-flus fir-riklami. Dawn il-ġimgħatejn
irnexxieli naqra tnejn mill-kotba tagħha.
Bdejt b’Nothing To Lose But Your
Life, u ħassejtni dovut lejha li nagħmlilha reċensjoni ċkejkna, li tinsab
hawn. Il-ktieb pjuttost qasir u wara li
spiċċajtu bħal meta ddur lejn it-tieni platt dort lejn Sharon and my Mother-In-Law.
Għal darba oħra, l-kitba tagħha nfurmatni u tatni sodisfazzjon
kbir. Issa li qrajt dawn iż-żewġ kotba
tagħha, ridt qisni ntawwal il-kuntatt ma’ din l-awtura u ddeċidejt li
nittraduċi kapitlu minnhom.
Sharon u l-borma Teflon
Kollox beda meta
kien wara nofsinhar u kont vera qed nipprova nieħu siesta. F’ġranet normali,
meta jiġini ċ-ċans, inħobb norqod tkun xi tkun is-siegħa tal-ġurnata. Din tista’ tkun sors ta’ tensjoni serja bejni
u żewġi insomnjaku. Ta’ spiss malli
nisma’ lil Salim idaħħal iċ-ċavetta fis-sallatura, naqbeż minn fuq is-sodda ,
niġri sas-sufan, u npoġġi dritta, bil-pretensjoni li mqajjma. Naħseb Salim jistagħġeb kif jara lil martu
daqshekk mitlufa wara ġurnata twila ta’ xogħol iebes.
Mit-13 ta’
Settembru, meta l-Armata Iżraelita imponiet kerfju fuq Ramallah, għadni ma
xriftx barra mid-dar. Il-lejl li għadda,
ftit wara nofs il-lejl, għall-ewwel darba xrift sal-grada tal-ġnien.
It-tentattiv
tal-bieraħ biex nieħu siesta ma kellu x’jaqsam xejn ma’ li ridt norqod (jew ma’
Salim, li siefer ftit jiem qabel imponew il-kerfju); kien sempliċiment falliment li noqtol ftit siegħat mis-siegħat
twal tal-ġurnata waqt kerfju. Forsi
wkoll il-fatt li qiegħda waħdi jtawwal is-siegħat tal-ġurnata.
Dort fuq is-sodda
naħseb fuq omm Salim, li għal darba oħra qiegħda maqbuda fl-appartament tagħha
stess. Id-demolizzjoni Iżraelita
tal-kwartieri ta’ Arafat bl-isplussivi, ħallew lil omm Salim waħedha f’dar
bil-ħġieġ tat-twieqi mkissra, terazzin tal-konkrit nofsu mwaqqa’, u bi frak
tat-tafal tal-qsari jiġru ma’ kullimkien.
Ma rnexxiliex naqbadha, għax il-ħâriet residenzjali madwar al-Muqata’a
ġew dikjarati żoni militari magħluqa, (apparti li huma wkoll taħt il-kerfju).
Sfurzajt lili
nnifsi nieqaf naħseb fuqha, għax ma kien hemm xejn xi stajt nagħmel biex
noħroġha minn fejn qiegħda, żona mġarrfa b’vendikazzjoni mill-Armata Iżraelita.
Kont qed nipprova
kemm nista’ biex norqod meta ħsejjes inkredibilment irritanti bdew jidħlu
mit-twieqi tal-kamra tas-sodda. Dawn
il-ħsejjes b’ritmu kienu ħafna agħar mit-twerżiq tat-tfal tal-ġirien jilagħbu
fil-ġnien. Spiss, kelli nwaqqaf lili nnifsi
milli noħroġ barra u ngħajjat kemm niflaħ waqt li huma jiġru, jgħajjtu,
jiġġieldu u jitolbu lil ommhom biex tkun il-maġistrata fil-litikazzjonijiet
tagħhom.
Il-ħsejjes baqgħu
sejrin, u sibt lili nnifsi noħroġ mid-dar b’mod isteriku. Sibt lil Omar, tifel ta’ tlett snin, b’lasta
twila f’idu, jsabbat b’kemm saħħa l-muskoli ta’ tlett snin ituh fuq bott
tal-ħalib. Ħarist lejh, u b’ħanġra
daqsiex bdejt ngħajjat: ‘OMAR... f’ġieħ Alla ieqaf. It-tanbir tiegħek se jibgħatni hemm fuq. Biżżejjed.
Jekk jogħġbok.’ Omar ħares lejja b’wiċċ
pallidu u mbeżża’, xofftu t’isfel titriegħed.
Wara ġera lejn ommu, u ħalla l-lasta u l-bott tal-ħalib warajh. Jien dort lura lejn dari, mbeżża li ommu
titfaċċa.
Bdejt nistħi
minni nnifsi li tlift it-tempra b’dak il-mod ma’ tifel, imma t-tanbir verament
daħalli f’rasi. Qatt ma bsart li kellu
jkun it-tanbir ta’ Omar li jifqgħali dak li ilni niġma’ matul dawn l-aħħar
tlettax –il ġurnata ta’ kerfju. Kull
tentattiv għal siesta dakinhar kollha sfaw fix-xejn.
Ċedejt, ħriġt
mis-sodda, u dħalt lura fir-rutina tal-kerfju:
Rajt
l-aħbarijiet,
Għamilt ħafna te
u kafè,
Iċċekjajt
l-imejls għas-seba’ darba,
Żort il-websajt
tal-Ha’aretz,
Komplejt naqra
il-ktieb ta’ Raja Shehadeh, Strangers in
the House,
Rajt aktar
aħbarijiet,
Tmajt lil Nura
(Naħseb Nura tieħu gost bil-kerfju għax nagħmlilha aktar mill-ikla waħda
tas-soltu, u tgħaddi aktar żmien miegħi mis-soltu),
Tmajt lili
nnifsi,
Ħriġt mid-dar u
xrift fil-ġnien,
Erġajt dħalt
id-dar,
Tkellimt fuq
it-telefown għal darb’oħra, pruvajt nanalizza is-sitwazzjoni politika, staqsejt
u weġibt l-istess mistoqsijiet għall-enneżmu darba:
Se jkun hemm
gwerra fl-Iraq?
Sharon se jkeċċi
lil Arafat din id-darba?
Għaliex Sharon
attakka ż-żona al-Muqata’a f’dan iż-żmien partikolari? Għaliex attakk tant offensiv f’dan il-mument?
Forsi biex
jimpedixxi r-riformi antiċipati tal-Awtorita Nazzjonali Palestinjana billi
jsaħħaħ il-kredibilita u l-leġittimita internazzjonali ta’ Arafat?
Il-konversazzjonijiet
fuq it-telefown baqgħu għaddejin għal siegħat u siegħat. Il-linja tat-telefown dejjem okkupata żiedet
l-ansjetà fuq omm Salim.
‘Nipprova naqbed
il-ħin kollu imma l-linja tiegħek dejjem engejġ’, kienet tgerger ta’ spiss.
Mhux biżżejjed li
ma nistax narak?’
Kull darba li omm
Salim ċemplet (u ċemplet ħafna aktar milli tista’ taħseb), wara li tiddeskrivi
kif dawn il-haywanaat (annimali)
qegħdin jistradikaw al-Muqata’a, kienet dejjem tirrepeti l-mistoqsija, ‘Suad,
meta taħseb li ħa jwaqqfu l-kerfju?’
‘Dalwaqt,
dalwaqt,’ irripetejt għal tlettax –il ġurnata, bl-istess vuċi awtoritarja,
minkejja li ma kelli l-ebda ħjiel jekk dan il-kerfju kienx se jkun bħal dak
impost fuq Nablus, sitta u disgħin jum ilu.
Imxebba’, dħalt
fis-sodda relattivament kmieni.
Għall-ebda raġuni qomt f’nofs il-lejl.
Hekk kif ħassitni mqajjma, ċ-ċkejkna Nura ġriet lejn il-bieb, biex
neħodha barra għal nunu (awrina).
Ftit wara li
erġajt dħalt id-dar, smajt ħafna sparar.
B’pass meqjus erġajt ħrigt
barra. L-isparar deher li ġej
mill-bogħod sew, imma l-ħsejjes tagħhom inħassu strambi f’dan il-ħin. Bdew jirbombjaw mal-widien tal-punent ta’
Ramallah. Billi ma stajtx ngħid x’kienu
eżatti dawn l-isparar, imxejt lura ġewwa u xegħelt l-aħbarijiet
tal-al-Jazeereh, bit-tama li jirrapurtaw xi ħaġa fuqhom, imma ma kien hemm
xejn. Hekk kif il-ħsejjes tal-isparar
bdew jinħassu aktar qrib u ogħla, smajt lill-ġirien jgħajjtu: ‘Aqbdu l-borom u
t-taġnijiet u ibdew ħabbtu’.
Ġrejt il-barra u
rajt ħafna ġirien fit-triq.
‘Borom u
taġnijiet?’, staqsejt.
‘Tanager... tanager (Borom .... borom)!’
qaltli Sari, it-tifla tal-ġara bid-daħka.
‘Mela kemm kont
qed issajjar biex il-borom kollha mimlija?, qalli wieħed mill-ġirien.
‘Borma vojta?’,
staqsejt, nofsni rieqda.
‘Borma bil-għazz
tajba wkoll’, wieġbet Sari, din id-darba tidħak aktar bil-qalb.
‘Jogurt imsajjar
jerġa’ aħjar’, qalet Haifa.
‘Tajjeb, tajjeb,
fhimt’, weġibt hekk kif irrealizzajt li din veru kienet qed isseħħ u ma kontx
f’nofs ħolma.
B’eċitament kbir
dħalt id-dar, ġrejt sal-kċina, ftaħt l-armarju, ħadt l-akbar borma tat-Teflon u
ħriġt bil-ġirja lura fit-triq. Kif
għaddejt mil-kamra tas-salott ħarist lejn l-arloġġ – kienu nofs il-lejl daqqu.
Alla! Kif il-Palestinjani jibdew id-diżubbidjenza
ċivili tard bil-lejl? Naħseb minħabba
s-siestajiet twal li ħadu matul dawn l-aħħar tlettax –il jum. Ħriġt barra biex ningħaqad mal-ġirien
itanbru, biss indunajt li nsejt l-imgħarfa biex intanbar biha. Ma tantx jien maqtugħa għal din it-tip ta’
reżistenza paċifika kontra l-Okkupazzjoni, għedt bejni u bejn ruħi.
Imma ma tantx
domt biex veru dħalt fiha. Tanbart,
werżaqt u dħakt, hekk kif rajt wieħed mill-ġirien jitla’ fuq il-bejt biex
itanbar fuq it-tank tal-ilma, ieġor beda jħabbat mal-arblu tad-dawl, u ieħor
fuq barmil taż-żingu taż-żibel. Kienet
qisha xena ta’ manikomju. Tagħtix kas
għedt lili nnifsi, anke jekk il-messaġġ ma jasalx sa Sharon u l-armata li qed
tokkupana, hija terapija mill-aqwa.
Kont kważi bla
nifs u kompleta mitlufa ntanbar fuq il-borma tat-Teflon nofsha mgħawwġa, meta
ċ-ċkejken Omar deher bil-piġama roża jogħrok għajnejh. Ġera lejja u qalli:
‘Khalto... għaliex it-tanbir tard
bil-lejl tajjeb?
Għal sekonda ġejt
bla kliem, imma wara dħakt u dħakt, għannaqt liċ-ċkejken Omar miegħi u għedtlu:
‘Ħabibi Omar, veru qed
jiddispjaċini... imma xi tgħid kieku tmur iġġib il-bott tan-Nido issa?’
Omar mar lura lejn
il-bott deżertat, qabad il-lasta tal-injam f’idu, u beda jtanbar b’tbissima
mimlija sodisfazzjon li xegħlet il-wiċċ ħelu tiegħu.
Xi siegħa wara
kollox għadda, u dħalt lura d-dar, kompletament sfinita.
Hekk kif kienet
qed tmur għajn bija, bdejt naħseb jekk wara kollox iċ-ċkejken Omar hux wieħed
mill-mexxejja żgħar u krejattivi tal-Moviment dejjem jikber Diżubbidjenża
Ċivili Palestinjana!
No comments:
Post a Comment