M’iniex bajda u
għalhekk ma naħsibx li nista’ nitqies bħala simbolu ta’ paċi. Waħda mill-griżi li ssib f’kull belt. Ma nsaffarx.
Ma ngħanniex. Inbarrak biss. Ma nafx nibni bejta. Fil-fatt insib il-kenn f’barumbara, minflok
f’xi siġra.
Illum imma tlaqt
mill-belt. U minflok mort f’raħal. Raħal li jidher antik u jaqbel mal-griż
tiegħi imma jsejħulu ġdid. Imtlejt
bit-tama li forsi allura xi darba lili flok ħamiema jsejħuli verdun. Jew aħjar li jistmawni ta’ wieħed.
Sibt ruħi f’dan
il-bini kbir b’bitħa enormi f’nofsu.
Tieqa waħda ħdejn l-oħra.
Ċkejkna. Daqs il-garżelli
tal-pustiera li ħadu xogħol l-antenati tiegħi.
F’salt wieħed
sibt ftit frak tal-ħobż u naqqart. Min
kien ġewwa kellimni. B’lingwa li ma
tinftiehemx. Jien tajt żewġ daqqiet
b’rasi. Wara ġie xi ħadd ieħor. Ma kellimniex. Kellem lil min kien qed ikellimni. Din id-darba fhimtu. Qallu li jien qed ngħatti ‘l ftit dawl li
dieħel.
U tlaqt bil-kwiet
bħal antenat li jaf li qed iġorr aħbar ħażina f’munqaru, imma li jaf li serraħ
lil min bagħtu biha.
Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi tar-ritratt inspirattiv tiegħu.
No comments:
Post a Comment