Wednesday, March 2, 2011

Nofs maratona

Ir-riħ venven u x-xita niżlet. Rari rajt friefet fil-bitħa. Imma forsi mill-bogħod vjaġġaw biex jistkennu fl-istonku tiegħi, u qajla għalaqt għajn m’għajn. L-eċitament u l-friefet fl-istonku kompattibli daqs l-għasel fil-misħun ma’ griżmejn misluħa. Ilni nistenna dil-ġurnata. U issa li baqa’ ftit siegħat għaliha se jkolli ngħixha minuta b’minuta.

In-nofs maratona. Issa ilna li jien u l-ġiri sirna ħbieb kbar. U magħna jakkumpanjana dejjem ikun hemm l-iPod. Sport primittiv u sempliċi ma’ biċċa gadget moderna. Diffiċli li ma ssibx kuntradizzjonijiet ma’ kull ħaġa li tagħmel. U issa li qed fl-eqdem belt ta’ Malta, l-Imdina, qed nipprova ngħix dan il-preżent u għandi taħlita ta’ ferħ li fl-aħħar il-ġurnata waslet. U biża’. Wieħed u għoxrin kilometru u biċċa żgħira quddiemi fuq asfalt iswed u ħofor ‘l hemm u ‘l hawn. Did-distanza għamiltha waħdi kemm il-darba imma anke taqra f’qalbek, u quddiem in-nies differenti. Illum ċelebrazzjoni ta’ kull min jieħu gost jagħmel pass wara l-ieħor, jinqata’ minn mal-art, iterraq it-toroq flok fuq it-tredmill, joħroġ l-għaraq u jintilef fih innifsu ma’ kull taħbita ta’ saqajh mal-art u ta’ qalbu.
Ir-riħ m’għadux ivenven imma ir-riħ kiesaħ u x-xemx donnha għadha tixxaħxaħ taħt il-gverti magħmula mhux mis-suf imma mis-sħab.

Daqqew l-għaxra u salpajna. Għafast l-arloġġ u l-isem Brikkuni fuq l-Ipod. Bdiet L-Assedju ż-Żgħir.
‘Tamietna fuq dahar it-Tramuntana baħħarna lejn Sqallija’

Tamietna llum lejn tas-Sliema. F’anqas minn sagħtejn iddeċidejt. Kemm jista’ jkun qrib is-siegħa u ħamsin minuta. Inkun x’imkien fin-nofs hekk.

Dil-ġimgħa qattajtha f’lotta miegħi nnifsi biex ma niġrix wisq, ħa nħalli kemm jista’ jkun għal-lum. Imma l-adizzjoni għall-ftuħ kmieni fil-għodu u ġirja imqar fil-vojt hija għolja wisq. Imma naħseb b’xi mod sibt kompromess. It-tieni lotta kienet ta’ numri. Ammont ta’ minuti u sekondi kull kilometru, u kemm jiġu b’kollox għal wieħed u għoxrin darba. Jew total ta’ minuti diviżi għal wieħed u għoxrin darba u kemm għandi bżonn naqta’ ħin għal kull kilometru. U meta tqis li minuta fiha sittin sekonda u mhux mija, r-riżultat għalina tal-ġenerazzjoni tad-deċimali kultant jikkomplika ruħu.

Għadni r-Rabat, imma l-ewwel kilometru nqata’. L-arloġġ f’idi qed jurini li qalbi qed tħabbat bil-mija u sebgħin. Mhux soltu. Imma mhux soltu inkun niġri ma’ xi 900 oħra. Ħadt xi ħaġa fuq l-erba’ minuti għalih, li għal darba oħra mhux soltu nagħmlu daqshekk malajr. U wieħed wara l-ieħor bdew għaddejin u issa qed f’ritmu tajjeb, aħjar milli stennejt bħal kif it-temp hu ħafna aħjar milli stennejt dan il-lejl, bix-xemx qiegħda titmattar u ttajjar is-sħab minn fuqha.
Ħamsa. Qiegħed Ta’ Qali u wasal ħin l-ilma u naħtaf wieħed malajr u nisqi lili nnifsi ftit. Ir-ritmu għadu tajjeb. Hawnhekk hawn ħafna aktar inżul mit-toroq li s-soltu nagħmel jien. U fotografi ‘l hemm u ‘l hawn mixħutin jiġbdu r-ritratti għax jafu li rridu kemm jista’ jkun xi jfakkarna ta’ dak li qed nagħmlu bħalissa. U bir-raġġi tax-xemx iddawwlu l-ġurnata u l-okkażjoni, ma nistax ma nieħux pjaċir nagħmel dak li nħobb wisq. L-arloġġ għaddej u saqajja għaddejin wkoll. In-nifs tajjeb. Wasalt Ħ’Attard. Triq li ngħaddi minnha kuljum fil-għodu lejn ix-xogħol. Triq mimlija karozzi. Illum flok qed bil-qiegħda wara steering qed fuq saqajja. It-triq vojta u t-traffiku hu uman mhux tal-metall. U hawn arja aħjar. Siegħa wara li tlaqt l-Imdina qed x’imkien bejn il-Marsa u Ħal Qormi. Id-distanza hi xi tnax –il kilometru u nofs. Qed tajjeb. Kuntent u nkompli pass wara l-ieħor, nifs wara l-ieħor u issa wasalt fejn tal-larinġ u niżżilt felli milli offrewlna.

Il-pass beda jmajna xi ftit imma bil-Bieb tal-Bombi quddiemi fi triq vojta mill-karozzi hawn il-paċi. Il-Brikkuni issa ilhom li spiċċaw u bħalissa Sixto Rodriguez qed f’widnejja.
L-ewwel memorji fi tfuliti tal-kelma maratona hi taż-żebgħa safra mal-art. Illum m’hawnx żebgħa mal-art imma d-direzzjonijiet huma ċari u niġbdu fuq ix-xellug minn quddiem id-Depot tal-Pulizija u ninżlu l-isfel minn Sa Maison. Il-baħar quddiemi, kantuniera oħra u issa qiegħed l-Imsida. Flok nies bil-larinġ insib nies bi sponża mxarrba u naħsel wiċċi malajr biha. Baqa’ ħafna inqas milli għamilt.

Mill-Imsida nasal Ta’ Xbiex u kull ma baqa’ issa triq dritta. L-aħħar sforz. Inneħħi l-earphones minn widnejja għax irrid inħoss l-atmosfera kollha tal-aħħar biċċa. ‘Running Crazy’ xi ħadd kiteb bil-ġibs mal-art. ‘Well Done’, l-istess persuna kiteb ftit wara, umbgħad ‘Smile’. Ma nistax ma nitbissimx. L-adrenalina tiela’ u tiela’. U bl-arloġġ bin-numri ħomor quddiemi nagħti l-aħħar salt u nasal qabel l-arloġġ jaqleb lejn is-sebgħa u erbgħin. Għelibt il-ħin ottimist tiegħi. Kienu siegħa, sitta u erbgħin minuta u tmienja u ħamsin sekonda ta’ pjaċir pur. Hemm ftit konfużjoni ta’ nies u atleti li waslu imma minn ġewwa nħoss li kollox sew. Ferħan.

Il-ħajja kulħadd jgħid li mgħaġġla u kull ġirja tgħaġġilni ‘l bogħod mill-ġenn. Illum inkluż.

5 comments:

Conrad said...

Hajjartni JP :)

Sandro said...

Kelma wara kelma, donni grejt mieghek pass pass!

jean paul said...

Grazzi ħbieb!

Unknown said...

X'deskrizzjoni profonda u ezatta

U li kieku ma kellnix it-tajn ta Ta'Qali konna nghamluha f'hin ferm ahjar :)

Prosit

Unknown said...

Sabiha hafna jean :) Stennejt xi botta meta wasalt bejn Qormi-Marsa :)