Sunday, June 19, 2011

Uniformi

Qalziet iswed. Qmis bajda. B’arma fuq idi x-xellugija. Ingravata sewdinija bl-armi żgħar tal-kumpanija għaxar ċentimetri mbegħdin minn kull waħda, b’għoqda ma’ għonqi tgħattili l-buttuni li jgħaqqduli l-qmis min-nofs. Iċ-ċinturin iswed kelli nixtrieh jien, u l-istess iż-żarbun iswed. Flimkien jagħmlu uniformi.

Daqs ħmistax ilu, ħaduli ritratt dritt stirat b’din l-istess uniformi li qiegħed nispjega u li nilbes tmien siegħat kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa. Bgħattu lil ommi f’nofs kartolina ma’ ftit flus li dejjem nibgħat biex forsi tlett ijiem fil-ġimgħa l-familja jkollha x’tiekol diċenti. Il-bieraħ ċempiltilha u qaltli li rċiviethom. Leħinha kien imriegħed aktar mis-soltu u qaltli li r-ritratt ferraħha aktar mill-flus. Qaltli li uriet ir-ritratt lill-ġirien kollha. Ħadd min-naħa tagħna qatt ma libes uniformi. Kelli nkun jien l-ewwel wieħed, u reġgħet tenniet kemm hi ferħana bija.
Ma, mhux kull ma jleqq hu deheb. U bħal din il-qmis li liebes, mhux kull ma hu abjad hu nadif.

Hawnhekk veru qed naqla’ l-ħobża tiegħi b’saqaf taħt rasi flok taħt xemx tgħanni. U hawn l-arja kkundizzjonata wkoll. Il-ħitan imma bojod u l-passatemp tiegħi hawn sar li ngħarrex għajnejja biex forsi niskopri girfa ‘l hemm u ‘l hawn fil-ħajt. Ftit ta’ differenza minflok dan l-abjad ċass li hawn. Hawnhekk ma nerfax u ma negħriqx għaraq lanqas. Il-ġlieda tiegħi mhux kontra l-piż tal-ixkejjer li kont inġorr waħda wara l-oħra imma kontra l-ħin, avolja arloġġ f’idi ma nilbisx. L-ixkejjer konna ngħinnu lil xulxin nerfgħu. Imma l-ħin ma nista’ nerfgħu ma’ ħadd. M’hawn xejn indifferenti iżjed mill-ħin. Effiċjenza perfetta mingħajr karattru ta’ xejn. Agħar mill-kafè bla togħma tal-magna t’hawn. Inteptep għajnejja u nifraħ li mela għaddiet sekonda oħra. Inħakkek rasi darbtjen u nifraħ li flok sekonLinkda, għaddew tnejn. Kollox waqt li liebes din l-uniformi.

L-uniformi ma xtrajthiex. Tawhieli. Imma kelli nixtri ħadida tal-mogħdija. U kull fil-għaxija jkolli naħsilha. Kull fil-għodu ngħaddieha. U flok indendilha fi spalliera, nilbisha. (Qmis waħda għandi).
U flok inhossni li sirt nies, inħossni li sirt robot.

Qed nikkonforma aktar ma’ dal-pajjiż u hawn anqas nies iħarsuli bl-ikrah.

Barra jien meta nħares quddiem mera u nkun liebes l-uniformi.

Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Għal aktar ritratti partikolari tal-istess Francesca, agħfas hawn.

Wednesday, June 15, 2011

Belgħa te?












Nannti kienet Stricklandjana. Kunjom biss jonqosha, biex tkun Stricklandjana daqs Sir Gerald jew Mabel. U la kienet Stricklandjana, kienet tħobb kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-Ingliżi. Ma nafx jekk hux kienet tħobb l-Ingliżi minħabba l-influwenza Ingliża fuq il-Partit ta’ Strickland. Jew inkella kienetx tħobb lil iStricklandjani għax dawn iħobbu l-Ingliżi. Sieħeb tat-tiġieġa u l-bajda din. U billi ħallietna meta jien kont għadni żgħir, qatt ma kelli ċans insaqsihielha. Jew bħall-kwistjoni tal-lingwa Ingliża din. Titkellem bl-Ingliż f’Malta quddiem l-Ingliżi biex turihom li int Malti, taf il-lingwa tagħhom u għalhekk superjuri, jew għax trid tindiehes magħhom u trid tiġi aċċettat minnhom? Mistoqsijiet, mistoqsijiet imma ftit tweġibiet.

Niftakar kellha ħafna użanzi Ingliżi din nannti. It-Times dejjem kien ikun hemm isimha fuqha. Għax tal-gazzetti kien jerfgħalha waħda. U ġurnata wara ġurnata qatt ma tilfet waħda. Kellha ritratt tar-reġina fil-kamra tas-salott. U kienet titfa’ ħafna frażijiet Ingliżi wkoll. Bħal meta kont ninbex lil kuġinti, u kienet tmur tibki għandha, kienet tħobb tgħidilha, “don’t be pathetic”. Jew qatt ma smajtha tgħid “Marija Santissma” jew xi ħaġa hekk imma dejjem “oh my god!”, meta tistgħaġeb b’xi ħaġa, (li kienet ta’ spiss). Meta tqis li din fi żmienha kienet seftura minn dawn li jgħixu mas-sinjur u s-sinjura tagħha ma kienetx daqstant normali. U d-dar, (li kienet bil-kera) kienet f’nofs raħal li kien avvanzat daqs kemm hi inklussiva il-familja rjali. Setgħa dan il-karattru ma jispikkax allura? Tista’ forsi ssejħilha servili, jew inkella emanċipata, għax gazzetta bl-Ingliż kienet kapaċi sew taqraha u ma tixtrihiex biex tidher biss.

U għaliha fuq kollox kien importanti l-ħin tat-te. Fil-fatt il-Ħadd wara nofsinhar konna mmorru għandha f’xi l-ħamsa. Propju fil-ħin tat-te. Kienet taħmi xi kejk minn qabel u tippreżenta t-te f’pot u kellha l-kikkri tal-istess sett. Iz-zokkor kienet tħallieh f’bowl, li kien ovvjament jagħmel parti mis-sett u mhux tifagħhulek hi fil-kikkra. Li kienet tara lil nannuwi (ċioè żewġha) jixrob it-te minn ġo tazza transparenti (u għalhekk kultant bit-tidlik jidher) mill-każin kif kemm il-darba rajtu jien, żgur kien itiha ħass ħażin.

U l-bieraħ jien u nqalleb qalb l-imbarazz fuq ir-raff, ġie f’idi dan il-bowl taz-zokkor, parti mis-set sħiħ tat-tè. Naħseb ommi u ħutha qasmu s-sett bejniethom. Iz-zija l-kbira ovvjament ħadet il-pot, ta’ warajha l-kikkri u ommi l-bowl taz-zokkor. Abjad taċ-ċaqquf, u bil-ward aħmar ċkejknin fuqu. U fis sibt ruħi fil-Ħdud ta’ tfuliti, fejn konna nieħdu t-te għand nannti u nitfgħu z-zokkor minn dan l-istess bowl, meta jien fir-realtà kont nippreferi xi flixkun luminata jew tal-inqas tazza ruġġjata.

Imma kuntent li qatt ma nkiser u li qiegħed għandna, u f’salt wieħed qabditni kilba għal tè ta’ veru.

U qabel għamilt ftit tè poġġejtu fuq gverta ta’ nannti stess biex żgur ma jinbarax.

Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Għal aktar ritratti partikolari tal-istess Francesca, agħfas hawn.

Sunday, June 12, 2011

Maktur f'rasi


Illum inżilt sal-belt. Mhux għax ridt imma għax kelli. Tiżra kemm tiżra, affarijiet kultant jonqsuk. U l-lista li għamilt imtliet, u kelli nagħmel li ma rridx. U nżilt il-belt. Ilbist il-flokk l-iswed li fih qisu ħafna sinjali griżi fuqu. Kien rigal. Domt ma ndunajt li t-tgeġwiġija tas-sinjali jagħmlu siġra. Naħseb kieku lanqas kont nilbsu. Ilu mal-għaxar snin għandi u nħallieh għall-belt biss.

It-tfal tat-tfal jgħidu li hawn ma tantx tista’ ssejħilha belt u li żgħira wisq. Imma jien hawn mitlufa aktar mill-aħħar nagħġa li kienet ntilfitilna u li konna sibna ġo ħofra titqabad biex titla’ u li żewġi kien salva, u li minn dakinhar ‘l hawn qatt ma tbegħdet minni aktar minn tlett passi kull meta mmur nirgħa. Jien hawn ma nitbiegħedx aktar minn tlett kantunieri mill-istejġ tal-linja.

Billi hawn qiegħda fil-belt ilbist il-ġiżirana u s-salib. Ma rridx intihom x’jifhmu li jien ma nemminx. U jekk xejn noħroġ is-salib ftit għall-arja għax ilu fil-kaxxa magħluq. Iċ-ċrieket f’subgħajja l-istess. Ilbisthom illum għax fl-għalqa ma nilbishomx, imma llum, hawn fil-belt, ma rridx nagħti lil min jaħseb li qatt ma nġbart. Jew agħar li m’għadniex ma’ żewġi. Ilbist l-arloġġ ukoll, għax għal tal-linja ma nistax nimxi bix-xemx biss, u jekk nitlef waħda, għandi siegħa oħra nistenna. U kull minuta hawn żejda. Għandi bżonn l-arja pura u l-ftuħ. Il-bini hawn il-fuq wisq, u hawn karozzi aktar milli għandi ngħaġ.

Ilbist il-maktur f’rasi dal-għodu. Nispera li għadu sew u li mhux jitla’ minn wara. Ix-xemx mhux taħraq wisq u lanqas hu riħ, imma xagħri telaqlu l-kulur u n-nies tal-belt iħarsu darbtejn meta jaraw ix-xagħar abjad.

U jien nippreferi daqqa ta’ bodbod bir-ras milli ħarsa żejda min-nies t’hawn.


Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari mill-istess Francesca jinsabu hawn.

Tuesday, June 7, 2011

Triq ġdida


Hawnhekk ma tantx jgħaddu karozzi. U ma nafx għala għamlu dan l-iswed. Qed ikolli nilbes il-papoċċ. Kemm immur s’għand ta’ ħdejja ngħid kelmtejn. U nara x’żergħet. Il-linja bajda fin-nofs għaliex? Qatt ma rajt żewġ karozzi jgħaddu fl-istess ħin. Konna tajjeb bil-mogħdija. Kont nimxi ħafja. Nieħu gost inħoss il-ħamrija taħt saqajja. U xi dudu żgħir kien jitla’ ma subgħajja. Hekk, jgħarraxni. U jien kont nidħak waħdi. Hawnhekk ħadd ma jarani. Nidħak waħdi. U kultant taqbadni ta’ quddiemi. U tidħak waħedha hi wkoll, mingħaliha m’iniex naraha. Anke lilha jdejjaq dan l-iswed, iswed li ma jaħfirx. Jaħraq. Jiġbed ix-xemx daqs kemm jien ġbidt basal mill-ħamrija ħamra dal-għodu.

Jien nilbes l-abjad u huma isewdulna l-art.


Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari jinsabu hawn.

Tuesday, April 12, 2011

Traġitt Timisoara - Deva


Għaddiet ġimgħa minn meta missejt l-art Rumena għall-ewwel darba. Bħal dal-ħin ġimgħa ilu kont fuq tren minn Timisoara lejn Deva. Illum qiegħed fuq tren oħra, din id-darba tlaqt minn Deva, d-dar temporanja għal dawn l-erba’ ġimgħat li joffri April, bid-destinazzjoni għandha tkun Sighisoara, raħal ċkejken medjevali fejn se nqatta’ egħluq il-ġimgħa.

L-ewwel impressjoni tar-Rumanija għalhekk offritieli Timisoara, belt fejn hija l-aktar magħrufa mar-Rumeni minħabba l-università tagħha. Fi triqti ġo taxi mill-ajruport għall-istazzjon, ma rajt ebda università, imma blokkok aktar għolja milli twal, bi bżonn ta’ laqgħqa żebgħa ta’ kulur daqs wiċċ pallidu bil- ponot għandu bżonn irtokki qabel jintefa’ d-dawl abjad fuqu għal fuq it-televiżjoni. Imma llum lanqas dawl ma hawn tant, bl-isħab griż pjuttost l-isfel.

Wasalt l-istazzjon. Qtajt il-biljett. Għal vjaġġ ta’ tlett siegħat u nofs iħaffiflek il-kartiera bl-ekwivalenti ta’ ħdax –il ewro. L-ambjent tal-pjattaformi jieħdok lura fiż-żmien u tesperjenza parti mill-Ewropa, li għalkemm fl-Unjoni Ewropea hija ‘l bogħod ħafna miċ-ċentru tagħha f’Brussell. Jien li liebes jeans, flokk u ġakketta diċenti li nxtrat fl-aħħar Milied żgur qed nistona. Il-maġġoranza assoluta tan-nies li qed nara lebsin il-ġersijiet tas-suf, kollha kuluri merħija, b’toqob ‘l hemm u ‘l hawn, b’effett griż-sewdieni sforz mhux ta’ aktar suf kulurit imma nuqqas ta’ ilma, sapun u probabilment tmegħik mal-art għal meta jasal ħin il-lejl. U l-istess tċaħħid tal-ilma u sapun fuq il-ġersi, ikkumplimentat b’nuqqas ta’ snien fil-ħanek.

Tasal it-tren. U magħha t-tren twassal l-ewwel kuntrast, bl-istess stil ta’ meta pustier jimpustalek kartolina fil-kaxxa tal-ittri meta mhux egħluq snienek jew żmien il-Milied. It-tren qisha għadha kif ħarġet mil-linja tal-produzzjoni. Nirkeb, u madwari hawn ħafna passiġieri, x’aktarx studenti li sejrin lura d-dar għal tmiem il-ġimgħa, min jilgħab bil-mobajl, min b’xi ktieb f’idu. It-tren titlaq minn Timisoara bi preċiżjoni sal-aħħar minuta.

Minn ħin għal ieħor jiġi l-kunduttur jiċċekja l-biljett, u fl-ewwel stazzjon u waqfa ta’ dan it-traġitt hawn uffiċjal qsajjar b’palletta ħamra f’idu jagħti s-sinjali (nimmaġina) lix-xufier (il-kelma adattata għal wieħed li jreġi ferrovija sħiħa?). Jidher li qed iħossu mportanti u dritt xemgħa, f’uniformi mgħakkra.

Il-veduta mit-tieqa wiesgħa tat-tren differenti minn dik li offriet it-tieqa żgħira tat-taxi. Hawnhekk l-effett rurali jnessi dak urban. L-isħab għadu pjuttost l-isfel imma l-effett fuq il-ħdura tal-madwar jikkuntrasta pjaċevolment, bħal kif kull karattru interessanti għandu l-kuntrasti tiegħu, flok jingħaqad mal-blokok griżi. U l-mużika tal-Arcade Fire tinħass maħluqa għal dan l-effett.

Pass kajman ta’ paċi li jwasslek minn post għall-ieħor mingħajr ġenn jew għaġla, li jagħti sinifikat lill-vjaġġ innifsu, u jagħmel tlett siegħat u nofs parti mill-ambjent minflok sempliċi 210 minuta ta’ tedejnza.

Sunday, March 20, 2011

Għaxar mili f'Ħad Dingli

Iltqajna quddiem il-monument ta’ Francis Ebejer. Ebejer, bħal dejjem qiegħed bil-qiegħda. Imma llum ma ġejniex hawn biex noqogħdu bil-qiegħda. Ġejna biex niġru għaxar mili f’Ħad Dingli. U la qegħdin f’Ħad Dingli se nkunu qrib il-Buskett. Imma llum San Ġużepp u mhux l-Imnarja, u moħħi mistrieħ li mhux se jkun hawn folol joħonqu kull m’hawn u aktar minn hekk, la qegħdin quddiem Ebejer stess ta’ min jiftakar li llum mhuwiex żmien il-qtil.
Il-fatt li r-rotta hija mkejjla bil-mili minflok bil-kilometri, ttiha laqta aktar robusta. U llum fil-għodu, t-temp huwa ħafna robust aktar mill-aħħar jumejn, bi sħab f’temperament li jiddomina s-sema u ma jċedix pulzier lix-xemx, u l-elevazzjoni ta’ Ħad Dingli trendi l-arja dik il-ħarira aktar kiesħa minn postijiet oħra.

Bħas-soltu qiegħed kmieni. Hawn ovvjament ħafna anqas nies minn tlett ġimgħat ilu, jum il-maratona. Hawn erba’ wċuh li issa qed isiru familjari, f’ritwal personali ta’ tħejjija għal qabel jiġi sparat il-bidu tat-tellieqa. Illum min qiegħed hawn, qiegħed hawn għax l-isport umli tal-ġiri qiegħed f’demmu, aktar milli għall-okkażjoni.
Id-disgħa issa kważi se jdoqqu, u kulħadd qed isib postu fil-folla ċkejkna. Tlieta, tnejn u spara. Għafast l-arloġġ u tlaqt. Florence and The Machine reġgħet intgħażlet għal widnejja għall-ewwel parti tat-tellieqa. Ftit ftit il-folla qed titferrex u ta’ quddiem qed jattakkaw il-miftuħ ta’ quddiemhom. Jien qed nipprova nsib ftit spazju komdu biex inmattar saqajja kif nixtieq u ngħaġġel il-pass mingħajr ma nidħol f’ta’ quddiemi. L-eċitament tal-bidu u l-ewwel sforzi qed jiskomodawni xi ftit u qisni għadni ma ntunajtx lili nnifsi sew. Imma mal-ħin insib lili nnifsi sew u nieħu pjaċir bl-arja nadifa ta’ hawn fuq. L-unika ħaġa mhux nadifa hawnhekk hija l-ilma minn ftit xita li għamlet ftit ilu u nġema’ f’xi ħofra ‘l hemm u ‘l hawn.

Kilometru għadda u erba’ minuti u nofs għaddew miegħu. Il-ħin ikompli għaddej, numru wara numru, u jien għaddej pass wara pass, kultant iġagħlni niġġebbed iżjed hu stess, drabi oħra, xi ħadd li nzerta qiegħed quddiemi u li nitħajjar naqbeż u jirnexxieli. Imma issa li qbiżtu, rrid niġġustifika lili nnifsi u naqta’ bi snieni aktar u nibqa’ hemm quddiemu. U kultant jiġi xi ħadd minn wara u jiġġustifika postu quddiemi bl-istess mod li nagħmel jien.
Il-mili għaddejin, u issa baqa’ anqas milli għamilt. Florence and the Machine waqfet qabli u allura f’dan l-ambjent rurali nagħzel il-mużika li kultant naħsibha għana ta’ Gogol Bordello. It-toroq jew aħjar il-mogħdijiet ifakkruni aktar f’xi trekk milli fit-traġitt lejn ix-xogħol bħal kif ġara tlett ġimgħat ilu. Fuq ix-xellug tiegħi ħdura, fuq il-lemin l-istess u issa faċċata jidher l-ikħal tal-baħar li llum jidher tant kalm minkejja t-temp kemmxejn ikrah. Forsi bħali, għaraq ħiereġ minni imma hemm serenità li l-ġiri tant jaf joffri. Filfla issa tidher u minkejja li l-finishing line ma jidhirx naf li wasalt fl-aħħar. Qalbi qed tħabbat u jien insabbat saqajja b’aktar saħħa kontra l-asfalt biex negħleb li għandi f’moħħi. L-aħħar ftit metri, nagħfas l-arloġġ u nsib il-preċiżi 1:20:00 quddiemi. Nitbissem ftit, nieħu ftit nifs il-barra u nħares lejn il-midalja li sabet ruħha f’idejja.
Ġirja tajba. Ġurnata tajba.

Is-sempliċità timla mingħajr ma tgħajjat.

Wednesday, March 2, 2011

Nofs maratona

Ir-riħ venven u x-xita niżlet. Rari rajt friefet fil-bitħa. Imma forsi mill-bogħod vjaġġaw biex jistkennu fl-istonku tiegħi, u qajla għalaqt għajn m’għajn. L-eċitament u l-friefet fl-istonku kompattibli daqs l-għasel fil-misħun ma’ griżmejn misluħa. Ilni nistenna dil-ġurnata. U issa li baqa’ ftit siegħat għaliha se jkolli ngħixha minuta b’minuta.

In-nofs maratona. Issa ilna li jien u l-ġiri sirna ħbieb kbar. U magħna jakkumpanjana dejjem ikun hemm l-iPod. Sport primittiv u sempliċi ma’ biċċa gadget moderna. Diffiċli li ma ssibx kuntradizzjonijiet ma’ kull ħaġa li tagħmel. U issa li qed fl-eqdem belt ta’ Malta, l-Imdina, qed nipprova ngħix dan il-preżent u għandi taħlita ta’ ferħ li fl-aħħar il-ġurnata waslet. U biża’. Wieħed u għoxrin kilometru u biċċa żgħira quddiemi fuq asfalt iswed u ħofor ‘l hemm u ‘l hawn. Did-distanza għamiltha waħdi kemm il-darba imma anke taqra f’qalbek, u quddiem in-nies differenti. Illum ċelebrazzjoni ta’ kull min jieħu gost jagħmel pass wara l-ieħor, jinqata’ minn mal-art, iterraq it-toroq flok fuq it-tredmill, joħroġ l-għaraq u jintilef fih innifsu ma’ kull taħbita ta’ saqajh mal-art u ta’ qalbu.
Ir-riħ m’għadux ivenven imma ir-riħ kiesaħ u x-xemx donnha għadha tixxaħxaħ taħt il-gverti magħmula mhux mis-suf imma mis-sħab.

Daqqew l-għaxra u salpajna. Għafast l-arloġġ u l-isem Brikkuni fuq l-Ipod. Bdiet L-Assedju ż-Żgħir.
‘Tamietna fuq dahar it-Tramuntana baħħarna lejn Sqallija’

Tamietna llum lejn tas-Sliema. F’anqas minn sagħtejn iddeċidejt. Kemm jista’ jkun qrib is-siegħa u ħamsin minuta. Inkun x’imkien fin-nofs hekk.

Dil-ġimgħa qattajtha f’lotta miegħi nnifsi biex ma niġrix wisq, ħa nħalli kemm jista’ jkun għal-lum. Imma l-adizzjoni għall-ftuħ kmieni fil-għodu u ġirja imqar fil-vojt hija għolja wisq. Imma naħseb b’xi mod sibt kompromess. It-tieni lotta kienet ta’ numri. Ammont ta’ minuti u sekondi kull kilometru, u kemm jiġu b’kollox għal wieħed u għoxrin darba. Jew total ta’ minuti diviżi għal wieħed u għoxrin darba u kemm għandi bżonn naqta’ ħin għal kull kilometru. U meta tqis li minuta fiha sittin sekonda u mhux mija, r-riżultat għalina tal-ġenerazzjoni tad-deċimali kultant jikkomplika ruħu.

Għadni r-Rabat, imma l-ewwel kilometru nqata’. L-arloġġ f’idi qed jurini li qalbi qed tħabbat bil-mija u sebgħin. Mhux soltu. Imma mhux soltu inkun niġri ma’ xi 900 oħra. Ħadt xi ħaġa fuq l-erba’ minuti għalih, li għal darba oħra mhux soltu nagħmlu daqshekk malajr. U wieħed wara l-ieħor bdew għaddejin u issa qed f’ritmu tajjeb, aħjar milli stennejt bħal kif it-temp hu ħafna aħjar milli stennejt dan il-lejl, bix-xemx qiegħda titmattar u ttajjar is-sħab minn fuqha.
Ħamsa. Qiegħed Ta’ Qali u wasal ħin l-ilma u naħtaf wieħed malajr u nisqi lili nnifsi ftit. Ir-ritmu għadu tajjeb. Hawnhekk hawn ħafna aktar inżul mit-toroq li s-soltu nagħmel jien. U fotografi ‘l hemm u ‘l hawn mixħutin jiġbdu r-ritratti għax jafu li rridu kemm jista’ jkun xi jfakkarna ta’ dak li qed nagħmlu bħalissa. U bir-raġġi tax-xemx iddawwlu l-ġurnata u l-okkażjoni, ma nistax ma nieħux pjaċir nagħmel dak li nħobb wisq. L-arloġġ għaddej u saqajja għaddejin wkoll. In-nifs tajjeb. Wasalt Ħ’Attard. Triq li ngħaddi minnha kuljum fil-għodu lejn ix-xogħol. Triq mimlija karozzi. Illum flok qed bil-qiegħda wara steering qed fuq saqajja. It-triq vojta u t-traffiku hu uman mhux tal-metall. U hawn arja aħjar. Siegħa wara li tlaqt l-Imdina qed x’imkien bejn il-Marsa u Ħal Qormi. Id-distanza hi xi tnax –il kilometru u nofs. Qed tajjeb. Kuntent u nkompli pass wara l-ieħor, nifs wara l-ieħor u issa wasalt fejn tal-larinġ u niżżilt felli milli offrewlna.

Il-pass beda jmajna xi ftit imma bil-Bieb tal-Bombi quddiemi fi triq vojta mill-karozzi hawn il-paċi. Il-Brikkuni issa ilhom li spiċċaw u bħalissa Sixto Rodriguez qed f’widnejja.
L-ewwel memorji fi tfuliti tal-kelma maratona hi taż-żebgħa safra mal-art. Illum m’hawnx żebgħa mal-art imma d-direzzjonijiet huma ċari u niġbdu fuq ix-xellug minn quddiem id-Depot tal-Pulizija u ninżlu l-isfel minn Sa Maison. Il-baħar quddiemi, kantuniera oħra u issa qiegħed l-Imsida. Flok nies bil-larinġ insib nies bi sponża mxarrba u naħsel wiċċi malajr biha. Baqa’ ħafna inqas milli għamilt.

Mill-Imsida nasal Ta’ Xbiex u kull ma baqa’ issa triq dritta. L-aħħar sforz. Inneħħi l-earphones minn widnejja għax irrid inħoss l-atmosfera kollha tal-aħħar biċċa. ‘Running Crazy’ xi ħadd kiteb bil-ġibs mal-art. ‘Well Done’, l-istess persuna kiteb ftit wara, umbgħad ‘Smile’. Ma nistax ma nitbissimx. L-adrenalina tiela’ u tiela’. U bl-arloġġ bin-numri ħomor quddiemi nagħti l-aħħar salt u nasal qabel l-arloġġ jaqleb lejn is-sebgħa u erbgħin. Għelibt il-ħin ottimist tiegħi. Kienu siegħa, sitta u erbgħin minuta u tmienja u ħamsin sekonda ta’ pjaċir pur. Hemm ftit konfużjoni ta’ nies u atleti li waslu imma minn ġewwa nħoss li kollox sew. Ferħan.

Il-ħajja kulħadd jgħid li mgħaġġla u kull ġirja tgħaġġilni ‘l bogħod mill-ġenn. Illum inkluż.