Monday, December 8, 2008

Heysel, 1985


‘We won it three times without killing anyone’

Dan l-aħħar kont mistieden fi programm radjufoniku u mistieden ieħor bħali li huwa membru tal-Manchester United Supporters Club (Malta) irrimarkali l-frażi ta’ fuq. Hija frażi li tismagħha kemm il-darba tiġi kantata f’Old Trafford, meta t-tim oppost ikun kwalunkwe. Ovvjament dawn qegħdin jirreferu għat-traġedja ta’ Heysel li ġrat fid-29 ta’ Mejju, 1985, fejn fil-finali tat-Tazza taċ-Champions bejn Liverpool u Juventus, disgħa u tletin persuna tilfu ħajjithom. Illum il-ġurnata grazzi għall-pluraliżmu fix-xandir, isiru programmi fuq programmi. Il-kwantita żdiedet infinitament, sfortunatament iżda jiena personali għandi dubju serji kemm il-kwalita żdiedet bl-istess mod. Nammetti li llum huwa faċli ħafna aktar biex wieħed isemma’ leħnu, biss naħseb li huwa ż-żmien ukoll biex l-ewwelnett il-preżentaturi jieħdu ħafna aktar responsabbilita, għax huwa tajjeb li student jingħata ċertu għodda f’idejh, biss huwa daqstant importanti li l-għalliem jurieh kif juża din l-għodda u aktar minn hekk jara li ma jweġġax huwa stess jew lil ħaddieħor. Ukoll il-mistieden jew kull min isemma’ leħnu għandu juri wkoll ċertu rispett lejn min qiegħed jisimgħu u japprezza l-fatt li għandu dan id-dritt li jsemma’ leħnu, u għalhekk dan il-privileġġ jużah b’ċertu rispett.

Jiena nifhem ir-rivalitajiet li jeżistu, u ngħixhom ukoll. Rivalita hija li tagħmel ħafna drabi l-isport dak li hu, bħal kif il-kompetizzjoni tmexxi suq. Mar-rivalita iżda jeżisti r-rispett, li huwa importanti fl-isport daqs ir-rivalita u jagħmlu differenti u rispettabli aktar minn oqsma oħra tal-ħajja.

* * * * *

Il-futbol huwa ħafna aktar minn sempliċi logħba. X’jiġri fil-logħba u fl-istadji huwa ħafna drabi mera ta’ x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Id-diżastru ta’ Heysel ġara fl-1985, f’nofs it-tmeninijiet. Meta llum naraw tant investiment fi stadji, fejn li tattendi logħba futbol hija kważi sikura daqs kemm meta tmur it-teatru, huwa faċli li ninsew kif il-futbol kien jitqies f’dawn iż-żminijiet. Għalhekk inħoss li għandi nibda billi mmorru lura fit-tmeninijiet, id-diċenju ta’ Margaret Thatcher, jew aħjar ta' The Iron Lady.

Flimkien mal-futbol inħoss li l-mużika ħafna drabi wkoll tirrifletti x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Il-grupp minn Coventry, The Specials kien laqat il-musmar fuq rasu bid-diska Ghost Town li ħarġet f’Ġunju tal-1981 u laħqet l-ewwel post tal-klassifika Ingliża u damet hemmhekk għal tlett ġimgħat sħaħ.

This town is coming like a ghost town
All the clubs have been closed down
This place is coming like a ghost town
Bands won’t play no more
Too much fighting on the dancefloor


Il-grawnds, it-toroq ta’ ħdejn il-grawnds u d-dancefloor kienu ħafna drabi simili għal xulxin. Jaqblu bħal qalziet, qmis u ġlekk tal-istess libsa. Il-qgħad fl-Ingliterra f’dawn iż-żminijiet kont tista’ tmissu b’idejk, u hekk kif in-numru ta’ dan is-suġġett tela’, invarjabilment il-kriminalita u d-delinkwenza bdew jgħolew.

Il-fenomenu tal-hooliganism kien ħafna drabi fuq l-ewwel faċċati tal-gazzetti Ingliżi. F’kull tournament li l-Ingliżi ħadu sehem fit–tmeninijiet, b’mod partikulari fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Ewropew tal-Italja fl-1980, Ġermanja fl-1988 u Tazza tad-Dinja fi Spanja fl-1982, dan il-fenomenu kien assolutament bla kontroll u rażan u fil-fatt ħafna drabi t-tim nazzjonali ġie mhedded li jitkeċċa.

Liverpool f’dawn iż-żminijiet u anke ta’ ftit qabel kienu jilgħabu fl-Ewropa b’mod konsistenti, u jibqa’ l-fatt li s-support kien ta’ kredtu għall-klubb li kien qiegħed jiddomina, meta ntrebħu erba’ Tazzi taċ-Champions f’seba’ snin. Liverpool bħala belt minn dejjem kienet tħobb tpinġi ruħha differenti mill-bqija tal-Ingilterra. Bl-influss qawwi Irlandiż u kunsill pjuttost xellugi f’dawn iż-żminijiet meta l–Ingliterra kellha gvern Konservattiv, mill-ewwel tifhem dan il-kuntrast. Il-miżuri drastiċi tal-gvern ta’ Thatcher laqtu lil Liverpool agħar mill-bqija tal-Ingilterra. Il-port li kien il-polz ta’ din il-belt beda prattikament jaqa’ fuq saqajh. Il-Merseyboom ta’ żmien The Beatles kien biss memorja passata. Il-futbol iżda żamm lil Liverpool fuq il-mappa meta Liverpool F.C. baqgħu jiddominaw u b’hekk offrew ukoll aljenazzjoni minn dawn iż-żminijiet diffiċli.

Li ġara f’Heysel, kien kompletament kontra n-norma tal-imġieba tal-partitarji ta’ Liverpool. L-ewwelnett, Liverpool permezz tas-CEO ta’ dak iż-żmien Peter Robinson mill-ewwel urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-għażla ta’ Heysel mill-UEFA. Dan il-grawnd kien pjuttost antik u fi stat ta’ telqa, fejn is-sigurta tal-partitarji kienu mħarrsa u ta’ prijorita daqskemm kienu mħarrsa d-drittijiet tas-suwed fl-Afrika ta’ Isfel fi żmien l-apartheid tal-istess żmien. Il-mod ta’ kif tqassmu l-biljetti ukoll ħallew ħafna x’wieħed jomgħod meta ngħata blokk sħiħ għall-partitarji ‘newtrali’, meta fil-Belġju kien hemm komunità imdaqqsa ta’ Taljani. Dan il-blokk kien imiss mal-blokk riservat lill-partitarji ta’ Liverpool. Ħafna partitarji għadhom sal-ġurnata tal-lum bil-biljett mhux mimsus. Ħafna nies daħlu fil-grawnd mingħajr ma ġew mistoqsija biex juru l-biljett, il-passaport biex inti tidħol fil-grawnd minflok f’pajjiż. Jissegregaw lill-partitarji kien hemm barbed wire li aktar kien jixraq lil gallinar b’tiġieġa mgħaxxa ġo fih.
Bil-blokka allokata għal Liverpool qiegħda tfur bin-nies, meta l-blokka tas-suppost partitarji newtrali kienet nofsha biss mimlija, inevitabliment dan il-barbed wire inqata’, u ammont ta’ partitarji qabżu lejn din il-parti. Kien hemm moviment aktar milli mistenni, u jiena l-ewwel wieħed li nammetti li Liverpool kellhom sehem fih sewwa b’riżultat li ħajt partikolari waqa’ li kellu konsegwenzi katastrofiċi.

Il-logħba ntlagħbet xorta waħda. Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. L-iskor minn fulkrum ta’ kollox sar formalità.

Thatcher sabet ix-xoqqa f’moxxtha biex turi snienha u turi l-istmerrija tagħha b’mod pubbliku. Il-klabbs Ingliżi ġew imċaħħda milli jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej għal ħames snin. It-tajn tar b’aktar aggressivita għall-isem ta’ Liverpool. Storja ta’ għoxrin sena li bdiet taħt Bill Shankly li kienet imsemmija biss għas-suċċessi, bnadar ħomor u kant oriġinali ġew mitlufa f’ħakka t’għajn.

Inkjesta uffiċjali qatt ma seħħet. Is-segretarju ġenerali tal-UEFA, Hans Bangerter ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiża u multa ta’ 30,000 Frank Belġjan. Il-President tal-FA Belġjana , Albert Roosens ingħata sentenza ta’ sitt xhur sospiża, filwaqt li John Mahieu, Kaptan tal-Pulizija ta’ Brussels ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiżi u multa ta’ 500 Frank Belġjan, li huma ekwivalenti għal €32.

Huwa fatt li kieku ċertu movimenti u forsi anke insulti ma sarux, ma kienx jiġri li ġara. Huwa fatt ukoll li idejalment jekk tħalli l-bieb ta’ barra miftuħ ħadd m’għandu jidħol, għax il-privatezza hija sagrosanta. Huwa fatt ukoll li idejalment m’għandniex bżonn pulizija u li l-liġijiet qegħdin hemm biss biex jiggwidawna. Huwa daqstant fatt li r-realtà u l-idejaliżmu huma ferm il-bogħod, u s-soċjetà dan taċċettah, tant li tistenna li tkun imħarrsa mill-pulizija.

Il-frażi tal-bidu nett ma tiġiex kantata għax iħossu għal dawk id-disgħa u tletin li tilfu ħajjithom b’mod hekk traġiku. Hija biss ossessjoni fuq rival u ċelebrazzjoni ta’ mwiet. Sfortunatament iżda l-qaħba milli jkollha ttik. Il-logħba tal-ballun għalija hija ħarba mir-realtà, u finali tat-Tazza taċ-Champions għandha dejjem tkun ċelebrazzjoni ta’ futbol u taħlita ta’ żewġ kulturi.

Disgħa u tletin isem li għandhom jibqgħu mfakkra:

Rocco Acerra (29)
Bruno Balli (50)
Alfons Bos (21)
Giancarlo Bruschera (21)
Andrea Casula (11)
Giovanni Casula (44)
Nino Cerrullo (24)
Willu Chielens (17)
Giuseppina Conti (17)
Dirk Daenecky (51)
Dionisio Fabbro (51)
Jacques François (35)
Eugenio Gagliano (35)
Francesco Galli (25)
Giancarlo Gonnelli (20)
Alberto Guarini (21)
Giovacchino Landini (50)
Roberto Lentini (31)
Barbara Lusci (58)
Franco Martelli (46)
Loris Messore (28)
Gianni Mastrolaco (20)
Sergio Bastino Mazzano (38)
Luciano Rocco Papaluca (38)
Luigi Pidone (31)
Bento Pistolato (50)
Patrick Radcliffe (44)
Domenico Ragazzi (44)
Antonio Raganese (29)
Claude Robert (43)
Mario Ronchi (43)
Domenico Russo (28)
Tarcisio Salvi (49)
Gianfranco Sarto (47)
Amedeo Giuseppe Spalaore (55)
Mario Spanu (41)
Tarcisio Venturin (23)
Jean Michel Walla (28)
Claudio Zavaroni (28)

Strieħu fis-sliem.

No comments: