Saqajja m’għadhomx jieħduni waħedhom. Saru jeħlu. Saru jitgħawwġu flok jiġġebdu. Imma x’sejjer nagħmel? Bħal Joe Strummer meta staqsa Should I Stay or Should I Go? Imma fl-isfond m’hemm l-ebda riff ta’ kitarra li ġġagħlek tiċċaqlaq. Hemm biss silenzju perfett għax il-moħħ mhux bħall-istonku, ma jgergirx li jinstema’. U la bdejt nistaqsi, x’aktarx ma mmurx. L-affarijiet inbidlu. Il-mistoqsijiet żdiedu.
Għax hekk. M’hemmx spjegazzjoni. Għatx ta’ ftit xhur qtajtu f’darba u għoddu faqagħni. U bħalissa qiegħed jogħġobni l-kwiet u m’għandix aptit niċċaqlaq minn fejn qiegħed. Imma qisha d-deċiżjoni kienet ġa saret qabel, u bħalissa qiegħed biss niġġustifikaha. Kont ġieli mmur biex niġġustifika ftit lili nnifsi, jew għax nibża’ li se nħoss il-mankanza tagħha mal-ġimgħa. Għax iċ-ċans darba jiġi f’ġimgħa. Jew ngħid li mmur hemm biex nieħu xi ħaġa oħra minflok. Bħal meta tmur il-baħar u flok tgħum, tmur biex tħares lejn l-erba’ siġriet li hemm mal-ġenb, minflok tmur fi ġnien sħiħ għalhekk. Jew bħal meta tixtri mobajl biex iżżomm erba’ indirizzi u numri flok biex iċċempel bih. Imma dak iż-żmien dik l-iskuża kienet tgħodd. U strieħajt biha, u għalhekk kollox għadda b’wiċċ il-ġid. U bħall-mobajl, kien hemm min jarak bih imdendel ma qaddek, u qtajt nofs il-problema avvolja bla kard.
Imma kultant m’hemm xejn ħażin, li tuża oġġett jew okkażżjoni għal skop ieħor. Il-mobajl illum sar jintuża għal kollox kważi barra biex iċċempel. Il-qamħ flok għall-ikel qiegħed jinżera’ biex jinħoloq il-bio-fuel. Imma l-bieraħ il-qamħ baqa’ fl-ixkora u l-mobajl baqa’ mitfi. U la qabadni ġuħ, il-karozza mxiet xorta, u kkomunikajt ma’ min ridt xorta.
Imma forsi ġimgħa oħra tkun mod ieħor. Għadu kmieni. Is-saqajn taf flok jitgħawwġu jitkaxkru ftit.
Monday, April 7, 2008
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
1 comment:
Kemm nixtieq ghadni naf nuza il Malti bhalek. Prosit nibqa nigi ghawnekk, veru tlift il-lingwa imma arti ghadni ingawdija u naqsama ma nies ohra. Il kliem sabih li sibt ghawnekk fakkarni hafna fmumenti tal passat. Passat li niseg fija persuna ohra.
Post a Comment