Saturday, June 28, 2008

Spanja vs Ġermanja

Ġermanja, pajjiż bi storja ta’ sitt titli – maqsumin ugwalment bejn dawk mondjali u bejn Ewropej. Spanja, pajjiż bi storja ta’ titlu wieħed – Ewropew li seħħ erbgħa u erbgħin sena ilu. Id-differenza ma tieqafx hemm iżda. Mhux sempliċiment konfront ta’ bejn min rebaħ ħafna u min rebaħ ftit. Konfront ta’ tifel li dejjem l-ewwel fil-klassi imma forsi n-nerdiżmu tiegħu jimpedieh mill-popolarità tal-bqija tal-klassi, bejn minħabba għira u bejn nuqqas ta’ kapaċità li joffri kumpanija tajba. Spanja, forsi dak it-tifel li qabel l-eżamijiet juri ċertu kunfidenza u jidher li jipprometti, il-bqija tal-klassi trid toqgħod ħdejh għax cool, joffri argumenti mill-aqwa fil-filosofija u l-arti imma fil-matematika u l-fiżika – żewġ suġġetti ta’ bilfors ifalli.

Żewġ pajjiżi li għandhom il-qasmiet tagħhom. Fil-Ġermanja, l-qasma kienet iswed fuq l-abjad – ħajt li qasem il-belt ta’ Berlin u li spiċċajna b’żewġ stati. Il-Lvant kontra l-Punent. Politika kommunista kontra dik li tħaddan prinċipji kapitalisti, fejn is-suq soċjali ekonomiku jiddetta. Spanja, il-qasma hija aktar griża – pajjiż b’ħafna nazzjonijiet fih innifsu u li joħloq qsim bejn politika ċentralista, nazzjonalista u ta’ seperatiżmu. Staqsi persuna minn Barċellona, n-nazzjonalita tiegħu u jirrispondik ‘Katalan’. Rivalità li titraxxendi ruħha b’mod spettakolari fil-logħba s-sabiħa u li tagħtina wieħed mill-aqwa derby fl-Ewropa – Barċellona kontra Real Madrid.

Fuq naħa tal-munita għandna pajjiż li jagħżel lil Angela Merkel, ċentru-leminista bħala l-kap tiegħu. Persuna li mqabbla mal-ex Prim Ministru Ingliż Margaret Thatcher, bejn għax mara bħalha u aktar importanti minn hekk għax tħaddan ideoloġiji simili li tawha l-laqam ta’ ‘The Iron Frau’. U min-naħa l-oħra għandna pajjiż li jeleġġi lil Josè Zapatero bħala l-Prim Ministru tiegħu li huwa aktar magħruf bħala ‘Mr Nice Man’, mill-Partit Soċjalista Spanjol. Merkel rebħet lill-pubbliku billi wegħdet nuqqas ta’ qgħad u anqas burokrazija. Zapatero rebaħ lill-pubbliku Spanjol billi wiegħed li jirritorna t-truppi Spanjoli mill-gwerra tal-Iraq, wiegħed livell ta’ edukazzjoni aħjar u żied il-paga minima, kif ukoll legalizza żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Jidher li fi Spanja l-moralità għadha punt li trebbaħ u ttellef elezzjoni. Il-vjaġġ innifsu huwa meqjus importanti daqs id-destinazzjoni.

Qabel ma beda dan il-kampjonat, kellna xi ħadd li jġorr aspettattivà, u ieħor li għandu ħolma, li dejjem ikollu qabel jibda kollox u ddumm għall-ewwel ftit imma titfarrak malli ssib l-ewwel iebes. Bħal mewġa li tara ġejja mill-bogħod kollha arja, u żżid fit-tul u l-għoli tagħha, tibla’ l-iskollijiet żgħar imma tispiċċa f’ragħwa malli ssib l-blat għoli. Spanja għelbet l-iskollijiet kollha b’ċertu stil u meta kien hemm bżonn b’reżilenza. L-attakk għamel xogħolu u skorja mingħajr ma kien ta’ detriment għad-difiża fejn f’ħames logħbiet ikkonċedew tlett darbiet biss. Mal-istil ma ġietx sagrifikata s-sustanza. Il-qalziet ġie meħjut sabiħ bħas-soltu u l-bwiet ma tħallewx imtaqqba għax ma jidhrux. U meta kien hemm bżonn jiġi mxammar ħalli jgħaddi mix-xmara li s-soltu tbeżża’ għax fiha ħafna stejjer ta’ sfortuni ma ddarrasx.

Ir-reżilenza leġġendarja Ġermaniża ma ddiżappuntantx. Sabet ruħha minn taħt u rrispondiet bħas-soltu. Webbset rasha bħas-soltu u bħas-soltu għaddiet tagħha. U issa sabet ruħha f’post li ilha ma ssib ruħha fih sitt snin u qiegħda taspira għall-podju li ilha ma titla’ tnax –il sena.

Il-Liga kontra l-Bundesliga, paella kontra frankfurters, rioja kontra birra, Löw kontra Aragones, Ballack kontra Senna, Shweinstiger kontra Silva, Klose kontra Torres. Stennija kontra ħolma, sudizzjoni kontra tehmiża.

Se jkollna stennija li tikkonferma ruħha, jew ħolma li ssir realtà. Kuntrasti u diversità magħqudin flimkien.

2 comments:

Wayne said...

Qabel ma bdiet il-kompetizzjoni kont ghedt, fost tentativi ta' ridikolu minn hafna supporters Taljani, li l-Germanja kienu l-favoriti tieghi ghar-rebha finali. Aggressivi, jigru, jixxuttjaw minn kullimkien, ghandhom 5 players fl-ewwel skwadra li huma twal kwazi zewg metri. Daqsxejn reqdin fuq wara, veru, specjalment Lehmann li nieqes mill-kaffeina. Ghal ghada, nemmen li Spanja ser isibuha iebsa jiddefendu l-free kicks u l-corners; minn naha l-ohra, Spanja huma aktar veloci f'nofs il-ground izda aktar fragli wkoll.

Is-sahha fizika hjia kuntrast iehor, ghalkemm fil-futbol bhal fil-politika, Impossible is Nothing.

Sahhiet sieheb!

Anonymous said...

L-ewwel nixtieq nibda billi nghidlek prosit ta' l-osservazzjoni tieghek fuq is-suggett imsemmi. Nahseb tajt perspettiva storika xierqa u l-uzu tal-metafora tat-tifel fil-klassi tisfuma sew mar-realta' tat-tim Spanjol.
Spanja hu tim novizz fit-titli u l-unuri internazzjonali izda tim li dejjem ta' loghob sabih ta' futbol u li anke offra plejers ta' certa stoffa.
Jien naqbel mal-blogger ta' qabli fejn qal li l-Germanja huma aggressivi fuq quddiem u nixtieq inzid li l-Germanja hu fost l-aktar timijiet li kapaci jisfruttaw goal mix-xejn.
Biss nahseb li Spanja ghandha aktar stoffa f'dan il-kampjonat. Huwa tim li ma qalax goal wiehed f'din il-kompetizzjoni (hlief fl-penalties kontra t-Taljani).
Tim ta' teknika kbira, ghagla u football sabih.
Jekk jisfruttaw l-attakki frekenti taghhom zgur li ha jsibu x-ibka ta' Lehmann.. anke ghax forsi bhal ma qal Wayne, nieqes mill-kaffeina..
Imsomma ikolli nghid li ras imb'ras l-Ispanja ghandha tirbah.
Narak habib
Issa naraw :)
Anton