Monday, December 22, 2008

Liverpool vs Real Madrid

Il-mobajl żarżar mal-mejda u minn taħt il-għajn rajtu jixgħel biex jgħidli li daħal messaġġ. Ftaħt il-messaġġ u kien hemm ‘Real Madrid’. Żewġ kelmiet li kienu biżżejjed biex inħoss żewġ friefet joħorġu mill-fosdqa u jduru mal-istonku b’ċertu ħeġġa qisu xi ħadd qiegħed jiġri bil-kopp warajhom. L-uffiċċju kien vojt u bħall-friefet dort dawra tal-boloh miegħu. Il-kampjonat il-ħobża tagħna, imma t-Tazza taċ-Champions għandha ċertu maġija u palat li l-ebda ħobża għadha ħierġa minn forn tal-ħatab ma ttik.

Ftit wara l-istess ħabib li bgħattli l-messaġġ qalli li qiegħed jiftakar f’dik il-lejla li vvjaġġja minn Liverpool lejn Pariġi, meta fis-27 ta’ Mejju, 1981 Liverpool u Real Madrid iltaqgħu fil-finali tal-istess tazza.
Liverpool kontra Real Madrid, l-aħmar Bolxevista kontra l-abjad aristokratiku. Konfront bejn żewġ istituzzjonijiet li bejniethom jgħaqqdu erbatax –il titlu. AC Milan u l-istess Real Madrid biss jistgħu joffru aktar titli minn dan il-konfront. Konfront li ilu ma jiltaqa’ seba u għoxrin sena, u se jagħti lil Rafael Benítez iċ-ċans li jivvjaġġja bit-tim tiegħu lejn il-belt ta’ tweliedu għat-tieni darba fi staġun wieħed. Din id-darba speċjali ħafna aktar mill-ewwel darba, se jħaddem it-talenti tiegħu kontra t-tim li ssapportja meta kien għadu tifel u li li kkowċja ż-żgħażagħ tagħhom stess fil-bidu tal-karriera tiegħu. Waqt li kien qiegħed jistejqer f’daru wara operazzjoni tal-ġebla, żgur li nesa l-fjuri ta’ madwaru u sidru ntefaħ. Ugwalment ċert li ħass ċertu kburija l-kowċ li waqt li l-imgħallem propja kien fis-sodda hu kien f’Melwood jagħmel ċert li kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Fl-istess lejla Sammy Lee kien fejn kulħadd xtaq li kien u l-midalja ta’ dik il-lejla żgur li deheret tleqq aktar f’għajnejh mis-soltu meta fil-għaxija mar lura d-dar.

Għalhekk għall-okkażjoni ttraduċejt ir-rapport tal-logħba ta’ David Lacey għall-ġurnal influwenti
The Guardian li deher l-għada tal-logħba.


Liverpool..... 1
Real Madrid... 0

Liverpool saru l-ewwel klabb Brittaniku li rebaħ it-Tazza taċ-Champions tlett darbiet meta għelbu lil Real Madrid 1-0 f’Pariġi l-lejl li għadda f’finali li għalkemm rarament laħqet il-livelli għolja milħuqa fis-snin bikrin tal-istess kompetizzjoni, pproduċiet kuntest interessanti b’ ħafna kuntrasti.

Gowl tard ta’ Alan Kennedy żamm it-trofew fl-Ingilterra għall-ħames sena konsekuttiva u fit-tmiem il-Kop fakkar lill-Parc des Princes li la huma u lanqas it-tim mhu qatt se jimxu waħedhom. Fil-verita Liverpool dejjem dehru li x’aktarx joħorġu rebbieħa u r-rebħa waslet mhux tant wara maltempata imma wara serje ta’ rxiex minn ħin għall-ieħor li bħahom il-Pariġini bdew jevitaw il-ġurnata kollha.

Madankollu, jekk kien hemm persuna li seta’ jċaħħad lil Liverpool mir-rebħa, dan kellu jkun Juanito. L-Ispanjol ċkejken, wieħed mill-arkitetti tal-umiljazzjoni tal-Ingliżi f’Wembley f’Marzu, sfida l-awtorità ta’ Liverpool f’nofs il-grawnd fl-ewwel taqsima, waqt li fit-tieni beda javvanza lejn id-difiża b’effetti tajba tant li deher li seta’ jisfida l-loġika tal-andament tal-logħba, li kienet qiegħda xxaqleb lejn suċċess Brittaniku.

Il-vittorja ta’ Liverpool taf kollox lis-snin twal ta’ esperjenza fil-kompetizzjonijiet kontinentali. Real, minkejja t-tradizzjoni kbira fit-Tazza taċ-Champions, kompartivament dehru mingħajr esperjenza u ħażen speċjalment fid-difiża. Mill-bidu nett Liverpool qattgħu f’biċċiet it-tgħassis raġel ma’ raġel tal-Madrid. Souness, ġaladarba taffa l-effetti tal-fawl minn Sabido, kien profondament influwenti bħal dejjem, Lee ġera u għafas b’qawwa fuq il-lemin, bil-full-backs, Neal u Alan Kennedy, dejjem lesti biex jagħfsu il-fuq waqt li Hansen u Thompson baqgħu soda waqt perjodu skomdu fejn Real heddew li jsibu gowl.

Fl-ewwel taqsima Dalglish, ġie miżmum wara l-ewwel darba li ħarab lil Cortes imma rarament reġa’ nżamm wara, u kien ta’ theddida kontinwa fil-kaxxa l-kbira tar-Real. Dan il-vantaġġ seta’ ta gowl lil Liverpool ħafna aktar kmieni. Wara l-ħin tal-mistrieħ Dalglish lagħab aktar irtirat, jara li jiġbed lejh id-difensuri biex isir l-użu massimu mil-ġirjiet ta’ McDermott fl-isfond tal-qoxra Madrilena. Hekk kif Liverpool bdew jiddominaw iżda baqgħu ma skurjawx, il-logħba saret aktar perplessament bilanċjata aktar ma beda jgħaddi l-ħin.

Liverpool setgħu marru minn fuq fl-ewwel nofs siegħa, meta Augustin salva xutt imżerżaq ta’ Alan Kennedy, McDermott tefa’ għoli, u Dalglish reġa’ dar b’ħeffa biex jinkwieta lil Cortes iżda ma setgħax jikkonkludi b’xutt b’saħħtu biżżejjed li jikkonfondi lill-goalkeeper.

Real ħadu l-ħin tagħhom biex jikkordinaw fuq istess livell. Madankollu il-periklu beda jberrgħen għal Liverpool meta Juanito beda jfittex l-opportunitajiet li jdaħħal fil-logħba lill-kollegi ġejjin għall-passijiet tiegħu li bdew jaqbżu d-difiża ta’ Liverpool. Ballun minn dawn sab lil Camacho jaqbeż lil Hansen sabiex jixxutja barra meta Clemence kien barra minn postu.

Ir-rwol ta’ Cunningham kien wieħed periferiku. Għal darba darbtejn l-abbiltà u l-aċċelerazzjoni tiegħu heddew li jieħdu xi waħda mil-linji laterali ta’ Liverpool, iżda ftit jew wisq ġara ankè mill-avvanzi l-aktar promettenti tiegħu.

Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Neal, waqt li jattakka minn fuq il-lemin, sab lil Dalglish, li żamm il-ballun b’ċertu sengħa u baram il-ballun f’passaġġ lejn Souness, li kien ġej tard lejn id-difiża ta’ Real bla kliem u bla sliem. Agustin ma setax iżomm ix-xutt imma l-Iskoċċiż ukoll falla li jilħaq ir-rebound.

Liverpool dehru jew se jirbħu b’mod metodiku jew inkellà jitilfu bi trasukraġni, u meta Juanito beda jassertixxi l-abbiltà tiegħu fuq il-logħba, dawn iċ-ċirkustanzi tal-aħħar dehru jidhru aktar possibli. Kmieni fit-tieni taqsima Liverpool waqfu għal offside kontra Cunningham li iżda ma ngħatax u hawnhekk Camacho ġie mħolli jiġri waħdu lejn Clemence. Il-goalkeeper, ħareġ minn postu, u ġie megħlub minn lob straordinarju , imma ħa r-ruħ mal-bqija tal-Brittanja meta ra l-ballun jogħla fuq il-lasta mimduda.

Fl-aħħarnett il-logħba ġiet mirbuħa għal Liverpool b’taqbila bejn iż-żewġ Kennedys. Ray tefa’ throw-in lejn ix-xellug fejn Cortes deher f’pożizzjoni li jilħaq. Iżda l-ballun laħaq lil Alan, li l-ħarba tiegħu minn mal-linja vertikali ssorprendiet lil Real. Cortes għafas leġġeralment lil Alan Kennedy, imma l-momentum ta’ dan tal-aħħar ġarru biex jitfa’ xutt bix-xellug fir-rokna tat-tieni lasta. Wara dan Liverpool setgħu żiedu ma li kellhom hekk kif Real Madrid issagrifikaw kull ma kellhom fid-difiża għal gowl min-naħa tagħhom iżda kien Agustin li kellu jagħmel numru ta’ parati kuraġġjużi.

Liverpool: Clemence, Neal, A Kennedy, Thompson, R Kennedy, Hansen, Dalglish (Case), Lee, Johnson, McDermott, Souness.

Real Madrid: Agustin, Sabado, Navajas, Cortes (Pineda), del Bosque, Angel, Camacho, Steilike, Juanito, Santillana, Cunningham.

Monday, December 8, 2008

Heysel, 1985


‘We won it three times without killing anyone’

Dan l-aħħar kont mistieden fi programm radjufoniku u mistieden ieħor bħali li huwa membru tal-Manchester United Supporters Club (Malta) irrimarkali l-frażi ta’ fuq. Hija frażi li tismagħha kemm il-darba tiġi kantata f’Old Trafford, meta t-tim oppost ikun kwalunkwe. Ovvjament dawn qegħdin jirreferu għat-traġedja ta’ Heysel li ġrat fid-29 ta’ Mejju, 1985, fejn fil-finali tat-Tazza taċ-Champions bejn Liverpool u Juventus, disgħa u tletin persuna tilfu ħajjithom. Illum il-ġurnata grazzi għall-pluraliżmu fix-xandir, isiru programmi fuq programmi. Il-kwantita żdiedet infinitament, sfortunatament iżda jiena personali għandi dubju serji kemm il-kwalita żdiedet bl-istess mod. Nammetti li llum huwa faċli ħafna aktar biex wieħed isemma’ leħnu, biss naħseb li huwa ż-żmien ukoll biex l-ewwelnett il-preżentaturi jieħdu ħafna aktar responsabbilita, għax huwa tajjeb li student jingħata ċertu għodda f’idejh, biss huwa daqstant importanti li l-għalliem jurieh kif juża din l-għodda u aktar minn hekk jara li ma jweġġax huwa stess jew lil ħaddieħor. Ukoll il-mistieden jew kull min isemma’ leħnu għandu juri wkoll ċertu rispett lejn min qiegħed jisimgħu u japprezza l-fatt li għandu dan id-dritt li jsemma’ leħnu, u għalhekk dan il-privileġġ jużah b’ċertu rispett.

Jiena nifhem ir-rivalitajiet li jeżistu, u ngħixhom ukoll. Rivalita hija li tagħmel ħafna drabi l-isport dak li hu, bħal kif il-kompetizzjoni tmexxi suq. Mar-rivalita iżda jeżisti r-rispett, li huwa importanti fl-isport daqs ir-rivalita u jagħmlu differenti u rispettabli aktar minn oqsma oħra tal-ħajja.

* * * * *

Il-futbol huwa ħafna aktar minn sempliċi logħba. X’jiġri fil-logħba u fl-istadji huwa ħafna drabi mera ta’ x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Id-diżastru ta’ Heysel ġara fl-1985, f’nofs it-tmeninijiet. Meta llum naraw tant investiment fi stadji, fejn li tattendi logħba futbol hija kważi sikura daqs kemm meta tmur it-teatru, huwa faċli li ninsew kif il-futbol kien jitqies f’dawn iż-żminijiet. Għalhekk inħoss li għandi nibda billi mmorru lura fit-tmeninijiet, id-diċenju ta’ Margaret Thatcher, jew aħjar ta' The Iron Lady.

Flimkien mal-futbol inħoss li l-mużika ħafna drabi wkoll tirrifletti x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Il-grupp minn Coventry, The Specials kien laqat il-musmar fuq rasu bid-diska Ghost Town li ħarġet f’Ġunju tal-1981 u laħqet l-ewwel post tal-klassifika Ingliża u damet hemmhekk għal tlett ġimgħat sħaħ.

This town is coming like a ghost town
All the clubs have been closed down
This place is coming like a ghost town
Bands won’t play no more
Too much fighting on the dancefloor


Il-grawnds, it-toroq ta’ ħdejn il-grawnds u d-dancefloor kienu ħafna drabi simili għal xulxin. Jaqblu bħal qalziet, qmis u ġlekk tal-istess libsa. Il-qgħad fl-Ingliterra f’dawn iż-żminijiet kont tista’ tmissu b’idejk, u hekk kif in-numru ta’ dan is-suġġett tela’, invarjabilment il-kriminalita u d-delinkwenza bdew jgħolew.

Il-fenomenu tal-hooliganism kien ħafna drabi fuq l-ewwel faċċati tal-gazzetti Ingliżi. F’kull tournament li l-Ingliżi ħadu sehem fit–tmeninijiet, b’mod partikulari fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Ewropew tal-Italja fl-1980, Ġermanja fl-1988 u Tazza tad-Dinja fi Spanja fl-1982, dan il-fenomenu kien assolutament bla kontroll u rażan u fil-fatt ħafna drabi t-tim nazzjonali ġie mhedded li jitkeċċa.

Liverpool f’dawn iż-żminijiet u anke ta’ ftit qabel kienu jilgħabu fl-Ewropa b’mod konsistenti, u jibqa’ l-fatt li s-support kien ta’ kredtu għall-klubb li kien qiegħed jiddomina, meta ntrebħu erba’ Tazzi taċ-Champions f’seba’ snin. Liverpool bħala belt minn dejjem kienet tħobb tpinġi ruħha differenti mill-bqija tal-Ingilterra. Bl-influss qawwi Irlandiż u kunsill pjuttost xellugi f’dawn iż-żminijiet meta l–Ingliterra kellha gvern Konservattiv, mill-ewwel tifhem dan il-kuntrast. Il-miżuri drastiċi tal-gvern ta’ Thatcher laqtu lil Liverpool agħar mill-bqija tal-Ingilterra. Il-port li kien il-polz ta’ din il-belt beda prattikament jaqa’ fuq saqajh. Il-Merseyboom ta’ żmien The Beatles kien biss memorja passata. Il-futbol iżda żamm lil Liverpool fuq il-mappa meta Liverpool F.C. baqgħu jiddominaw u b’hekk offrew ukoll aljenazzjoni minn dawn iż-żminijiet diffiċli.

Li ġara f’Heysel, kien kompletament kontra n-norma tal-imġieba tal-partitarji ta’ Liverpool. L-ewwelnett, Liverpool permezz tas-CEO ta’ dak iż-żmien Peter Robinson mill-ewwel urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-għażla ta’ Heysel mill-UEFA. Dan il-grawnd kien pjuttost antik u fi stat ta’ telqa, fejn is-sigurta tal-partitarji kienu mħarrsa u ta’ prijorita daqskemm kienu mħarrsa d-drittijiet tas-suwed fl-Afrika ta’ Isfel fi żmien l-apartheid tal-istess żmien. Il-mod ta’ kif tqassmu l-biljetti ukoll ħallew ħafna x’wieħed jomgħod meta ngħata blokk sħiħ għall-partitarji ‘newtrali’, meta fil-Belġju kien hemm komunità imdaqqsa ta’ Taljani. Dan il-blokk kien imiss mal-blokk riservat lill-partitarji ta’ Liverpool. Ħafna partitarji għadhom sal-ġurnata tal-lum bil-biljett mhux mimsus. Ħafna nies daħlu fil-grawnd mingħajr ma ġew mistoqsija biex juru l-biljett, il-passaport biex inti tidħol fil-grawnd minflok f’pajjiż. Jissegregaw lill-partitarji kien hemm barbed wire li aktar kien jixraq lil gallinar b’tiġieġa mgħaxxa ġo fih.
Bil-blokka allokata għal Liverpool qiegħda tfur bin-nies, meta l-blokka tas-suppost partitarji newtrali kienet nofsha biss mimlija, inevitabliment dan il-barbed wire inqata’, u ammont ta’ partitarji qabżu lejn din il-parti. Kien hemm moviment aktar milli mistenni, u jiena l-ewwel wieħed li nammetti li Liverpool kellhom sehem fih sewwa b’riżultat li ħajt partikolari waqa’ li kellu konsegwenzi katastrofiċi.

Il-logħba ntlagħbet xorta waħda. Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. L-iskor minn fulkrum ta’ kollox sar formalità.

Thatcher sabet ix-xoqqa f’moxxtha biex turi snienha u turi l-istmerrija tagħha b’mod pubbliku. Il-klabbs Ingliżi ġew imċaħħda milli jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej għal ħames snin. It-tajn tar b’aktar aggressivita għall-isem ta’ Liverpool. Storja ta’ għoxrin sena li bdiet taħt Bill Shankly li kienet imsemmija biss għas-suċċessi, bnadar ħomor u kant oriġinali ġew mitlufa f’ħakka t’għajn.

Inkjesta uffiċjali qatt ma seħħet. Is-segretarju ġenerali tal-UEFA, Hans Bangerter ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiża u multa ta’ 30,000 Frank Belġjan. Il-President tal-FA Belġjana , Albert Roosens ingħata sentenza ta’ sitt xhur sospiża, filwaqt li John Mahieu, Kaptan tal-Pulizija ta’ Brussels ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiżi u multa ta’ 500 Frank Belġjan, li huma ekwivalenti għal €32.

Huwa fatt li kieku ċertu movimenti u forsi anke insulti ma sarux, ma kienx jiġri li ġara. Huwa fatt ukoll li idejalment jekk tħalli l-bieb ta’ barra miftuħ ħadd m’għandu jidħol, għax il-privatezza hija sagrosanta. Huwa fatt ukoll li idejalment m’għandniex bżonn pulizija u li l-liġijiet qegħdin hemm biss biex jiggwidawna. Huwa daqstant fatt li r-realtà u l-idejaliżmu huma ferm il-bogħod, u s-soċjetà dan taċċettah, tant li tistenna li tkun imħarrsa mill-pulizija.

Il-frażi tal-bidu nett ma tiġiex kantata għax iħossu għal dawk id-disgħa u tletin li tilfu ħajjithom b’mod hekk traġiku. Hija biss ossessjoni fuq rival u ċelebrazzjoni ta’ mwiet. Sfortunatament iżda l-qaħba milli jkollha ttik. Il-logħba tal-ballun għalija hija ħarba mir-realtà, u finali tat-Tazza taċ-Champions għandha dejjem tkun ċelebrazzjoni ta’ futbol u taħlita ta’ żewġ kulturi.

Disgħa u tletin isem li għandhom jibqgħu mfakkra:

Rocco Acerra (29)
Bruno Balli (50)
Alfons Bos (21)
Giancarlo Bruschera (21)
Andrea Casula (11)
Giovanni Casula (44)
Nino Cerrullo (24)
Willu Chielens (17)
Giuseppina Conti (17)
Dirk Daenecky (51)
Dionisio Fabbro (51)
Jacques François (35)
Eugenio Gagliano (35)
Francesco Galli (25)
Giancarlo Gonnelli (20)
Alberto Guarini (21)
Giovacchino Landini (50)
Roberto Lentini (31)
Barbara Lusci (58)
Franco Martelli (46)
Loris Messore (28)
Gianni Mastrolaco (20)
Sergio Bastino Mazzano (38)
Luciano Rocco Papaluca (38)
Luigi Pidone (31)
Bento Pistolato (50)
Patrick Radcliffe (44)
Domenico Ragazzi (44)
Antonio Raganese (29)
Claude Robert (43)
Mario Ronchi (43)
Domenico Russo (28)
Tarcisio Salvi (49)
Gianfranco Sarto (47)
Amedeo Giuseppe Spalaore (55)
Mario Spanu (41)
Tarcisio Venturin (23)
Jean Michel Walla (28)
Claudio Zavaroni (28)

Strieħu fis-sliem.

Tuesday, November 18, 2008

Working Class Hero


Trabba fil-periferiji ta’ Buenos Aires, fis-subborg ta’ Villa Fiorito, subborg li jagħmel il-Mandraġġ ta’ Ġuże Ellul Mercer jidher qisu Pariġi fir-rebbiegħa. Kif jiftaħ John Lennon stess fid-diska tat-titlu ta’ hawn fuq, malli twieled, probabilment bdew iġiegħluh iħossu żgħir. Biss kuntrarju għal ħafna, dan il-bniedem kien jipposjedi talent rari, u kien hemm min anke fis-sittinijiet ġibidlu filmati tiegħu stess jgħaqqadha lil kulħadd fit-toroq imħarbta. U kien anke mistieden biex juri t-talenti tiegħu fl-intervall tal-logħba fil-Bombonera. Wara li kien qatta’ siegħat sħaħ jilgħab b’larinġa, il-ballun ġie faċli għalih u mmeżmeriżża dan l-oġġett b’faċilita.

Ta’ sittax –il sena’ ddebutta ma’ Argentinos Juniors, u ftit wara kien qiegħed jagħmel parti mill-Under 17 ta’ pajjiżu fejn mexxa lil sħabu għat-titlu ta’ ċampjins tad-dinja. Id-debutt man-nazzjonal inkiseb fl-istess età tad-debutt mal-klabb tiegħu, fi żmien meta l-Arġentina kienet qiegħda tipprepara għat-Tazza tad-Dinja ġewwa darha stess, għall-ewwel darba u l-uniku darba sal-ġurnata tal-lum. Waqt li parti sostanzjali tal-Arġentini kienu qiegħdin bil-vistu għall-qraba tagħhom li sparixxew darba għal dejjem fi żmien li l-pajjiż kien immexxi minn dittatorjat militari, il-kowċ ta’ dak iż-żmien, Cesar Luis Menotti kiser qalb dan it-tifel ta’ sbatax –il sena u lanqas imqar inkludieh fl-iskwadra. B’ċans tad-deheb li l-pajjiż kollu jaljena ruħu minn dak kollu li għaddew minnu fil-passat u fil-preżent bil-konfetti mitfugħa qabel kull logħba, ma kien hemmx post ta’ riskji fuq tifel ta’ sbatax –il sena.

They hurt you at home and they hit you at school

It-talent kien wisq kbir biex jintilef minn din id-daqqa ta’ ħarta u minn Argentinos Juniors, akkwista transfer mal-klabb kbir Arġentin ta’ Boca Juniors. Sar eroj tal-Bombonera, u fit-Tazza tad-Dinja tal-1982, kien ovvjament għażla awtomatika. Kellu l-mumenti tiegħu, imma l-avventura tiegħu spiċċat qabel ta’ sħabu meta kontra r-rivali eterni Brażil tkeċċa wara li rritalja.

Ġimgħat wara iżda reġa’ rritorna lejn Spanja, fejn bħal kull plejer Sud Amerikan ieħor, qata’ xewqtu u qata’ passaġġ lejn l-Ewropa. Ftit ġimgħat qabel tkeċċa fl-Istadju Sarria tal-Espanyol, iżda din id-darba ġie ppreżentat fin-Nou Camp ta’ Barċellona. Hemmhekk qatta sentejn, fejn ħafna xhur sħaħ minnhom qattagħhom fuq sodda jew f’xi gym jipprova jirkupra mill-aħħar daqqa voraċi.

Mir-reġjun ta’ Katalunja, niżel ftit aktar l-isfel, fi klima li taqbel aktar miegħu, imma aktar milli klima sab ambjent li kien maħluq għalih, bħal meta bebbuxu jsib qoxortu wara li tħajjar joħroġ minnu għal ftit ħin. Napli, l-belt li bħalissa qiegħda tinstema’ tant mhux għax kellha lil dan il-persuna fit-tim tagħha, jew għax saret l-aktar desitnazzjoni turistika attrejenti għal min għandu l-bżar xi jroxx, imma għax persuna mill-istess belt kiteb ktieb li wera’ l-wiċċ veru tal-Mafja, u li f’din il-belt tiddomina aktar milli r-reġina Vittorja ddominat fl-Ingilterra fis-seklu dsatax. Imma għal xi żmien l-emarġinati tal-Italja kellhom eroj, li tahom raġuni valida biex iqumu fil-għodu, u jimlilhom sidirhom bi kburija. Il-wara ta’ nofs in-nhar tal-Ħadd sabu min jimlihulhom bl-aqwa mod possibli, u b’ewforija li ddum sal-Ħadd li jmiss. U dak li kien biss ħolm sar realtà, u l-iskudetto ntrebaħ għal darbtejn. L-isem ta’ Diego f’Napli sar komuni aktar minn ta’ Pawlu f’Malta.

U f’sajf minnhom wara staġun ma’ Napli, vvjaġġa lejn il-Messiku għat-Tazza tad-Dinja tal-1986. U hawnhekk sab podju maħluq għalih. Erba’ snin wara l-gwerra tal-Falklands, fejn Margaret Thatcher rebħet simpatija minn sezzjoni tal-poplu Ingliż li kien qiegħed jara l-influwenza ta’ pajjiżu dejjem jisfuma u għalhekk iddecidiet li tpaxxihom billi tuża l-armata tagħha fuq gżira ta’ 3,000 ruħ. U b’hekk tat sens akbar lil min ried iħabbat fuq sidru waqt il-‘God save the Queen’. Bi ħżunija ta’ bniedem tat-triq u mingħajr id-diplomazija ta’ Thatcher għola’ ma bniedem fih daqsu u nofs u tefa’ l-ballun fix-xibka mhux bir-ras imma b’idejh. U ftit wara għallem lill-bqija tad-dinja, kif taqbad ballun minn nofs il-grawnd, tevita plejer wara ieħor u meta tħossok komdu titfa’ fix-xibka. U wara jkollok l-awdiċità li l-ewwel gowl ma kienx b’idejk imma bl-id ta’ Alla, u ssawwar leġġenda mal-erbat irjieħ tad-dinja. Ġimgħa wara, wara tlett ġimgħat fuq podju metaforiku, tela’ fuq podju konkret u għolla t-Tazza tad-Dinja.

L-avventuri tiegħu ma kienux ristretti biss għal ġo grawnd tal-futbol. Waqt li kien artist fil-grawnd fuq il-ħaxix, barra kien ribelluż u aggressiv kontra l-istabiliment u n-normi mposti mill-FIFA u l-bqija. U l-ħajja privata tiegħu kellha bl-aktar mod akut u forsi kattiv tfakkarna li wara kollox dan il-persuna huwa uman u li għandu l-vizzji u d-difetti tiegħu. Il-kokaina għoġbitu, u forsi kif darba Robbie Williams qal, li ppermettuli nsemmih fl-istess bloggata ta’ dan il-ġenju, kien il-mod kif Alla jfakkru li għandu flus iż-żejjed. U wara li għoġbitu rikbitu aktar minn kelb sħun fuq kelba fi żmien in-namra. U erba’ snin, din ir-rikba dehret li waslitu lejn il-qabar u t-tama li darba ta lin-Naplitani u l-Arġentini, issa ftit kien baqa’ minnha għalih innifsu. Imma donnu it-teorija’ li huwa sempliċiment uman qalgħet daqqa ta’ ħarta u fil-fatt ħareġ mill-isptar qawwi u sħiħ.

Il-kontroversja jew aħjar il-problemi jiġru warajh, u forsi ankè joħloqhom huwa stess. Imma l-personalità tiegħu u dak li għamel b’ballun tal-ġilda tpatti ta’ kollox. Ilsienu kultant jew dejjem jikkmandah imma il-ġenji trid tiskużalhom d-difetti għax mingħajrom id-dinja ċatta u mhux sfera. U l-FA Arġentina lagħbet karta fuqu u tatu t-tmun tan-nazzjonal fi żmien it-tellieqa bejn Obama u McCain. U għal ftit ħin l-elezzjoni presidenjali Amerikana twarrbet ftit miċ-ċentru tal-univers. Il-puritani kemmxu xofftejhom biss, il-poplu Arġentin reġa’ sebaħ jittama. Wara kollox...

If you want to be a hero well just follow me

John Lennon kien jaf x'inhu jgħid.

Friday, October 17, 2008

Xejn minn erbgħa

‘Kuntent b’telf ta’ anqas minn erba’ gowls.’

Il-kowċ Ċek qal fil-pubbliku dak li kull Malti kien qiegħed jaħseb u jħoss f’qiegħ qalbu. Il-Katalani jxejjru maktur abjad meta l-affarijiet imorru kontra u jridu juru d-diżapprovazzjoni tagħhom. Fitzel qabad l-akbar liżar abjad possibli u dendlu mal-akbar arblu ta’ fuq il-bejt tal-M.F.A. Għal bniedem li kien juri ċertu twemmin u li qisu ried jipprova li l-mentalità tagħna hi l-akbar għadu, dan il-kliem stona. U għal wieħed li trid tfittex bir-reqqa biex issib kwotazzjoni tiegħu, dan il-kliem heżżeż l-erba’ ħitan tal-M.F.A.

Fil-kampanja li għaddiet, Fitzel kiseb numru rekord ta’ punti. Kiseb rebħa fuq l-Ungerija, tlettax –il sena wara l-aħħar rebħa uffiċjali, dik ta’ 1-0 fuq l-Estonja bit-tim immexxi minn Pippo Psaila, kiseb drò barra minn darna mal-Moldovja, u fil-festa pubblika tal-Vitorja, qajjem ċertu patrijottiżmu hekk fil-ġurnata tana xi ħaġa tal-preżent li stajna nifirħu biha meta nkiseb drò ta’ 2-2 mat-Turkija, tim li ftit wara wasal sas-semi-finali tal-Euro 2008. Ir-riżultati waqfu hemm, imma l-gowls baqgħu jaslu u xi konsolazzjoni jew gowl tal-bandiera dejjem ħadna f’Ta’ Qali.

Illum, sempliċiment ftit xhur wara l-ottimiżmu nbidel fis-soltu inferjorità, n-nies fil-grawnd inbidlu fis-soltu baħħ u l-entużjażmu fis-soltu apatija. Kollox ta’ taħt fuq, biss b’ċertu familjarita bħal wieħed li jħobb jgħix fl-imbarazz.

Il-plejers baqgħu l-istess. Il-maġġoranza assoluta tagħhom għadhom fl-aħjar tagħhom. Ma kienx xi żmien ta’ tranżizzjoni. Mhuwiex iż-żmien ta’ meta John Buttigieg, Ray Vella u Carmel Busuttil spiċċaw kollha f’salt. Gilbert Agius, Jamie Pace u Michael Mifsud kollha għadhom hemm. Is-sinsla ma ntmessietx.

* * * * *

Ipparkjajt ftit il-bogħod biex ma ninqabadx fit-traffiku wara. Jien u miexi u rajt il-floodlights jagħtu fuq Ta’ Qali għaġġilt il-pass. Il-ġibda għadha ftit hemm. Dħalt, sibt post b’għażla estensiva u rajt sidieni vojta aktar milli hawn postijiet vojta f’Malta u Għawdex b’kollox bħalissa. Il-letarġija reġgħet daħlet sew. Bdiet il-logħba. Xejn speċjali, imma lanqas gravi u għalhekk fil-mument aċċettabli. Qomna forsi darba jew darbtejn minn fuq is-sit, umbgħad daqshekk. Corner, żewġ daqqiet ta’ ras u gowl. Kontra. Għadda ftit ħin u wasal il-ħin tal-mistrieħ.

U l-purċissjoni kompliet fit-tieni taqsima. Purċissjoni li tħabbatlek qalbek daqs ritmu kajman ta’ katuba. U r-ritmu baqa’ sal-aħħar jew kważi. Telfa oħra u anke l-gowl tal-bandiera baqa’ ma wasalx.

L-għada niftaħ il-gazzetta u l-kowċ jidher li homesick. L-avventura ġo pajjiż ieħor bix-xemx inqalbet issa f’rutina il-bogħod mid-dar. Is-sessjonijiet tat-taħriġ mhumiex meħuda bis-serjeta u x’jagħżel aktar ma tantx hemm. Jipprova jgħallem imma għandu udjenza b’widnejn torox u issa l-vuċi bdiet titlaq sew. Xeba’ jitkellem mal-ħajt u l-ġimgħa l-oħra minflok sab il-media Maltija.

Is-sinsla baqgħet hemm, imma s-saqajn immwaħlin fit-tajn.

Saturday, June 28, 2008

Spanja vs Ġermanja

Ġermanja, pajjiż bi storja ta’ sitt titli – maqsumin ugwalment bejn dawk mondjali u bejn Ewropej. Spanja, pajjiż bi storja ta’ titlu wieħed – Ewropew li seħħ erbgħa u erbgħin sena ilu. Id-differenza ma tieqafx hemm iżda. Mhux sempliċiment konfront ta’ bejn min rebaħ ħafna u min rebaħ ftit. Konfront ta’ tifel li dejjem l-ewwel fil-klassi imma forsi n-nerdiżmu tiegħu jimpedieh mill-popolarità tal-bqija tal-klassi, bejn minħabba għira u bejn nuqqas ta’ kapaċità li joffri kumpanija tajba. Spanja, forsi dak it-tifel li qabel l-eżamijiet juri ċertu kunfidenza u jidher li jipprometti, il-bqija tal-klassi trid toqgħod ħdejh għax cool, joffri argumenti mill-aqwa fil-filosofija u l-arti imma fil-matematika u l-fiżika – żewġ suġġetti ta’ bilfors ifalli.

Żewġ pajjiżi li għandhom il-qasmiet tagħhom. Fil-Ġermanja, l-qasma kienet iswed fuq l-abjad – ħajt li qasem il-belt ta’ Berlin u li spiċċajna b’żewġ stati. Il-Lvant kontra l-Punent. Politika kommunista kontra dik li tħaddan prinċipji kapitalisti, fejn is-suq soċjali ekonomiku jiddetta. Spanja, il-qasma hija aktar griża – pajjiż b’ħafna nazzjonijiet fih innifsu u li joħloq qsim bejn politika ċentralista, nazzjonalista u ta’ seperatiżmu. Staqsi persuna minn Barċellona, n-nazzjonalita tiegħu u jirrispondik ‘Katalan’. Rivalità li titraxxendi ruħha b’mod spettakolari fil-logħba s-sabiħa u li tagħtina wieħed mill-aqwa derby fl-Ewropa – Barċellona kontra Real Madrid.

Fuq naħa tal-munita għandna pajjiż li jagħżel lil Angela Merkel, ċentru-leminista bħala l-kap tiegħu. Persuna li mqabbla mal-ex Prim Ministru Ingliż Margaret Thatcher, bejn għax mara bħalha u aktar importanti minn hekk għax tħaddan ideoloġiji simili li tawha l-laqam ta’ ‘The Iron Frau’. U min-naħa l-oħra għandna pajjiż li jeleġġi lil Josè Zapatero bħala l-Prim Ministru tiegħu li huwa aktar magħruf bħala ‘Mr Nice Man’, mill-Partit Soċjalista Spanjol. Merkel rebħet lill-pubbliku billi wegħdet nuqqas ta’ qgħad u anqas burokrazija. Zapatero rebaħ lill-pubbliku Spanjol billi wiegħed li jirritorna t-truppi Spanjoli mill-gwerra tal-Iraq, wiegħed livell ta’ edukazzjoni aħjar u żied il-paga minima, kif ukoll legalizza żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Jidher li fi Spanja l-moralità għadha punt li trebbaħ u ttellef elezzjoni. Il-vjaġġ innifsu huwa meqjus importanti daqs id-destinazzjoni.

Qabel ma beda dan il-kampjonat, kellna xi ħadd li jġorr aspettattivà, u ieħor li għandu ħolma, li dejjem ikollu qabel jibda kollox u ddumm għall-ewwel ftit imma titfarrak malli ssib l-ewwel iebes. Bħal mewġa li tara ġejja mill-bogħod kollha arja, u żżid fit-tul u l-għoli tagħha, tibla’ l-iskollijiet żgħar imma tispiċċa f’ragħwa malli ssib l-blat għoli. Spanja għelbet l-iskollijiet kollha b’ċertu stil u meta kien hemm bżonn b’reżilenza. L-attakk għamel xogħolu u skorja mingħajr ma kien ta’ detriment għad-difiża fejn f’ħames logħbiet ikkonċedew tlett darbiet biss. Mal-istil ma ġietx sagrifikata s-sustanza. Il-qalziet ġie meħjut sabiħ bħas-soltu u l-bwiet ma tħallewx imtaqqba għax ma jidhrux. U meta kien hemm bżonn jiġi mxammar ħalli jgħaddi mix-xmara li s-soltu tbeżża’ għax fiha ħafna stejjer ta’ sfortuni ma ddarrasx.

Ir-reżilenza leġġendarja Ġermaniża ma ddiżappuntantx. Sabet ruħha minn taħt u rrispondiet bħas-soltu. Webbset rasha bħas-soltu u bħas-soltu għaddiet tagħha. U issa sabet ruħha f’post li ilha ma ssib ruħha fih sitt snin u qiegħda taspira għall-podju li ilha ma titla’ tnax –il sena.

Il-Liga kontra l-Bundesliga, paella kontra frankfurters, rioja kontra birra, Löw kontra Aragones, Ballack kontra Senna, Shweinstiger kontra Silva, Klose kontra Torres. Stennija kontra ħolma, sudizzjoni kontra tehmiża.

Se jkollna stennija li tikkonferma ruħha, jew ħolma li ssir realtà. Kuntrasti u diversità magħqudin flimkien.

Friday, June 20, 2008

L'Oranje

Jimlew l-istadju bl-oranġjo, kulur li jiżboq kull kulur iehor bil-faċilita ta’ larinġa li meta tħallatha mal-vodka ġġiblek it-tazza lewnha. Biss bħall-vodka jagħtuk dik id-dehxa, jekk qiegħed tilgħab kontra u bħal-laringa jtaffulek l-ispirtu tal-vodka jekk qiegħed issegwi bħala spettatur newtrali, u d-dehxa tal-vodka tibqa’ hemmhekk biex tnessiek il-mundanità tal-ġurnata.

Kowċ mingħajr wisq esperjenza imma l-preżenza tiegħu titlob rispett għax wiehed mill-kbar kemm fl-Olanda, Milan u l-bqija tal-Ewropa. Għall-plejers Olandizi din tiswa ħafna. Is-soċjetà Olandiża tistmerr l-awtorità. Ir-rispett ma tiksbux bil-pożizzjoni. Ir-rispett tiksbu b’għemilek u bir-riżultati. F’dan il-kampjonat għamel kollox għoxrin sena’ ilu fl-1988, meta kien parti minn tim u skorja l-isbaħ gowl individwalista. Ħa u ta mit-tnejn, tema’ u kiel fl-istess ħin.

U flok is-soltu ġlied u battibekki, tidher li qiegħda tirrenja ċertu għaqda u spirtu ta’ ħbiberija. U meta tkun magħluq flimkien għal ġimgħat sħaħ, il-bżonn ta’ dan kollu huwa imperattiv. Għax jekk qiegħed taħdem ma’ min ma tantx tniżżel agħar milli għandek xi tgħid ma’ tad-dar. Trid tqatta’ ħin mall-kollegi aktar milli ma’ tal-familja. Ikkunsidra li qegħdin nitkellmu fuq logħba ta’tim sħiħ u skwadra, u l-importanza timmultiplika.

Il-polza tellgħathom fi grupp li tlaqqam tal-mewt. Taffew il-laqam fl-ewwel logħba mat-Taljani u rredikolawha fit-tieni logħba kontra Franza meta umiljaw lill-Blues, qatgħu biljett għall-kwarti tal-finali u għaqqdu seba’ gowls f’żewġ logħbiet kontra ir-rebbieha u l-finalisti tat-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn ilu fi spazju ta’erbat’ijiem. Seba’gowls li kienu bizzejjed biex ovvjament jtellgħuhom fis-seba’sema.

U jumejn wara, urew is-saħħa fonda fl-iskwadra meta b’disa’ tibdiliet għamlu li m’ghamlux Franza u l-Italja billi għelbu lir-Rumanija b’ċertu facilità. U l-integrità ta’ Van Basten ma tmissetx. Wettaq it-tibdiliet fit-tim tiegħu, tibdiliet li kellu kull dritt li jwettaq biex it-tim tiegħu jibbenifika aktar il-quddiem, dritt li nkiseb biż-żewg rebħiet fil-ġimgħa ta’ qabel u f’isem l-isportività għamel minn kollox biex jeghleb lit-tim ta’quddiemu anke jekk jaf li seta’ elimina wieħed minn żewġ favoriti ohra. U l-momentum tat-tim ħallieh għaddej.
Sa issa Van Basten u l-klan sħiħ tiegħu paxxa l-għajn, waqt li għadda mill-eżami tal-kuxjenza. Il-larinġa qisha tal-istampi u minn ġewwa mhux mittiefsa

Saturday, June 7, 2008

Fejn kont?

Bil-Kampjonati Ewropej issa magħna, kont fuq is-sit tal-UEFA u hawnhekk inzertajt ħames mill-aqwa gowls li ġew skurjati f’din il-kompetizzjoni. Ħames gowls minn żminijiet differenti, plejers differenti, eri differenti u ċirkustanzi personali differenti. Bħala wieħed li l-emozzjonijiet u l-fanatiżmu tiegħi dejjem investejthom fi klabb wieħed, ħafna drabi ma jkun baqa’ xejn x’tinvesti lejn tim nazzjonali u kompetizzjoni bħal din. Li ntendejt iżda li minn dawn il- ħames gowls, ftakart fejn kont u x’kien għaddej minni dak iż-żmien f’erbgħa minnhom. Mhux sempliċiment il-logħba s-sabiħa imma ankè l-logħba tan-nostalġija.




Zinedine Zidane vs Ingilterra, Ewro 2004

Kont il-klabb tagħna. Għal xi raġuni qatt ma nsejjaħlu l-każin, imma dejjem il-klabb. Il-każin, dak tal-banda. Mal-ġurnata kont qiegħed Għajn Tuffieħa u niftakar bdew jidħlu r-riżultati tal-ħames MEP Maltin. U fil-għaxija erħejtha lejn il-klabb, l-istess post fejn qattajt staġun sħiħ inqatta qalbi, imma llum bdilt il-post tiegħi. Minflok bil-wieqfa quddiem it-televiżjoni, kont fuq is-sufan, jew aħjar bank bil-cushions, rilassat insegwi minn distanza. L-Ingliżi marru 1-0 minn fuq u ftit wara David Beckham falla penalty. L-istima eżorbitanti ta’ dan il-plejer qatt ma stajt nifimha. Imma umbgħad illum barmil żejt jlaħħaq $139. Plejer tajjeb iva, imma kbir le. Imma miegħu dejjem ġarr ċirklu sħiħ miegħu u li bħalissa qiegħed l-Istati Uniti jikkonferma li Alla jlaqqa’.

Fil-ħin miżjud, Franza rebħu free-kick, ftit barra mill-kaxxa l-kbira. Zinedine Zidane ħa l-inkarigu. Zidane għalija kuntlarju għal min kif għadni kif semmejt kien plejer enormi mhux sempliċiment tajjeb u sa issa wieħed mill-aktar plejers favoriti tiegħi li qatt ma libsu l-flokk aħmar ta’ Liverpool u li nitpaxxa nħares lejh biss. Qatt ma kellu ċirkli jduru miegħu u dak fil-kotba tiegħi jtellgħulu ħafna punti żejda. Umli u fl-istess ħin juri superjorità. Stramb u fl-istess ħin meta toħroġ tridu miegħek. Kuntrast ta’ karattru li jitrasmettieh fil-logħba tiegħu. U dakinhar fl-aħħar ħinijet hekk reġa’ kkonfermah. Ħares naħa u tefa’ l-ballun fix-xibka n-naħa l-oħra, b’kuntrast ta’ sempliċità ma’ ġenjalità.
João Pinto vs Ingilterra, Ewro 2000

L-Ingliżi dak iż-żmien kienu taħt Kevin Keegan, kowċ li jħobb jattakka daqs li kieku qiegħed jilgħab fit-triq. Kieku kien tabib, tmur għandu b’tqaħqiħa u jispiċċa jaqlalek griżmejk ħa jkun ċert li ma terġax tqaħqaħ darba oħra u ta’ madwaru jgħidu kemm iħobb ix-xogħol.

Kienet ġurnata fejn kelli darsa ilha ttektek u bdejt nixrob il-vodka biex inmewwitha. L-Ingliżi sabu ruħhom 2-0 minn fuq imma l-Portugiżi bdew ġejjin u sabu d-dro b’dan il-gowl mill-isbaħ, fejn wara kross Pinto qabeż minn tulu u ħa l-ballun bir-ras. Il-ballun ħabat mal-lasta imma bħala ġustizzja mal-qabża tiegħu l-ballun daħal ġewwa.

L-għada mort għax-xogħol normali imma kelli nitlaq wara ftit għax id-darsa baqgħet ittektek u x-xogħol ma kienx hemm vodka. Id-dentist iżda ma kellux x’jaqsam ma’ Keegan. Qalgħali d-darsa biss flok ix-xedaq sħiħ.


Vladimir Beschastnykh vs Repubblika Ċeka, Ewro 1996

Kien is-sajf tal-1996. Is-sena li spiċċajt il-ħames snin tal-iskola sekondarja u għal darba l-eżamijiet kienu tlestew qabel il-kampjonati. Bdejt intiehem aktar il-liberta li ridt insostni bl-ewwel xogħol tiegħi tas-sajf. Dakinhar ta’ dan il-logħba kien hemm il-Ġermanja u l-Italja mill-istess grupp fl-istess ħin. Niftakarni nispiċċa ftit qabel mix-xogħol ta’ waiter u ma’ min kont naħdem wassalni sal-pjazza. Kien baqagħli ftit ieħor biex nasal id-dar u biex ma nitlef xejn dħalt fl-ewwel bar ħa nsegwi x’inhu għaddej. Kien il-Lord Nelson, li llum minn bar fejn kien il-mekka ta’min iħobb il-logħob tan-nar inqaleb f’ristorant ta’ ċertu klassi. U flok logħob tan-nar x’aktarx jissemmew ħafna logħob ta’ figuri min-negozjanti jippranzaw.

Dan il-gowl attwalment ma rajtux iseħħ direttament. Ħasra. Beschastnykh irċieva l-ballun f’territorju mejjet, dar u flok ra lil min ħa jqassmu, fajjar xutt fejn il-gowler qatt ma seta jġib. B’dan il-gowl it-Taljani kienu jgħaddu mill-grupp, imma li baqa’ f’moħħi u bħalissa qed narah ċar daqs il-kristall li eżatt wara li dħalt fil-bar iċ-Ċeki ġabu d-dro, li fisser li biċ-ċirkustanzi kif inhuma t-Taljani jinqalgħu. It-televiżjoni tal-Lord Nelson ovvjament kien fuq il-logħba tat-Taljani imma għamel kollegament malajr ma’ Anfield, fejn kienet qed tintlgħab il-logħba tar-Russi. U wara ffoka fuq Arrigo Sacchi li kien il-kowċ tal-Italja dak iż-żmien. U kien bniedem li jew tħobbu jew tobogħdu u niftakar kulħadd fil-bar jagħmel il-qrejjen lejh.

U wara tlajt bil-mod lejn id-dar, f’dik l-arja sajfija nidħak għax it-Taljani nqalgħu.


Marco Van Basten vs Russja, Ewro 1988

Żgur l-aktar gowl spettakolari minn dawn l-erbgħa u l-aktar sinjifikattiv meta tqis li sar fil-finali u wassal lill-Olanda jirbħu l-ewwel unur internazzjonali. Li m’għamilx Johann Cruyff, għamlu Van Basten u sħabu. Kross minn fuq ix-xellug lejn Van Basten, fejn dan tal-aħħar kien f’pożizzjoni angolatissima. Disgħa u disgħin plejer minn mija kien jara kif se jqassam lura. Ma kellu ebda dritt jiskorja. Imma Van Basten kien wieħed minn dawk il-wieħed minn mija jew aħjar minn elf li s-sens komun ma kienx jgħodd għalih għax kien ‘il fuq minnu u b’volley sammar il-ballun fix-xibka. Flok sempliċiment jirrestawra joħroġ arti oħra mit-tiġrif.

Dakinhar b’moħħ ta’ tifel dan il-gowl m’apprezzajtux wisq. Fil-fatt żammejt kontra l-Olanda, għax Van Basten, Gullit u Rijkaard kienu mal-Milan. Nofs il-klassi kienet magħhom, jien kont l-uniku wieħed mal-Liverpool u kienu jaqbdu miegħi. Niftakarni r-Russi kienu jiġbduni wkoll, bil-flokk kollu aħmar u CCCP fuq il-flokk. U missieri dejjem jgħidli li r-referees dejjem kontrihom għax Kommunisti. U l-ġibda lejn il-ħmar magħkus minn dejjem kienet hemm. Dakinhar imma lagħbu bl-abjad. U dakinhar għamel differenza għalija għax mort għand ħabib tagħna nara l-logħba biex naraha fuq it-televiżjoni tal-kulur flok fuq il-black and white tagħna.

Mitt elf skrin plasma llum imma diffiċli juru gowl isbaħ minn dan.

Wednesday, May 21, 2008

Tnejn ħżiena

Il-bogħod mill-yada yada kemm jista’ jkun. Ma niflaħiex dis-sena. Xi ħaġa li dejjem kellha ċertu mistiċità marbuta magħha, u ġġagħlni noħlom, b’memorji li jġiegħluk timxi fuq il-baħar u wara tgerger li xarrabt il-qiegħ ta’ saqajk, tidher hemm qisha qaħb, imqaċċta kollha, u mimlija fwieħa tal-bottijiet minn fuq il-monti, biex jekk ma tarahiex, ixxommha, fi triq fejn ankè l-ġrieden tad-drenaġġ jaħsbuha darbtejn jekk jgħaddux minnha jew le.

Tnejn ħżiena ma jagħmlux waħda tajba, u għażla bejn żewġ ħżiena hija ċirkustanza aktar nawżjatika. U meta jiddaħħal fiha x-xinxilli tal-plastik, l-istonku aktar jibda jdur aktar, bħal meta toffri xi biċċa ġobon tat-tursina lil min ma jħobbx il-ġobon. Ir-riħa tiegħu x’aktarx anke lil min iħobb il-ġobon iddejjaq.

U bħalissa l-istess bħar-riħa tal-ġobon tat-tursina, diffiċli tevitaha. Għax donnu għamlet ix-xita u n-nies bħall-bebbux toħroġ iddur u tagħqad tfittex jew tilgħaq. U jien, x’jien nagħmel? Qiegħed naħrab ir-realtà? Jew qiegħed naħrab ix-xinxilli għax dejjem kont aktar dilettant tal-matt.

Bħalissa l-ġuħ qiegħed jagħfas, u l-platt qiegħed fil-kċina. Imma hemm televiżjoni jagħti u bħalissa qiegħed narah agħar milli ġobna tat-tursina, qisu ġobon tas-sajjieda, u aħjar bil-ġuħ milli bil-ħruq ta’ stonku.

Friday, April 18, 2008

Sitta u Disgħin

Kien żmien differenti. Kien żmien ieħor. Dsatax –il sena ilu, l-logħba tal-ballun u dak kollu li ġġib magħha kienet annimal ieħor. Ma kienetx fuq it-televiżjoni l-ħin kollu. Ma kienx hemm personalitajiet jilgħaqu mal-madwar. Ma kienx hemm il-kuntratti tal-lum, b’żeri fuq wara aktar minn minn lira antika Taljana, jew taż-Żimbabwe bħalissa. Xalpa u biljett fil-but ta’ wara kien iġorr stigma. Bħal meta f’cafè mimili pretensjonijiet, tordna t-te’ ġo tazza. Jidħku bik.

Imma l-istigma ma twaqqfekx milli tħobb. Għax jekk fl-istigma hemm tistrieħ u taħrab, it-tebgħa ma timpurtakx. L-aktar, l-aktar tgħattiha b’xi ħaġa. U hekk kien għal ħamsa u għoxrin elf persuna, nhar is-Sibt, 15 ta’ April, 1989. Marru għas-semi-finali, lejn Sheffield, fl-istadju bl-isem ta’ Hillsborough. Il-Kummissarju nkarigat kien ġdid, ċertu wieħed Peter Duckenfield. Bħal meta kowċ ibiddel il-goal keeper qabel penalty. Imma forsi meta t-tim l-ieħor ma tirrispettahx u ma jġorrx wisq piż, ma tiddarrasx. U l-ħamsa u għoxrin elf daħlu, wieħed wara l-ieħor fil-gaġġa. Anzi f’erba’ gaġġeg, ta’ wara l-lasta. Ħadid jaqsam il-biċċa ta’ wara l-lasta f’erba’. Il-ġnub sparsi, u n-nofs jitgħaffġu. Ma kienx hemm min imexxi. Ejja ħa mmorru. Il-logħba ma ttardjatx. Ejja ħa neħilsu.

Ix-xemx għal darba ħarġet, imma mhiex tintlaħaq. Mhiex tinħass. Jinħass biss pandemonju, u l-arja kiesħa tal-mewt. U l-gradi ta’ quddiem jirreżistu. In-nifs jinżamm mhux bl-eċċitament imma bil-paniku. Awtoritajiet b’idejhom marbuta, imbeżża li jista’ jisfrattalhom xi żiemel u jarmihom mal-art. Ma kellhomx x’jinkwetaw. L-art kienet tat-tajjar u kien hemm jgħatti. Għax gvern konservattiv jista’ qatt jeħodha kontra min qiegħed jieħu ħsieb erba’ delinkwenti?

U sitta u disgħin jaraw il-flokk aħmar għall-aħħar darba. Sitta u disgħin familja titfarrak darba għal dejjem. Waqt logħba noli, ħarbu il-bogħod iżżejjed, inbarmu u qatt ma rritornaw. U min jaf hux aħjar jew agħar. Imma l-logħba tilfuha darba għal dejjem, u l-logħba ma baqgħet qatt l-istess mingħajrhom.

U l-qraba għadhom ifittxu t-traċċi ta’ x’ġara sew, bl-insulti ta’ kumpilazzjoni ta’ erba’ karti li ġġib l-isem tal-ħaġa li l-Gran Brittanja l-aktar nieqsa minnha jidwu ġo widnejhom. U l-inkjesta ta’ Lord Taylor ġġib ftit serħan. Serħan ta’ ftit minuti għax is-saqqu għadu iebes u ma jiflaħx raqda sħiħa.

U sadanittant l-istadji nbidlu, u minn gaġġeġ għandna il-miftuħ. U sit biex tpoġġi fuqu. U nies li ma jafux x’ġara eżatt dakinhar paxxuti fuq is-sit meta kieku mingħajr dak is-sit qatt ma resqu ‘l hemm. U mal-anniversarju kellna qassis jixgħel sitta u disgħin xemgħa.

U l-għada żewġ Amerikani komplew jillitikaw ta’ min għandu jibqa’ fil-bord u min le.

Monday, April 7, 2008

Dilemma

Saqajja m’għadhomx jieħduni waħedhom. Saru jeħlu. Saru jitgħawwġu flok jiġġebdu. Imma x’sejjer nagħmel? Bħal Joe Strummer meta staqsa Should I Stay or Should I Go? Imma fl-isfond m’hemm l-ebda riff ta’ kitarra li ġġagħlek tiċċaqlaq. Hemm biss silenzju perfett għax il-moħħ mhux bħall-istonku, ma jgergirx li jinstema’. U la bdejt nistaqsi, x’aktarx ma mmurx. L-affarijiet inbidlu. Il-mistoqsijiet żdiedu.

Għax hekk. M’hemmx spjegazzjoni. Għatx ta’ ftit xhur qtajtu f’darba u għoddu faqagħni. U bħalissa qiegħed jogħġobni l-kwiet u m’għandix aptit niċċaqlaq minn fejn qiegħed. Imma qisha d-deċiżjoni kienet ġa saret qabel, u bħalissa qiegħed biss niġġustifikaha. Kont ġieli mmur biex niġġustifika ftit lili nnifsi, jew għax nibża’ li se nħoss il-mankanza tagħha mal-ġimgħa. Għax iċ-ċans darba jiġi f’ġimgħa. Jew ngħid li mmur hemm biex nieħu xi ħaġa oħra minflok. Bħal meta tmur il-baħar u flok tgħum, tmur biex tħares lejn l-erba’ siġriet li hemm mal-ġenb, minflok tmur fi ġnien sħiħ għalhekk. Jew bħal meta tixtri mobajl biex iżżomm erba’ indirizzi u numri flok biex iċċempel bih. Imma dak iż-żmien dik l-iskuża kienet tgħodd. U strieħajt biha, u għalhekk kollox għadda b’wiċċ il-ġid. U bħall-mobajl, kien hemm min jarak bih imdendel ma qaddek, u qtajt nofs il-problema avvolja bla kard.

Imma kultant m’hemm xejn ħażin, li tuża oġġett jew okkażżjoni għal skop ieħor. Il-mobajl illum sar jintuża għal kollox kważi barra biex iċċempel. Il-qamħ flok għall-ikel qiegħed jinżera’ biex jinħoloq il-bio-fuel. Imma l-bieraħ il-qamħ baqa’ fl-ixkora u l-mobajl baqa’ mitfi. U la qabadni ġuħ, il-karozza mxiet xorta, u kkomunikajt ma’ min ridt xorta.

Imma forsi ġimgħa oħra tkun mod ieħor. Għadu kmieni. Is-saqajn taf flok jitgħawwġu jitkaxkru ftit.

Monday, March 31, 2008

Lura

Stennejt, tlaqt, wasalt, qgħadt hemm u issa ilni kważi ġimgħa lura hawnhekk. Lura d-dar. Lura fuq il-blata, li xi kultant kont insejjħilha qaħba u issa qiegħed ngħajjtilha ma. U ħafna affarijiet ma nbidlux, baqgħu għaddejin mingħajr qisu jien qatt ma kont hemm qabel. U issa li ġejt lura, rritornajt lejn ix-xogħol u bdiet ir-rutina ta’ qabel, li kienet imkissra għal kollox f’dawn l-aħħar ftit xhur. U flok il-ġdid, issa qiegħed insib il-familjarità, u l-wens li ġġib magħha din l-istess familjarità. Rutina li xtaqt naħrab għal ftit, imma issa erġajt lura għaliha waħdi, mingħajr imbuttaturi żejda. Waqajt għaliha bħal ma terġa’ taqa’ għal xi vizzju. Bejn għax m’hemmx għażla oħra u bejn għax hemm ċertu kumdita fiha.

U l-bieraħ saqajja ħaduni lura lejn il-klabb. Din id-darba rajthom jilgħabu f’ħin normali. U kif jgħidu l-affarijiet żgħar jagħmlu d-differenza kollha. Ħassejtni tajjeb immur lura, u mhux vera li bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb. Tkun taf x’għandek meta titilfu, u meta ssibu lura tgħożżu iżjed. Ix-xarba tajba qatgħet l-għatx ta’ tlett xhur, u l-uċuħ tas-soltu dehru qishom uċuħ ta’ ġewwa.

U l-esperjenza tat-tlett xhur barra tidher li ħadmet xi ftit. Għasarthom meta kont hemm, perriċthom fuq il-vjaġġ twil lura u issa qiegħed nieħu gost nitwihom.

Tuesday, March 18, 2008

Tnax -il Appostlu

L-ewwel taqbad il-freeway. Umbgħad issuq iżjed. U wara ftit iżjed. Imma l-karozza ma ddejaqniex, mhux bħall-ajruplan. Qiegħed mal-art u għandek kontroll inti stess. Meta ridt waqaft, iċċaqlaqt ftit u mattart saqajk fil-vojt. U ħadt erba’ nifsijiet tal-arja li għalkemm forsi ‘l bogħod minn pura għallinqas mhux artifiċjali. Kultant trid tħalli f’idejn ħaddieħor, oħrajn trid tagħmel kollox inti. Daqqa trid taqra, daqqa oħra trid taqra. Jew tħalli l-baħar iħabbat jew tibni torri tar-ramel ħa ma jilħqekx u jxarrablek saqajk.

U wara l-freeway, dritta u lixxa daqs mara bla gost, taqbad il-Great Ocean Road. Inbniet fl-għoxrinijiet tas-seklu li għadda bħala monument għas-suldati Awstraljani li ma rritornawx wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. It-triq issa dejqa mhux wiesa’. Kemm tgħaddi karozza waħda fuq kull naħa, u flokk dritta, mserrpa’ daqs serp imdawwar ma’ bastun. U flok imdawwra b’art ċatta fuq kull naħa, u raba niexef minħabba n-nuqqas ta’ xita, hemm ħafna tlajja u nżul, u siġar kbar iħaddru fuq kull naħa tal-irdum. Flok tibża li se torqod għax it-triq bla sfida, tibża’ li l-isfida kbira wisq għalik u tiftaħ għajnejk it-tnejn beraħ u toħroġ l-aħjar tal-kapaċitajiet tas-sewqan tiegħek u l-karozza li qiegħed issuq.

U wara tara l-ikħal. Mhux tas-sħab imma tal-oċejan enormi jingħaqad mal-istess sħab. L-oċejan imma mhux bħal baħar ta’ mal-bajja, fejn immut jekk ma ninżilx ftit fih. Hemm xi nies jgħumu imma jien se nħallieh bħal veduta biex inħares lejha mid-distanza.

U wara waqafna għal darba oħra. Hawnhekk hawn it-‘Twelve Apostles’. Billi kien Ħadd il-Palm tista’ tgħid li kien żmienhom. Imma dawn jkunu hawn is-sena kollha. Bl-istess argument taħseb li l-Ġappun pajjiż Kattoliku ħafna, għax hawn mimli bihom, armati b’magni tar-ritratti, waħda aqwa mill-oħra.

It-‘Twelve Apostles’ blat kbir, tiela’ mill-oċejan ftit il-bogħod mill-irdum. Il-blat magħmul mill-franka u għalhekk sofor u meqjusin rotob. L-isem tagħhom jista’ jitqies bħala ngannabli għax minn tnax –il blata baqa’ għaxra. Mhux għax appostlu minnhom tħajjar minn Ġuda imma għax il-ħin kollu jaqilgħu l-mewġ ġo fihom u ftit, ftit qiegħdin nieżlin. Forsi li kienu f’pajjiżna, ċ-Ċaqnu kien jieħu xogħol il-mewġ u jiddikjara dawn l-appostli bħala barriera. Wara l-għajbien tal-appostli tagħha, il-knisja kienet x’aktarx toffri reżistenza ta’ mewġa ta’ waqt Awissu fejn il-baħar imċaqlaq daqs għadira ċkejkna żejt. Imma bħalissa tidher li l-briksa ħadet post il-franka u l-mewġ x’aktarx jitħalla jagħmel xogħolu.

U l-fraġilita tagħhom qiegħda tiġbed aktar nies. M’humiex għal dejjem. Illum hawn, għada ma nafux. U għalhekk qed jiġu apprezzati aktar. Bħal dak jew dik fl-isptar li qiegħed jara nies jżuruh li lanqas biss jiftakar.

Thursday, March 13, 2008

Ian Brown

Il-post mhux kbir wisq. Forsi daqs l-Alley darbtejn jew l-aktar tlieta. Iswed kollu, minn fuq s’isfel. Il-folla tinħass Brittanika. L-aċċent Ingliż jidwi u wara xahrejn u nofs tisma’ aċċent Awstraljan u Ingliż imqanżah jibda jdoqqlok għal widnejk daqs qanpiena fi żmien is-sekondarja waqt xi lezzjoni tedjanti. L-udjenza daqsxejn matura fiż-żmien – il-medja naħseb fuq it-tletinijiet. Matura fiż-żmien, imma bħalissa qiegħda tlegleg il-birra u l-maturita tiżżelleġ f’żogħżija. Hekk, bħal kif in-nida żżelliġlek il-windscreen fil-għodu, tindikalek ġurnata sabiħa ta’ xemx.

Il-ħin, l-għaxra ta’ bil-lejl. Ħareġ il-bassista b’kurunetta f’idu, jdoqq it-tema ta’ ‘The Godfather’. U wara ħareġ hu. Hu, Ian Brown, liebes jeans u flokk suwed, u tazza f’idu b’daħka inkejjuża fuq wiċċu. Ilni nistennieh dan il-mument, minn mindu xahrejn ilu ġbart rivista minn dawk li jagħtu b’xejn u kien hemm riklam tal-lum. Żewġ battuti mill-bassista u nqtajt minn saqajja... Beda bil-klassika ta’ The Stone Roses, ‘I Wanna Be Adored’, il-band tad-disgħinijiet li pproduċiet żewġ albums biss wara ġlied bejnu stess u l-kitarrist John Squire. Żewġ biċċiet ta' xogħol imma li ħallew impatt enormi. U kont naf dak il-ħin stess, li kull darba li nerġa’ mmur fuqha fuq l-Ipod qatt mhu se ddoqq l-istess f’widnejja bħal qabel.

I don’t have to sell my soul
He’s already in me
I don’t need to sell my soul
He’s already in me

I wanna be adored
I wanna be adored


Mument hekk, li wara li spiċċa għedt lil ta’ ħdejja, x’qed tixrob. Ridt niċċelebrah. Telepatija mal-mument. Rari, imma meta jiġu, jġorruk. Jibqgħu ġo fik mingħajr bżonn ta’ ċippep jew ritratti.

U l-lejl kompla. Ftit xogħol minn tiegħu u kultant xi klassika mill-band li għamlitu min hu llum. Mhux popolari mal-masses imma rispettat sewwa minn ċertu sezzjonijiet. Kultant jidher arroganti fuq il-palk, imma forsi dik il-marda ta’ kull band jew persunaġġ minn Manchester. Imma għal-lum u għalih se nagħlaq għajnejja t-tnejn. Imma widnejja miftuħin beraħ it-tnejn u l-mużika tiegħu tgħaqqad lill-udjenza u lili li bħalissa mxarrba bl-għaraq, imma ma jimpurtax. Altru. Irrid nixrob kull sekonda ta’ dan il-gig ħa jkolli aktar x’nogħroq.

Nitla’ fil-bar ta’ fuq wara li spiċċa u jidher li mhux jien biss ħadt siegħa u kwart tajba. Bħalissa jidher li għandu raġun bit-titlu tal-aħħar album tiegħu. ‘The World is Yours’. Id-dinja tiegħi. Qiegħed bħalissa fit-tarf tagħha imma ma jimpurtax.

Wednesday, February 27, 2008

Dance Dance Dance

Poġġejt lil Yuki fis-sit ta’ quddiem u niżżilt it-tieqa beraħ. Bdiet nieżla xita ħafifa, xita li ma tarahiex b’għajnejk, għalkemm l-asfalt beda bil-mod jiswied aktar. U kien hemm riħa ta’ xita. Xi nies tellgħu l-umbrella l-fuq, oħrajn imxew qisu xejn ma kien nieżel. Id imġebbda l-barra setgħet forsi titraċċa ħarira nida. Kienet daqshekk xita fina.

Yuki serrħet minkbejha fuq il-bieba u geddumha fuq idha, għonqha mmejjel , u wiċċha nofsu maħruġ mill-karozza. Żammet dik il-poża għal ftit ħin mhux ħażin, ma tiċċaqlaqx ħlief biex tieħu nifs. Kull moviment żgħir il-fuq segwit minn moviment żgħir l-isfel, l-iċken għolja u l-iċken niżla tan-nifs. Kif jista’ jkun xi ħadd ikun daqshekk fraġli u bla difiża. Minn fejn kont bil-qiegħda, deher li qisu l-iżgħar impatt jista’ jkun biżżejjed biex jaqlagħlha rasha u minkbejha l-barra. Forsi għax għada tifla, għada ma tafx l-ebbusija tal-ħajja, u jien adult, li, mingħajr wisq ħsieb, soffrejt diġa.

‘Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel?’, staqsejt.
‘Mhux wisq,’ qaltli Yuki, tibla’ waqt li tkellmet wiċċha l-isfel. Il-bżieq jnaddfilha griżmejha instema’ jidwi b’ħoss mhux naturali. ‘Ħudni x’imkien kwiet, fejn m’hemmx nies, imma mhux il-bogħod.’

‘Il-baħar?’
‘Fejn trid. Imma ssuqx wisq. Taf inneħħi jekk niċċaqalqu ħafna.’

Tellajtilha rasa u daħħaltha l-ġewwa, attent ħafna qisni qed naqbad bajda, u tellajt it-tieqa san-nofs. U wara bil-mod daqskemm it-traffiku seta’ jagħti, tlaqna lejn il-bajja ta’ Kunifuzu. Pparkjajna l-karozza u mxejna lejn il-baħar, fejn Yuki rremmettiet fuq ir-ramel. Bil-kemm kien hemm xejn fl-istonku, ħlief ftit ċikkulata u meraq. L-aktar mod ta’ tortura biex tneħħi. Il-ġisem jkun fi spażmu, imma ma joħroġ xejn. Tisforza s-sistema sħiħa tiegħek , sakemm l-istonku jiġi għoqda daqs ponn. Mmessaġjatilha daharha. Ix-xita nida kompliet, imma Yuki ma nnutatx.

Glyauughhh.. Għajnejn Yuki imtlew bid-dmugħ hekk kif ppruvat tneħħi aktar.

Ppruvajt ngħinha b’mod fjakk.

Wara għaxar minuti hekk, imsaħtilha ħalqha b’maktur u għattejt il-mandra bir-ramel. Wara, nżommha minn minkbejha, mexxejtha lejn l-eqreb moll. Poġġejna mal-art, daharna ma’ ħajt hekk kif ix-xita bdiet nieżla. Ċċassajna lejn il-mewġ, biż-żangir tal-karozzi fil-West Shonan Causeway fl-isfond. L-unika nies fil-madwar, kienu bil-wieqfa, saqajhom fl-ilma jistadu. Kienu liebsin ġagagi, għajnejhom ffissati x’imkien l-isfel mix-xefaq, bil-qasab mhux mgħawwġa. Ma darux biex jħarsu lejna. Yuki mejlet rasha fuq spalleja, imma ma qalitx kelma. Bil-fors deherna bħal żewġ maħbubin.

Yuki għalqet għajnejha. Tieħu n-nifs tant ħafif, dehret rieqda. Troffi sħaħ ta’ xagħarha mxarrba saru ċappa fuq moħħha, il-ġilda tagħha għada samra mix-xahar li għadda. Imma taħt is-sema msaħħba, Yuki dehret ma tiflaħx. Imsaħt ix-xita u d-dmugħ minn ma’ wiċċha. Ix-xita baqgħet nieżla b’silenzju sħiħ fuq il-baħar bla limitu. Ajruplani tas-Self Defence Force jgħassu għal xi sotto-marin jtiru fuqna, jżanżnu daqs żnażan fis-sħana.

Fl-aħħar, b’rasha għada fuq spalleja, fetħet għajnejha u ħarset lejja b’fok ħafif. Qabdet Virginia Slim mill-but ta’ ġenbejha u xegħlitu. Jew aħjar pruvat ripetutament – bil-kemm kellha saħħa tixgħel sulfarina. Din id-darba m’hemmx lezzjonijiet dwar tipjip mingħandi. Fl-aħħar irnexxielha u waddbet is-sulfarina ‘l hemm. Ħadet żewġ nifsijiet il-ġewwa, u rmietu wkoll. Kompla jaqbad sakemm ix-xita tfietu.

‘L-istonku għadu juġgħak?’ staqsejtha.
‘Xi ftit.’
‘Ejja noqogħdu hekk għal ftit. Int mhux qiegħda tħoss bard hux?’
‘Tajba jien. Ix-xita sabiħa.’

Is-sajjieda kienu għadu transfissati fuq il-Paċifiku. X’kienet il-ġibda lejn is-sajd? Ma jistax ikun sempliċiment li taqbad il-ħut. Forsi waħda minn dawk il-gosti? Bħal tpoġġi bil-qiegħda fuq il-baħar bix-xita nieżla ma’ tifla nervuża ħafna ta’ tlettax –il sena?

‘Sieħbek,’ Yuki ttentat b’mod kawt, b’leħen miksur.
‘Sieħbi?’
‘Iva, dak tal-film.’
‘Ismu propja Gotanda,’ għedtilha. ‘Bħall-istazzjon tal-linja Yamanote. Dak ta’ wara Meguro u qabel Osaki’.
‘Dak qatel dik il-mara’.

Werriċt għajnejja lejn Yuki, b’saħħa. Dehret pallida. In-nifs tagħħha kien irregulari, bħal ruħ mgħarrqa miġbura mill-ilma. X’kienet qed tgħid din it-tifla? Ma rreġistrax.

‘Qatel liema mara?’ staqsejt.
‘Dik il-mara. Dik li kien qiegħed rieqed magħha l-Ħadd fil-għodu.’
Ma ħadtiex. Ma stajtx neħodha. Fuq hiex kienet qed titkellem? Nofsni konxju, tbissimt u għedt, ‘Imma ħadd ma jmut fil-film. Bil-fors int żbaljata.’

‘Mhux fil-film. Fil-ħajja reali. Attwalment qatilha. Rajta’, qaltli Yuki, waqt li qabditli idi. ‘Beżżatni tant li bil-kemm stajt nieħu nifs. Dik il-x’inhi reġgħet ġriet fuqi. Stajt nara l-qtil sħiħ, ċar u akut. Il-ħabib tiegħek qatel dik il-mara. Mhux qiegħda nivvinta. Onestament.’

Is-sinsla nbidlet f’silġa, ma stajtx ntenni kelma. Kollox beda jaqa’ minn postu, jaqa’ l-isfel, mingħajr ma nista’ nagħmel xejn. Ma stajt inżomm xejn.
‘Skużani. Forsi missni m’għedtlek xejn,’qalet Yuki. Ħadet nifs il-barra u telqitli idi. ‘Il-verita onesta hi, li ma nafx. Nista’ nħoss li reali, imma ma nistax inkun veru ċerta jekk hijiex reali jew le. U naf li probabilment se tobgħodni bħal kulħadd għax qiegħda ngħidlek hekk. Imma ma stajtx ma ngħidlekx. Veru mbeżża’. Jekk jogħġbok tirrabjax miegħi. Ma stajtx inżommha. Qiegħda nħossni qisni qiegħda naqa’ biċċa biċċa.’
‘Jien mhux miġnun, mela kkalma u għidli x’rajt,’ għedtilha, waqt li żammejtilha ida.

‘L-ewwel darba li rajt xi ħaġa ċara daqshekk. Fgaha, il-mara tal-film. U poġġa ġisimha fil-karozza, u saq triq twila ħafna. Kienet dik il-karozza Taljana li inti soqt darba. Dik il-karozza tiegħu, le?’

‘Iva, dik il-karozza tiegħu,’ għedtilha. ‘Hemm xi ħaġa iżjed? Ikkalma u erġa’ aħseb. Kull ħaġa li tiġi f’moħħok, żgħira kemm hi żgħira, għidieli. Irrid inkun naf.’
Ħakket rasha tentativament, darbtejn, tlett darbiet. Umbgħad ħadet nifs fil-fond. ‘M’hemmx wisq iżjed. Ir-riħa tal-ħamrija. Pala. Lejl. Għasafar jsaffru. Dak kollox. Faga’ dik il-mara għall-mewt, għabbieha x’imkien fil-karozza, u difinha. Dak kollox. Imma – u din hi l-veru biċċa stramba – il-biċċa kollha ma dehritx selvaġġa jew orribli jew hekk. Lanqas biss dehret bħala delitt. Kienet aktar bħal ċerimonja. Kienet xi ħaġa kwieta, bejn il-qattiel u l-vittma. Imma silenzju stramb ħafna. Bħal qisu ġejja mit-tarf tad-dinja jew xi ħaġa hekk.’

Għalaqt għajnejja. Ħsibijieti ma setgħu jwasslu imkien. Oġġetti u ġrajjiet ġo rasi bdew jitfarrku, jtiru bħal xfafar ġod-dlam. Ma stajtx nemmen x’bdiet tgħid Yuki; ma stajtx ma nemminx x’bdiet tgħid Yuki. Ħallejt kliemha jinżlu ġewwa. Ma kienux fatti. Kienu possibilità. Xejn iżjed, xejn anqas, imma l-forza tal-possibilita kienet qiegħda tkissirni.

Kull assimiljanza ta’ ordni li sirt naf f’dawn l-aħħar ftit xhur ġiet immfarka. Xerred u ferrà, inċertezza, imma kienu f’ordni, u bdew iżommu. Mhux aktar.

Il-possibilità teżisti. U f’dak il-mument li ammettejt dik, xi ħaġa waslet fi tmiemha. Tenaċi daqs qatt qabel, imma deċisiva, għaddiet. Imma x’hiex? Ma stajtx naħseb aktar. Le, mhux issa. Sa dan it-tant, sibt ruħi waħdi għal darb’oħra. Ma’ tifla ta’ tlettax –il sena, fuq bajja bix-xita, disperatament waħdi.

Yuki għafsitli idi.

Kemm damet tagħfasha ma nafx. Id daqshekk żgħira u sħuna kważi lanqas inħasset reali. Il-ħass tagħha kienet qisha aktar ripetizzjoni ċkejkna mill-memorja. Sħuna daqs memorja, imma ma twasslek imkien.

‘Ejja mmorru,’ għedtilha. ‘Se nieħdok id-dar.’

Soqtha lura lejn Hakone. Ħadd minna ma tkellem. Meta s-silenzju sar wisq oppressiv, xegħelt l-isterjo. Kien hemm mużika, imma ma smajtx. Kkonċentrajt fuq is-sewqan. Idejn u saqajn, jbidlu l-gearijiet, steering. Il-wipers sejrin il-fuq u l-isfel b’mod monotonu.

Ma ridtx nara lil Amè, u għalhekk ħallejt lil Yuki fit-taraġ isfel.

‘Aw,’ qaltli Yuki, tħares mit-tieqa tas-sit tal-passiġiera, idejha marbutin u jtertru, ‘m’hemmx għalfejn tibla’ kull ma għedtlek. Jiena kemm rajtha, dak kollox. Bħal m’għedt, ma nafx jekk ġratx realment. Jekk jogħġbok tobogħdnix. Inkella mmut.’

‘Jien ma nobogħdokx,’ għedtilha waqt li tbissimt. ‘U jien mhu se nibla’ xejn, sakemm mhuxbe il-verita. Xi darba trid toħroġ. Iċ-ċpar irid jiċċara. S’hemmhekk naf. Jekk li qiegħda tgħid jkun veru, ikun ifisser li bdejt nieħu idea vaga tal-verita minnek. Tinkwetax. Din xi ħaġa li rrid insib jien stess.’

‘Sejjer tarah?’
‘Dażgur. Insaqsieh jekk hux veru. M’hemmx triq oħra.’

Yuki għolliet spallejha. ‘Int mhux irrabjat għalija?’
‘Le, m’iniex irrabjat għalik, dażgur li le,’ għedtilha. ‘Għaliex għandi nkun irrabjat għalik? Inti m’għamilt xejn ħażin.’

‘Int kont veru persuna twajba,’ qaltli. ‘Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd bħalek’.

‘Għaliex il-passat?’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘U jien qatt ma ltqajt ma’ tifla bħalek.’

‘Saħħa,’ qaltli Yuki. U wara tatni ħarsa twila. Dehret bla paċenzja. Qisha riedet iżżid x ħaġa jew taqbadli idi jew tbusni fuq wiċċi.

Imaġni nervużi ta’ possibilità baqgħu jduru ġo rasi t-triq kollha lejn id-dar. Ġiegħelt lili nnifsi niffoka fuq il-mużika bla sens u dawwart l-attenzjoni fuq it-triq ta’ quddiemi. Ix-xita waqfet hekk kif ħriġt mit-Tokyo-Nagoya Expressway, imma ma kelliex enerġija biex nitfi l-wipers sakemm sibt post fejn nipparkja f’Shibuya. Rasi kienet f’diżordni totali. Kelli nagħmel xi ħaġa. U għalhekk bqajt hemm fis-Subaru pparkjata, idi nkullata mar-rota.

* * * * *

Silta minn 'Dance Dance Dance' ta' Haruki Murakami.

Monday, February 18, 2008

Nuċċali

Wasal l-ajruport kmieni bħas-soltu. Meta jkun se jtir seba’ mitt sena biex jkun hemm. Kemm biex jitlaq jew biex jirritorna lejn il-bejta. Hekk. Ankè jekk il-bejta temporanja u mhux fis-siġra oriġinali. Ritwal simettriku f’ċirkustanzi opposti.

Kien hemm qabel seta’ jagħmel iċ-check-in. Il-lavrant ħaseb qabel l-imgħallem. Poġġa fuq wieħed mill-ħafna siġġijiet vojta. Imma ma damx. Kellu qisu żewġ friefet fl-istonku. Ma ħallewhx bi kwietu. U issa qisu mill-istonku nfirxu ma’ ġismu kollu. Iż-żewġ friefet kienu x’aktarx koppja u pproduċew, ħarġu mill-fosdqa u fl-istonku biss ma kienx hemm spazju biżżejjed.

U dar żewġ ħwienet. Nofs kedda. Aktar iħares milli jara. U wara daħal f’ħanut tan-nuċċalijiet. ‘Sunglass Hut’. U donnu n-nuċċalijiet fakkruh f’għajnejh u s-sens tal-vista. Dar vetrina wara vetrina bil-mod. Mill-Prada mar għar-Ray-Ban. U wara għall-Oakley. Tal-ħanut baqgħet fuq it-telefon titkellem, b’lingwa ta’ kliem li għalih setgħu jkunu tgedwid. U minn banda ħa pjaċir bin-nuqqas ta’ attenzjoni. Ħallietu bi kwietu jifli bil-mod, joqtol il-ħafna ħin f’idejh mingħajr ma jinduna.

U f’salt wieħed qatgħet it-telefon u mxiet lejh. Mejlet rasha lejh u ġebbdet xufftejha.

- Jekk trid aqbad u iftaħ il-vetrina u pprova.

Staqsieha ftit parir u għażlu tnejn flimkien. Kannella u iswed. U beda jipprova quddiemha. Mhux bħal meta jixtri qalziet, jeans jew flokk għall-argument. U waqt li beda jipprova staqsietu fejn sejra u li hi mill-Malasja. Qiegħda tistudja bħalissa. U qalilha li sieħbu għadu kif mar hemm. U flok qaltlu liema parti kien, niżżlet kemmxejn rasha, lagħbet ftit b’xagħarha u tbissmitlu.

U wara reġgħu għas-suġġett oriġinali. Libes il-kannella. Ħares lejha u wara lejn il-mera. Irripeta r-ritwal fi ftit aktar sekondi fit-tul bl-iswed. U għażel li qaltlu hi. U għaddietulu bla dazju.

- Tgħid lil ħadd imma.

Ehmiżha u ħmar.

U waqt li bdiet tgħaddilu l-kard, tkompliet il-konversazzjoni. In-nuċċali tpoġġa fil-ġenb u t-transazzjoni tħalliet tgħaddi waħedha. U waqt li t-tnejn bla nuċċali mdawrin bin-nuċċalijiet ħarsu f’għajnejn xulxin. Bħal żewġ qnienpen bla lsien jħabbtu żaqq ma’ żaqq biex jagħmlu ħoss.

Iċ-check-in fetaħ u fl-aħħar kellu tifkira tal-belt li żar.

Monday, February 11, 2008

Manly Beach

Tlett’ijiem fil-qalba ta’ Sydney, fejn il-bini twil u hemm geġwiġija ta’ nies kif tistenna minn belt ta’ din id-daqs. Ġnus differenti, jaħbtu ma’ xulxin mingħajr wisq każ. Bħal f’Pariġil-bumper qiegħed hemm biex jaqla’ d-daqqiet u jekk jingiref meta qiegħed tipparkja bħal meta nqasmitlek il-ponta tal-lapes. Tistennieha.

It-temp bejn Il-Ġimgħa u s-Sibt griż u jraxxax u jxarrbek minn ħin għal ieħor. Il-‘Harbour Bridge’ jiddomina fuq il-port, trijonf ta’ inġinerija u faċċata tiegħu s-‘Sydney Opera House’, aktar artistika, tikkuntrasta u tgħaqqad fl-istess ħin l-arti mal-matematika. Il-ħobża taqta’ l-ġuħ, u t-tadama u ż-żejt l-aptit.

U llum terraqt mit-toroq prinċipali, ismijiet normalment ta’ bliet jew irħula oħra Ingliżi. Ħanut fejn ħanut tad-ditti l-kbar, multi-nazzjonali, u kultant wkoll xi bejjiegħ tal-‘Big Issue’.
Illum irrid naqbad vapur ħa noħroġ ftit mill-belt.

Fuq il-port hemm tlett Aboriġini, jonfħu jew aħjar jdoqqu d-diggeridoo u jfakkruni ftit fit-Tribali. Il-vapur simili għal ta’ Captain Morgan, b’kuluri aħdar u isfar minflok abjad u aħmar. Il-passiġġieri din id-darba turisti, bil-kamera diġitali mdendla m’għonqhom tikxifhom.

Il-vapur qabad ir-rotta u l-belt bil-pont b’kollox jitbiegħdu bl-istess veloċità. U issa qegħdin f’nofs ta’ baħar u l-arja tinħass aħjar u niftakar kemm inħoss il-mankanza tal-baħar, li l-ebda xmara jew port ma jistgħu jagħmlu tajjeb għalih. Fuq kull naħa, siġar f’xulxin u ovvjament ħdura. Hawnhekk, is-siġar jissostitwixxu n-nies. Xi dgħajsa ‘l hemm u ‘l hawn titbandal bil-mod mal-mewġ nofs kedda, b’riħ ħafif u mingħajr wisq ftuħ biex jaħkem.

U wasalna. Nofs siegħa wara li tlaqna. Manly Beach. Bajja żgħira bi ftit ramel u warajha siġar tal-palm fuq il-ħaxix maqtugħ qasir jikkompetu mal-istess ramel biex jospitawk. U nagħżel lil tat-tieni.

Għandi ktieb irrid inlestieh.

Tuesday, February 5, 2008

Rufus Wainwright

Smajt bih b’kumbinazzjoni. B’ċikka. Kien hemm il-BBC 6 miftuħ waqt li kont qiegħed indur minn sit għal ieħor mingħajr wisq ħsieb, bħal meta taqleb minn fuq stazzjon għall-ieħor fuq it-televiżjoni, mingħajr m’inti tipprova ssib xejn partikolari. Bħalissa nagħmilha hawnhekk kultant minn triq għal oħra f’Melbourne. Idejja fil-but, papoċċ jew flip-flop jkarkar mal-art u meta jolqotni xi ħaġa jew għax jiftilli nieqaf ftit. Dakinhar Steve Lamacq tefa’ ‘Going to a town’ ta’ Rufus Wainwright. L-istat aljenat ta’ moħħi qaleb għal attentiv. Laqtitni mill-ewwel u wara li spiċċa, fittixtha fuq il-You Tube, sibtha hawn u erġajt daqqejtha. Skoprejt xi ħaġa meta lanqas biss kont qiegħed infittex.

Rufus Wainwright, kantant/kompożitur Kanadiż-Amerikan li sa issa għandu ħames albums sħaħ f’ismu. Qabeż it-tletin, ma tistax issejjaħlu popolari bħal fejn jaf jien James Blunt, imma għandu s-segwaċi tiegħu, u meqjus ħafna f’ċertu oqsma tal-mużika. Forsi jispikka aktar mal-puristi jew hawn min jgħidilhom l-isnobbisti mużikali. Jien naħseb li ma naqa taħt l-ebda kategorija minnhom it-tnejn. Leħnu partikolari, jispikka l-aktar meta qiegħed jferra’ l-imrar minn ġo qalbu minflok minn buqar. Jfakkarni xi ftit f’Leonard Cohen u fil-fatt jħobb jdoqq xi cover-version tiegħu, bħal ‘Halleluljah’. U jħobb anke il-mużika klassika kontemporanja, fejn hawn min jarah bħala l-eredi naturali ta’ Verdi.

Kont qieħed inqalleb wieħed mill-fuljetti li ssib kemm trid hawnhekk ta’ x’hawn u x’mhawnx f’Melbourne kummisjunat mill-Kunsill ta’ Victoria u kien hemm paġna dedikata għalih. Se jagħti kunċert fl-1 ta’ Frar. Ħadt pjaċir, fittixt fuq l-internet biex nara kif nixtri biljett, imma kien diġa mibjugħ. Iddiżappuntajt ruħi. Rajt siġra li xtaqt nixxabbat magħha imma kienet diġa mimlija nies u kju ieħor madwarha. Għaddew erbat ijiem oħra u erġajt fettilli niċċekkja s-siġra. Ħawwlu oħra ħdejha u stajt nixxabbat magħha din id-darba. Fuq talba tal-pubbliku u minħabba d-domanda kunċert ieħor l-għada ġie programmat. U din id-darba qbadt u xtrajt il-biljett.

Mxejt lejn il-kumpless ‘Arts Centre’ u sibt bil-mod is-sala ta’ fejn se jsir il-kunċert. Sibt posti, ma tantx kont il-bogħod mill-palk. Kont fil-filliera ‘T’, u għalhekk kienet l-għoxrin waħda. Kien hemm solista Awstraljana qabel u għat-tmienja daħal għall-applaws ġeneruż, ir-raġuni ta’ għalfejn kien hemm sala ppakkjata. Fakkarni ftit f’Elton John, mhux tant il-mużika imma l-libsa tiegħu. Xi ftit eċċentrika, qalziet u ġlekk mill-istess drapp, bi strixxi vertikali bojod u koħol. Wara kollox, tal-aħħar kien għenu jidħol ġo rehab minħabba problemi ta’ drogi, u t-tnejn jiddikjaraw pubblikament l-ommoseswallita’ tagħhom.

Fl-isfond, bandiera Amerikana. Differenti mis-soltu. Flokki strixxi blu u bojod, strixxi suwed u bojod. U flokk stilel normali, brouches tad-djamant. Huwa sejjħilha allegorija. L-istrixxi suwed u bojod jirrapreżentaw in-negattiv tal-Amerika, filwaqt id-djamanti il-pożittiv. Ut-tieni numru tiegħu kien dak li kont lest li nistenna sal-aħħar. ‘Going to a town’. Is-serata kienet diġa kompluta u s-sagħtejn ta’ mużika li segwew dan il-kapulavur kienu bonus. Kontra Freddie Portelli, il-kbir mhux għadu ġej imma beda bih. Għalija għallinqas.

U s-sagħtejn ta’ wara ma ddiżżapuntaw lanqas. Altru. Applaws bejn numru u ieħor b’idejja ‘l fuq u finalment bil-wieqfa għall-aħħar tislima.

U l-bieraħ, waqt li kont qiegħed f’ħanut tal-mużika, minn dawk speċjalizzati aktar milli tal-franchise, u li tidħol għalih b’taraġ dejjaq kelli bil-fors nixtri l-aħħar CD tiegħu, kunċert live ta’ Judy Garland. Tal-ħanut staqsieni jekk mortx. Għedtlu iva. Qalli li kulħadd qal li kien ‘fantasiku’.

Għedtlu 'brillanti' jien, kelma li hawnhekk għal xi raġuni ma tantx tinstemà.

Monday, January 28, 2008

L-emigrant

L-emigrant jew immigrant, jitlaq daru, pajjiżu, forsi l-familja wkoll u jfittex post ieħor. Jbiddel il-bejta tiegħu. U ħafna drabi mhux lejn l-eqreb siġra li tmiss mal-għalqa li qiegħed fiha bħalissa imma f’kontinent ieħor, f’tarf ieħor tad-dinja, fejn jisbaħ u jidlam mal-għaxar siegħat qabel pajjiżu, u l-għasafar jgħannu għanja differenti minn tiegħu.

F’pajjiżna bħalissa qegħdin narawha sseħħ quddiem għajnejna. U magħha ġġorr il-kontroversji, idejoloġiji u diskussjonijiet li sa ftit ilu kienu ‘l bogħod minna daqs l-Awstralja fuq mappa jew globu. Flok Maltin jfittxu post aħjar minn din il-blata, barranin jfittxu post aħjar f’din il-blata. Il-ktieb inqaleb ta’ taħt fuq. Min jibża’ li bil-ktieb ta’ taħt fuq mhux se nkomplu naqraw kif konna qabel u se nitħawdu, u min jaħseb li b’hekk se nsibu stejjer ġodda bil-ktieb f’poża differenti. U forsi fuq kollox hija l-lenti differenti li qegħdin nużaw għax il-ktieb qatt ma nqaleb. Żdiedulu ftit paġni biss, żdiedulu l-istejjer, u li xorta għadu bla konklużjoni.

L-Awstralja, d-dar temporanja tiegħi għal ftit xhur bħala btala. Pajjiż mibni mill-emigrant. Xi ġimgħa ilu, mort sal-mużew tal-immigranti. Naturali li jkollhom mużew tal-immigrant daqskemm hu naturali li aħna jkollna belt mibnija mill-Kavallieri. Mużew li qiegħed f’bini li twaqqaf fid-dsatax –il seklu u għalhekk wieħed mill-antiki netti taħthom. Wara li tlajt il-ftit taraġ għall-bieb prinċipali, il-bieb infetaħ waħdu b’mod awtomatiku. Anomalija għedt f’qalbi. Għandhom xi ħaġa antika, li hawn ma tantx issib u mmodernizzawha. Biss wara li ħriġt irrealizzajt li l-anomalija f’post bħal dan tagħmel sens. U l-fenomenu tal-emigrant wieħed minnhom.

Għaliex xi ħadd jitlaq pajjiżu? Hawn min għalih tkun triq li għażel flok oħra u min l-unika triq li tista’ twasslu x’imkien. Min għalih tkun tfittxija ta’ libertà, fejn jista’ jigi addottat f’pajjiż. U l-pajjiż ġdid jħallih jagħmel dak li f’pajjiżu ma setax jagħmel - jitgħallem, jipprotesta, jadura lil min jrid u ankè jivvota. Għal ħaddieħor irid sempliċiment refuġju għax daru m’għadiex daru. Ħadulu l-imħabba lejha. Il-ġlied bejn l-erba’ ħitan li kien jsejjaħ daru issa ma jiflaħhomx iżjed. Qiegħed iħoss is-saqaf se jaqa’ fuq rasu minn ħin għall-ieħor. U l-imbiegħed l-unika alternattiva għax it-travu tas-saqaf kbir u jwassal ħafna.

U minn hemm jieħu d-deċiżjoni li jitlaq lejn ajruport jew xatt biex jaqbad ajruplan jew vapur. Min imur waħdu, min iġorr familja miegħu. U mad-deċiżjoni li se jaqbad ajruplan jew vapur jieħu d-deċiżjoni li se jissagrifika l-ambjent li trabba’ fih. Min jara orrizzonti ġodda u min baħħ. Min b’ħafna tamiet u min b’ħafna dubji. Min b’tama li se jsib affarijiet li f’pajjiżu qatt ma seta jsib u min b’biża’ li dak li kien veru tiegħu se jitilfu darba għal dejjem.

U l-kunflitt jkompli. Min jsib dak li ttama’ għalih u aktar, bil-pajjiż adottat jsir pajjiżu aktar milli qatt kien dak il-pajjiż li kumbinazzjoni twieled fih. Min li minkejja għandu titlu tad-dar li fiha joqgħod iħossu xorta waħda stranġier fiha. Il-bejta akbar u forsi isbaħ imma s-siġra mhux daqshekk kennija.

U min jamalgama t-tnejn. Jirrispetta l-ġenituri putattivi tiegħu, imma jibqa’ jżomm ir-ritratt ta’ ommu u missieru fil-kartiera.
Min juża l-lingwa tal-pajjiż il-ġdid biex juri kemm integrà u min juża l-lingwa oriġinali ta’ pajjiżu biex juri kemm hu differenti.

Saturday, January 19, 2008

Qiegħed hawn

It-tren waslet ‘Oak Park’ u jien inżilt għal fuq il-platform u wara għal għonq it-triq. L-ewwel biċċa ma kienx fiha fiex titfixkel. Triq dritta għal kważi nofs mil u mal-ewwel kantuniera nikser għal fuq ix-xellug fejn naqbad ftit ta’ telgħa.

Imxejt matul it-telgħa u saqajja bdew ihossu l-istrapazz ta’ ġurnata sħiħa barra. U f’saqajja kont armat biss b’flip-flopp li komdu ħafna għas-sajf imma ma tantx jgħin biex itterraq bih. Jien u nimxi beda jfaqqa mal-għarqub. Min jmeċlaq biex jiekol u min jfaqqa biex jimxi. Bdejt nisma’ qisu ħoss li għall-bidu ħsibtu xi ħadd miexi warajja. Waqaft u ħarist lura u ndunajt li kien l-eku tiegħi stess.

L-arloġġ issa qabeż l-għaxra ta’ bil-lejl sewwa. Dalam, m’hemm l-ebda stilla fis-sema, l-uniku dawl ġej mit-twieqi tad-djar u m’hemm l-ebda taxi li nista’ nwaqqaf ħa nasal malajr u ninġabar.

Id-darbtejn ta’ qabel li mxejt din it-triq kien mal-ġurnata għad-dawl tax-xemx. Fid-dlam differenti, bħal kif ħarsa kerha tbiddel għal kollox il-profil ta’ wiċċ. U bħalissa d-dlam tinfdu b’sikkina. Imma kull m’għandi huwa forsi ponn magħqud. Xi kultant tisma’ xi nebħa ta’ kelb li donnu xamm li stranġier miexi qrib it-territorju tiegħu.

Bqajt miexi u rajt dawl ħiereġ minn launderette. L-ewwel parti mela lesta u qiegħed fir-rotta t-tajba. Imxejt ftit aktar u ksirt fuq ix-xellug, kultant fuq i-tarmak, kultant nitla’ fuq it-turf tal-bankina li imma bħalissa fiha ħafna tankijiet taż-żibel lesti biex jinġabru.

Qsamt it-triq u ksirt fuq il-lemin, mal-ewwel triq li sibt. Triq imma li għalqet ftit wara, u għalhekk nista’ nsejħilha sqaq. Dort lura mingħajr għażla jew triq oħra. Imxejt ftit aktar il-quddiem u sibt isem ta’ triq familjari u qbadt lilha.

Imxejt ma’ din it-triq u rajt tabella li tinfurmak li din id-dar inbeigħet u li mmemorizzajt qabel. Imxejt ftit aktar u issa kelli niddeċiedi bejn lemin u xellug. Pruvajt niftakar liema waħda ħadt fil-għodu u mort għax-xellug. Imxejt matulha u sibt ruħi f’salib it-toroq oħra, u isem ta’ triq li familjari daqs il-koala f’Malta. U bħalissa la qiegħed Malta u m’hawn l-ebda koala lanqas.

Il-filp-flopp selaħli subgħajja, l-ponn intreħa aktar u d-dubji qegħdin jiżdiedu mas-swidija tal-lejl. Il-flip-flopp inżajtu u ħassejt il-lunga tat-tarmak taħt saqajja. Hemm kelb qiegħed jinbaħ imma ma nistax narah. Nispera li mhux jarani lanqas.

Erġajt lura lejn it-triq, għallinqas sa hemm naf. Ħadt it-triq l-oħra u qisu l-ambjent beda jsir aktar familjari. Jew jien qiegħed nħosshom aktar familjari. Għax irrid nemmen hekk.

Imma n-numru tal-bieb ma jistax jitmerà. Wasalt. Nidħol ġewwa, nieħu nifs il-barra u nidħak waħdi bit-triq ħażina li ħadt. Ftit sulluzzu li għal ftit qatali n-nifs ma ħassarx ġurnata tajba.

* * * * *


Naħseb qiegħed immur ħames snin lura meta fettilli nixtri paletta u mort għal erba’ lezzjonijiet tat-tennis. Ma lħaqtx xi livell imma bdejt nifhem ir-regoli u bdejt napprezza l-logħba.

U t-Tlieta li għaddew mort l-Australian Open, Grand Slam pjuttost mistenni u ta’ ċertu kredibillita mal-fraternità tennistika jew sempliċiment sportiva. Kont naf bih qabel tlaqt u mill-ewwel għedt li ridt immur. Qatt ma mort logħba professjonali f’ħajti u issa sejjer il-Grand Slam. Mil-Lachryma Vitis qlibt għall-Gavi.

Meta nkun sejjer xi ħaġa hekk bħal nimmolla. Xi ftit ta’ adrenalina tidħol fiha u nipprova nantiċipa x’se nara. Qomt kmieni u għaġġilt lejn l-istazzjon ħa nasal malajr. Wasalt fiċ-ċentru u kjuwjajt għall-biljetti. Qabżu s-siegħa nistenna, u qattajtha naqra l-gazzetta għax-xemx. X’ħin kważi missni, waqgħatilhom is-sistema. Għallinqas mhux Malta biss jiġru dawn l-affarijiet, ikkunslajt. Stennejt nofs siegħa oħra u qtajt il-biljett. AUD40 (EUR24.58) li għal ġurnata sħiħa ta’ tennis ma stajtx ingerger. Għal logħba li hija meqjusa kultant burgiża, l-prezz ma tantx jeskludi nies.

Mat-triq u fil-kumpless, l-atmosfera rilassanti u ta’ festa. Id-deiversità etnika u kulturali tispikka. L-Isvediżi bil-kulur isfar jgħajjat u b’Ibrahimovic ma’ daharhom. Iċ-Ċileni, b’antenati li sabu posthom fl-Awstralja biex jaħarbu mill-ħakma ta’ Pinochet bil-flokkijiet ħomor u Salas ma’ daharhom. Id-dittatur ma neħħielhomx il-kburija ta’ pajjiżhom. U l-Griegi bi flokkijiet blu u b’xi isem ma’ daharhom li ma rnexxielix naqra. Ħafna popli mħallta ma’ xulxin bil-qiegħda fuq il-ħaxix bil-birra jew tazza inbid f’idejhom.

Dħalt fl-arena u sibt is-sit. Iċ-Ċiprijott Baghdatis kontra l-Isvediż Johannson. Fuq court blu, ballun aħdar jfaqqa’ bis-saħħa l-ewwel mal-paletta umbgħad mal-art. Ħoss li ma nafx għaliex jaffaxxinani, qisu beat ta’ katuba, sekonda wara sekonda. Fl-isfond skiet perfett biex il-beat jispikka aktar u li jinkiser b’applaws meta jintrebaħ punt. Ftit għajjat ta’ nkorraġiment bejn punt u ieħor u meta jieħu fit-tul aktar mis-soltu l-umpire mis-siġġu għoli jsikket bħall-għalliem lill-istudenti li għadhom ma ndunawx li daħal.

Dħalt fl-atmosferà, u rajt logħba wara oħra, interrottà bi ftit ikel u inbid, li f’ħin minnhom ma ħalliniex insegwi l-ballun min-naħa għal oħra bi klarità.

Imma ma jimpurtax, il-ġurnata u l-ewwel parti tal-lej taru u nerġa’ niġi.

Thursday, January 10, 2008

Tlaqt u wasalt

L-ajruplan ħa rankatura, tella r-roti u telaq. U l-maratona bdiet. Maratona mhux ta’ sitta u għoxrin mil imma ta’ ħamsa u għoxrin siegħa, fejn tkejjel fejn wasalt u kemm baqgħalek mhux b’kemm il-kantuniera dort u kemm toroq terrat imma b’kemm il-siegħa għaddiet minn mindu tlaqt. L-arloġġ jtektek sekonda wara sekonda mingħajr għaġla ta’ xejn u sħaba wara sħaba tgħaddi minn ħdejk. U wara li ssib ftit saqajk, skrin żgħir quddiemek jagħmillek kumpanija, tehda ftit fuqu, toqtol ftit ħin u tasal ftit siegħat aktar qrib id-destinazzjoni.

Dubai wasalt wara seba’ siegħat, u dawwart l-arloġġ bi tlett siegħat. Tajt titwila ħafifa f’żewġ ħwienet u tlaqt lejn il-gate tal-ajruplan li jmiss. Pruvajt insib ftit konessjoni fuq il-Wi-Fi u wara li qata’ xi darbtejn u kelli nibda mill-bidu qdadt il-kummentarju tal-logħba. U minn wieħed b’xejn minn fuq ġew wieħed b’wieħed. U għamilt il-buli. Bgħatt xi żewġ messaġġi d-dar u kif kont mitluf kważi nsejt il-ġakketta warajja. Il-bogħod mid-dar, f’nofs l-itwal vjaġġ possibli u l-ballun xorta ħalla l-effetti.

Qbadt it-tieni ajruplan, u l-istess bħal qabel, mhux ġirja kontra l-ħin imma ġlieda biex iddawwar il-ħin. L-għejja daħlet sewwa, imma ma nistax nagħlaq għajn m’għajn. Il-ktieb baqa’ magħluq quddiemi. Il-ħin din id-darba f’idi u ma nistax nużah. Kont fid-dlam, xtaqt nara, xegħluli bozza qawwija, għamxitni u ma rajt xejn. Il-monotonija tinqata ftit bi ftit ikel li jpoġġu quddiemek bi tbissima mġebbda.

Nasal Singapore u ndawwar l-arloġġ ftit siegħat oħra ‘l quddiem, u issa jonqos biss l-aħħar tappa. Imma l-itwal waħda fosthom kollha. Konsolazzjoni bi skonsolazzjoni. Bil-mod il-mod l-arloġġ jibqa’ jdur b’mod konsistenti, fidil lejn ir-ritmu tas-sekondiera u dak li deher mhux se jispiċċa qatt, fil-fatt jgħaddi u mill-ajru, nieħdu rankatura għal isfel u mmissu t-tarmak u l-art Awstraljani waqt li nimli formola għal tad-dwana li niddikjara li ma ġibt ebda ikel minn imkien.


* * * * *


The Australian’ hi l-gazzetta li donni addottajt għaż-żmien hawnhekk. Gazzetta minn dawk il-kbar li trid titwi min-nofs għax ma toqgħodx f’idejk, jew inkella jekk tkun qiegħed taqra fuq sufan tħakkiklek mal-art. Qisni jien biss naqraha, m’għandix għalfjen ngħaġġel biex nilħaqha, l-bqija tan-nies kollha bil-‘Herald Sun’, li għandha daqs normali u tixbah it-tabloids Ingliżi, b’titli bombastiċi li ma jħallux lok fejn jinkiteb l-artiklu.

L-istorja prinċipali meta wasalt u li tidher li qanqlet il-poplu mhux ħażin hija ż-żieda fir-rati tal-imgħax. Fejn fl-Ewropa għandna rata bażika ta’ 4%, hawnhekk l-istess rata hija ta’ 8%. Ekonomija daqshekk b’saħħitha, li m’għandiex bżonn tniżżel ir-rati tal-imgħax biex tagħti spinta? Xi kummentarji jattakkaw il-banek kummerċjali li ma’ din ir-rata jżidu ftit aktar huma, ħa jżidu aktar il-profitti waqt li jagħsru aktar lil min għandu xi self.

It-tieni storja dominanti hija l-prezz tal-petrol. Waqt li kont fuq l-ajruplan, tgħallimt li barmil żejt issa laħaq il-prezz rekord ta’ USD100 u li b’hekk inkisret il-barriera psikoloġika li jintlaħaq dan il-prezz li min jaf fejn irid iwassal. Litru petrol hawnhekk sar AUD1.50 (EUR2.44) li huwa rekord għalihom, seraq ħafna titli fl-ewwel paġni tal-gazzetti u sar bidu tipiku ta’ ħafna konversazzjonijiet.

Umbgħad logħba cricket li spiċċat il-Ħadd li għadda qiegħda tieħu proporzjonijiet diplomatiċi bejn l-Awstralja u l-Indja. Logħba li l-Awstraljani rebħu, imma allegatament skond l-Indjani kienu mgħejjuna minn deċizjonijiet dubjużi meħuda mill-umpire. U min-naħa l-oħra l-Awstraljani jakkużaw lil wieħed mill-Indjani li għajjar wieħed minnhom xadina. Min-naħa Ewropeja, Sarkozy u Bruni jidhru li qegħdin jaffaxxinaw lill-poplu ta’ dan il-kontinent!

Mixja qasira fit-toroq ta’ Melbourne, hija parata ta’ kulturi b’fattizzi u wċuh differenti li donnhom jikxfu l-antennati tagħħom. Xi wċuh jġegħluk taħseb li bqajt Malta u kważi jkollok it-tentazzjoni li ssaqsihom jekk huwiex veru. Belt u pajjiż komposta mill-emigrant, li ħalla daru, qasam id-dinja, ttanta u sab xortih hawn. Fl-istess belt, u l-aċċent jinbidel il-ħin kollu u jikxef l-egħruq etnika tiegħu.

Ltqajt ma’ ftit Taljani, jitkellmu b’Ingliż tajjeb, ħafna minnhom mwieldin hawn imma meta jargumentaw jew iridu jiddramatizzaw jitfgħu dawk l-erba’ kelmiet Taljani. Wara ikla tajba magħhom u ħafna nbid, jitfgħu d-diski tagħhom u mhux lil Kylie Minogue, bejn forsi biex ikunu ftit differenti mill-bqija u bejn bħala lament lejn l-art li missirijiethom ħallew.

Mill-kenn tal-Mediterran, ħarist u osservajt l-enormità tal-oċejan, fejn il-mewġ ħafna ogħla u akbar imma xorta huwa mortali u jinbidel f’ragħwa bajda meta jaħbat mal-blat. Il-gawwi jitlajja ma’ kullimkien u ċ-ċawl ankè ssibu mad-djar.

It-temp jaqleb u jinbidel daqs burdata ta’ adoloxxenti bil-ponot f’wiċċha li għadha tiskopri u ma tafx xi trid. Jilħaq l-erbgħin grad u kważi tbati biex tieħu nifs, u l-għada flok fl-istaġun li jmiss jinżel sa ħamsa u għoxrin grad u tixtieq li ġarrejt ġakketta miegħek.
U baqa' ħafna xi jsir u jinbidel.

Tuesday, January 1, 2008

Sejjer bil-mod

Minn din il-bloggata għaddew l-erbgħa u tletin ġurnata, u baqa’ lejl wieħed biss u ftit siegħat oħra. U l-lejl ma nafx kif se jgħaddi, hemm ħafna friefet jduru fl-istonku, qisu llum mhux ix-Xitwa imma r-Rebbiegħa u hemm ħafna fjuri għadhom jiftħu u l-friefet qegħdin jieħdu paċir jduru fuqhom waħda wara l-oħra.

L-arloġġ tal-Ewro nimmaġina li issa tneħħa wkoll, jekk le għallinqas in-numri issa spiċċaw minn fuqu. Imma fil-kartiera, l-karti tal-Ewro għadhom ma sabux posthom u minflok hemm xi ftit karti qishom tal-plastik ħodor fl-isfar b’wiċċ bil-mustaċċi b’ħarsa kemmxejn żorra. Karti li għaż-żmien li ġej irrid nidra u li se jsiru d-denominatorju tal-prezz materjalistiku li rrid niltaqa’ miegħu.

Il-bagalja saret wkoll, ġiet miżuna u qiegħda fil-limiti. Il-ħwejjeġ sajfin ma tantx tellgħu l-piż, ismi u l-indirizz ta’ fejn sejjer imdendel f’nosha bħal meta konna għadna fil-primarja. Jonqos issa xi żewġ bċejjeċ żgħar tal-aħħar minuta u kollox jingħalaq b’katnazz żgħir. Teknoloġija antika li sserraħlek ftit moħħok li ħwejjġek mhux se tinsterqilhom il-privatezza tagħhom, hekk kif se jduru minn kontinent għall-ieħor. L-affarijiet aktar ta’ preġju jinżammu f’idejk, l-ittri tibgħathom bil-posta waqt li d-dokumenti ta’ valur tibgħathom bil-messaġġier personali.

U l-ħolma qiegħda toqrob aktar. In-nagħas għadu ‘l-bogħod imma l-ħolma kważi quddiemi, għax il-ħolma nibtet mill-immaġinazzjoni u mhux mill-irqad. U mal-ħolm hemm il-prezz tar-responsabilità. Niftakar ma’ din il-frażi ltqajt l-ewwel darba magħha fil-ktieb eċċellenti, ‘Kafka on the Shore’ tal-Ġappuniż Haruki Murakami, frażi li iżda ġejja minn Yeats.

Immaġinazzjoni ta’ rutina mkissra, ta’ arloġġ li nikkmandah jien u mhux viċi-versa, skopertà ta’ x’toffri din il-gżira tant imbiegħda minn gżiritna, u eventwalment jiena min jien fil-fond fl-isfond ta’ dan kollu. U l-prezz ta’ dan sa issa jidher li hu l-kenn offrut minn din il-blata, il-familja li se nitbiegħed minnha u l-waqfa fuq is-sellum tal-karriera meta l-karrottu se jibqa’ jogħla biex jintlaħaq bija jew mingħajri. U l-mankanza tal-ħbieb ta’ ġewwa, li xi ftit minnhom ċċelebrajt l-għeluq tal-2007 magħhom il-bieraħ, meta moħħi kien diġa mbiegħed.

U jibdel din l-immaġinazjoni ta’ x’joffri dan il-kontinent f’realta’ hemm ajruplan li rrid naqbad għada u se jżommni fl-ajru mingħajr ma mmiss b’idi erbgħa u għoxrin siegħa oħra, prezz ieħor ma’ l-oħrajn li semmejna.