Is-Sibt fil-għodu
kmieni. Irrid nidħol sal-Belt aktar
tard. U fettilli niċċekja x’temp se
jkollna. Ħassejtni Ingliż fuq hekk. U bħas-soltu meta rrid niċċekja t-temp, dħalt
fuq il-Google u ttajpjajt il meteo Valletta.
Niċċekja x’se jkollna taħt rasna mill-Italja minflok minn hawn
stess. Imma llum id-dinja hekk. Dak li hu ‘l bogħod minnek jasal qabel dak li
hu qribek. Kultant tistaqsi opinjoni fuq
il-borma tiegħek lill-ġar. Speċjalment
jekk hu kok u inti m’intix. Anke jekk
wara kollox li hemm fil-borma se tieklu inti stess u mhux hu.
Illum qalli coperto. Mela xita m’hemmx.
Dħalt il-Belt kif
pjanajt. Ipparkjajt ftit ‘l hemm mid-Dar
tal-Mediterran u mxejt mal-periferiji tal-kapitali. Għaġla ma kienx hemm. U pposponejt ftit iż-żewġ qadjiet li suppost
kelli nagħmel fil-qalba. Is-Sibt
għalhekk inħobbu. M’iniex immexxi. Niddetta jien. U billi jien kopert mis-sħab la hija sħana u lanqas bard. Mhux għax li kieku ħarġet ix-xemx kont se
ngerger imma s-sħab illum fihom is-sabiħ tagħhom. Dak is-sit Taljan reġa’ qata’ eżatt. Li bassar seħħ. Naħseb is-satellita tiffaċilita t-tbassir tat-temp
daqskemm il-mapep jiffaċilitaw li ssib post.
Forsi veru l-misteru qed jitlaq imma kultant mhux sorpriżi għandek bżonn
imma kontroll.
Il-koppla ħamra per
eżempju tidher f’kontroll assolut tas-sitwazzjoni. Inbnew u nbnew id-djar imma hi baqgħet
il-kmand tax-xefaq. Sorpriża kieku
x’tista’ tagħmel? Il-krejn veru tidher
itwal imma xorta m’hemm ebda sorpriża minnha.
Drajna bihom issa. U żgur mhix
tiddomina. Tkerrah xi ftit biss. Dak il-limitu tagħha.
Almenu sa issa.
Ir-ritratt li inspira din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi. Għal darb'oħra grazzi Pawl.
No comments:
Post a Comment