Wednesday, February 9, 2011

Kenny Dalglish

F’Liverpool, partikolarment fil-Kop, l-Union Jack, simbolu tal-imperu Ingliż hija popolari daqs bandiera Spanjola fin-Nou Camp. Il-monarkija Ingliża hija meqjusa bħala sempliċiment il-familja privileġġjata taħt l-isem ta’ Windsor li tieħu kollox b’xejn. It-titoli tagħhom huma għalhekk meqjusa bħala sekondarji. Metall li jleqq imma mhux deheb. Il-veru titoli jingħataw mingħajr ċerimonji ġewwa Buckingham Palace, imma huma eterni. Bob Paisley, b’tlett Tazzi taċ-Champions qatt ma ġie meqjus denju li jkun Kavallier u jieħu t-titolu ta’ ‘Sir’. Biss f’għajnejn kull partitarju Bob Paisley huwa Kavallier indiskutibbli u f’kull konversazzjoni t-titlu ‘Sir’ huwa awtomatiku għal dan il-persunaġġ umli li kiseb fuq li kiseb fil-logħba tal-ballun. Kenny Dalglish huwa sempliċiment meqjus bħala ‘King Kenny’. Ir-Re.

Dalglish twieled f’Dalmarnock, distrett fil-belt ta’ Glasgow, l-iSkozja, fl-4 ta’ Marzu, 1951, bl-isem reġistrat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ Kenneth Mathieson, iben ta’ inġinier. L-ewwel imħabba tiegħu kienu Rangers, imma jistqarr li dan ma kellu x’jaqsam xejn mal-qasma reliġjuża li teżisti f’din il-belt. Kienet sempliċiment għażla ta’ futbol. Meta Celtic ġew iħabbtu l-bieb, ma ħass ebda kunflitt personali li jingħaqad magħhom. Ix-xemx minn fil-għodu turik, u fi żmien meta l-iscouting kien għadu limitat meta mqabbel mal-lum, fl-adoloxxenza bikrija tiegħu, żewġ klabbs Ingliżi kienu diġa raw xi ħaġa speċjali fih u ġie mistieden għal prova.

Fil-fatt il-konessjoni bejn Dalglish u Liverpool tibda minn ferm qabel is-sena 1977, meta ffirma uffiċjalment. Fl-eta ta’ ħmistax –il sena, f’Awwissu tal-1966, Dalglish żar Liverpool għall-ewwel darba u ngħata prova. L-impressjoni li ħalla kienet pożittiva. Liverpool offrewlu kuntratt, imma l-kuntratt ma ġiex milqugħ. Fl-eta ta’ ħmistax –il sena, missier Dalglish ħass li ibnu kien għadu żgħir wisq biex jitlaq id-dar. Iżda l-impressjoni kienet reċiproka. Bill Shankly u l-bqija ħallew impatt qawwi fuqu, u r-rispett li wera Skoċċiż bħalu Bill Shankly baqa’ f’moħħu. L-ewwel żerriegħa ta’ mħabba lejn Liverpool kienet nibtet.

Għal Celtic, Dalglish għamel id-debutt tiegħu fl-1967, meta daħal bħala sostitut f’rebħa ta’ 4-2 kontra Hamilton Academical fil-kwarti tal-finali tal-League Cup Skoċċiża, meta kien għadu meqjus bħala sostitut. Il-manager li wera l-fiduċja fih ma kien ħadd anqas ħlief il-leġġendarju Jock Stein, li kien l-ewwel manager li mexxa tim Brittaniku għar-rebħa tat-Tazza taċ-Champions, meta fl-1967 Celtic għelbu lil FC Inter bl-iskor ta’ 2-1.
Il-progress ta’ Dalglish kien gradwali, u skorja l-ewwel gowl uffiċjali bil-kuluri ħodor u bojod f’Awissu tal-1971, meta mill-ħdax –il metru ma falliex kontra r-rivali eterni Rangers, fil-League Cup Skoċċiża. Dan il-gowl imma kien preludju mill-aqwa għal dak l-istess staġun, fejn f’49 partita, sab ix-xibka 23 darba.
Mill-ewwel logħba kontra Hamilton Accademical, sal-aħħar logħba kontra Motherwell, Dalglish lagħab 322 darba, fejn fihom skorja 167 darba. Rebaħ il-Kampjonat Skoċċiż erba’ darbiet, it-Tazza Skoċċiża erba’ darbiet ukoll, u l-League Cup Skoċċiża darba. Dalglish huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien ta’ Celtic u r-rekord tiegħu jitkellem waħdu.

Ir-relazzjoni bejn Dalglish u Liverpool bdiet uffiċjalment fis-sajf tal-1977. Liverpool kienu rebbieħa tat-Tazza taċ-Champions, iżda wieħed mill-istilel kbar, Kevin Keegan kien fi triqtuj ‘l barra minn Anfield u se jittanta xortieh fil-kontinent, meta ta l-firma tiegħu lil Hamburg FC. Keegan kien wera l-intenzjonijiet tiegħu minn sena qabel u għalhekk Liverpool kellhom żmien biżżejjed biex jaraw min se jieħu postu. L-ispekulazzjoni fl-istampa Ingliża kienet qed tagħti x’tifhem li Bob Paisley qiegħed jaħsibha bejn Trevor Francis, Liam Brady u Kenny Dalglish. Biss f’qiegħ qalbu Paisley ried lil Dalglish, u fil-fatt ġie kkwotat jistqarr li, “Plejer wieħed biss hemm għal tim li jħobb iqassam il-ballun. Dalglish ġej magħna.” Min-naħa tiegħu Dalglish kien ilu għall-aħħar ftit staġuni juri lill-manager tiegħu li wasal iż-żmien sabiex jibda avventura u sfida ġdida, u minflok jispiċċa jiffirma kuntratt ġdid wara li jiġi mdawwar minn Stein. Iżda fis-sajf tal-1977, Dalglish kien deċiż u għal tour li sar fl-Awstralja minn Celtic, Dalglish irrifjuta li jivvjaġġja u baqa’ d-dar. Paisley kellu konnesjoni tajba ma’ Stein, u dan għen biex fl-aħħar mill-aħħar it-transfer iseħħ, minkejja li tal-aħħar baqa’ sal-aħħar minuta jipprova jipperswadi lil Dalglish ibiddel fehmtu. Dalglish iffirma ma’ Liverpool fid-9 ta’ Awissu, sitt ijiem biss qabel id-data tal-15 t’Awissu, l-ġurnata li fiha kull tim ried jirreġistra l-lista tal-plejers tiegħu eliġibbli għall-kompetizzjonijiet Ewropej.
Dalglish iffirma għas-somma rekord bejn klabbs Brittaniċi sa dak iż-żmien ta’ £440,000, sittin elf anqas milli Liverpool kisbu għal Kevin Keegan. Il-verdett tac-chairman John Smith kien, “L-aqwa biċċa negozju li qatt għamilna”.
Dokumentarju fuq Liverpool u l-finali f’Ruma kontra Borussa Moenchengladbach li ntwera fuq il-BBC jidher li ħalla mpressjoni kbira fuq Dalglish. Fil-fatt, rigward x’kien qed iħoss qabel iffirma, Dalglish qal, “Hemm xi ħaġa li veru tqanqlek f’Liverpool Football Club. Jien kont hemm għal żmien qasir meta kien għad kelli ħmistax –il sena, fi żmien ta’ Shankly bħala manager u kont naf li hemm similiritajiet bejn Liverpool u Celtic. Fuq it-televiżjoni deher kemm kulħadd huwa magħqud ġewwa Anfield. Teżisti atmosfera ta’ familja. Kollox ma’ kollox il-programm pinġa lil Liverpool bħala klabb li rrid nilgħab għalih, speċjalment li naf li se jtuni l-opportunita ta’ suċċess fl-Ewropa, xi ħaġa li ilni nistenna bil-ħrara. M’hemm klabb ieħor li ridt nilgħab għalih.”
Wara li ffirma Dalglish stqarr, “Jien mhux se nipprova nbiddel lil Kevin (Keegan). Jien sempliċiment irrid inkun jiena nnfisi. Qaluli li Kevin ried sfida ġdida. L-istess jien, u dak li issa ħadt. Liverpool kienu l-ewwel klabb Ingliż li ġew għalija u min għandu bżonn wisq persważjoni biex jingħaqad ma’ xi ħadd bħalhom? Il-kobor tas-somma ma tinkwetanix. Jien mhux se noqgħod inġorr tiketta bil-prezz ma’ dahri. Jien sempliċiment irrid nilgħab fl-aħjar tal-abilita tiegħi.”
Id-debutt ta’ Dalglish għal Liverpool seħħ fit-13 t’Awissu, bin-numru sebgħa fiċ-Charity Shield kontra Manchester United, logħba li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls. L-ewwel gowl tiegħu wasal ġimgħa wara, meta skorja wara biss seba’ minuti f’Ayresome Park kontra Middlesbrough. Tlett’ijiem wara fid-debutt tiegħu f’Anfield, Dalglish skorja l-ewwel gowl f’rebħa ta’ 2-0 kontra Newcastle. Fl-ewwel staġun tiegħu Dalglish skorja 31 gowl f’62 logħba. L-ebda gowl minnhom imma ma ħalla impatt daqs il-gowl tiegħu f’Wembley kontra FC Bruges fil-finali tat-Tazza taċ-Champions. Dalglish xtaq l-isfida ta’ futbol Ewropej, u hawnhekk, fl-akbar logħba fuq livell ta’ klabb, iddeċieda l-logħba b’gowl fil-65 minuta. Ir-Re għamel ċert li l-kuruna ta’ Champions Ewropej tibqa’ f’Liverpool. Kien pass delikat ta’ Souness li offra l-ispazju fil-kaxxa l-kbira lill-kompatrijott tiegħu. Il-goalkeeper avversarju prova jagħlaq l-anglu tal-lasta malajr kemm jista’ jkun imma ċipp delikat fuq in-naħa l-oħra tal-lasta kien biżżejjed biex Dalglish ikun jista’ jiftaħ idejh beraħ, u jiġri lejn il-partitarji ta’ Liverpool bi tbissima sħiħa. Paisley iddeskriva ċ-ċelebrazzjoni ta’ Dalglish daqs li kieku dan il-gowl kien l-ewwel gowl li qatt skorja f’ħajtu, u li biex jiċċelebra ġera aktar milli ġera waqt il-logħba kollha. Kellu kull raġun. Qalb il-partitarji kienet ġa mirbuħa, u issa kien qed jirbaħ l-ewwel unur għalihom.



Il-konsistenza ta’ Dalglish kompliet staġun wara staġun. Fit-tieni staġun tiegħu skorja 25 gowl f’54 partita, sabiex kien parti kruċjali biex jintrebaħ il-Kampjonat Ingliż. Fis-sena ta’ wara, fl-istaġun 1979-80, Dalglish skorja 22 gowl f’59 partita u l-Kampjonat Ingliż baqa’ fil-vetrini ta’ Anfield. Fl-istaġun ta’ wara l-Kampjonat Ingliż ġie ċedut, imma Dalglish u Liverpool irritornaw fil-quċċata tal-Ewropa meta fil-finali għelbu lil Real Madrid 1-0. U hekk baqa’ sejjer Dalglish, staġun wara staġun, iżid mal-partiti, iżid il-gowls, isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-Kop. Isem Dalglish beda jkun l-ewwel isem kantat qabel kull logħba.

Dalglish lagħab 515 darba bil-flokk ta’ Liverpool u sab ix-xibka 172 darba. Rebaħ tlett Tazzi taċ-Champions, sitt Kampjonati, FA Cup u erba’ League Cup’s. Għandu fidda aktar minn arġentier!

Internazzjonalment, Dalglish irrapreżenta lil pajjiżu f’102 logħba, li fihom skorja 30 darba. Huwa għalhekk l-aktar plejer li qatt lagħab għal pajjiżu u flimkien ma’ Dennis Law, l-aktar plejer li skurja. Id-debutt tiegħu seħħ kontra l-Belġju fil-grupp preliminari tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Ewropej, fl-eta tenera ta’ 20 sena. Huwa fatt ukoll kurjuż għalina l-Maltin li Dalglish ġie nfurmat li ntgħażel għall-ewwel darba għal pajjiżu minn Tommy Docherty meta kien f’Malta, minħabba li Celtic kienu mpenjati kontra Sliema fit-Tazza taċ-Champions. Dik l-ewwel logħba wittiet it-triq għal tlett Tazzi tad-Dinja, fl-1974,1978 u 1982, waqt li anke libes il-faxxa ta’ kaptan diversi drabi. Biss fi kliem Dalglish stess, l-akbar trijonf bil-flokk blu skur tal-Iskozja kien fl-1976, meta f’Hampden Park għen lill-iSkozja billi skurja l-gowl uniku tal-logħba kontra l-Ingilterra biex b’hekk l-iSkozja rebħu l-Home Championship għall-ewwel darba f’disa’ snin. Il-gowlkiper avversarju ma kien ħadd ħlief Ray Clemence, li fis-snin futuri kien il-kustodju tal-lasti opposti ta’ fejn iħobb jiskurja Dalglish.

Barra l-gowls tiegħu, Bob Paisley għaraf ġo fih l-altruwiżmu u intelliġenza li jdaħħal fil-logħba lil sħabu. “Plejers kbar huma normalment bħas-solisti f’orkestra. Dawn idoqqu waħedhom u normalment iħarsu b’disprezz lejn sħabhom b’anqas abilita minnhom. Biss dan qatt ma kien il-każ ma’ Kenny. Hu daħħal fil-logħba plejers oħra”. Darba oħra, Paisley stqarr li,”Meta Kenny jixgħel, it-tim sħiħ jiġi lluminat.” Huwa għalhekk li Dalglish ħalla impatt fit-tim daqshekk malajr. Bil-ballun f’saqajh u b’rasu mgħollija seta’ jara grawnd sħiħ u fejn qegħdin sħabu, il-pass deċiżiv kien faċli għalih. Waqt li mhux l-aktar plejer veloċi, l-intelliġenza tiegħu flimkien mal-istint kienet ittih dawk il-ftit passi vantaġġ fuq id-difensuri avversarju. Il-mod ta’ kif idur u l-abilita ta’ xutt jew ċipp, kien jagħmlu letali u dak li hu. Meta Bob Paisley b’karriera ta’ aktar minn 40 sena fil-logħba, bħala plejer u manager jgħid li huwa l-aktar plejer b’talent li qatt ħadem miegħu, xi ħaġa tajba jkollok żgur. Meta l-Kop jibqa’ jkanta ismek, ‘Where once we watched the King Kenny play’, snin sħaħ wara l-aħħar logħba tiegħek, xi ħaġa speċjali għandek żgur.

Waqt li Dalglish kien għadu jilgħab, Liverpool iddeċidew li jaħtruh bħala manager. Joe Fagan iddeċieda li jirriżenja u l-għażla waqgħet fuq Dalglish. Iċ-ċirkustanzi kienu ferm ‘il bogħod minn ideali. Dalglish ġie ppreżentat bħala l-manager il-ġdid l-għada tat-traġedja ta’ Heysel. Fl-ewwel staġun tiegħu bħala player-manager, Dalglish kiseb id-double għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Liverpool. Dan il-persuna kien suldat u ġeneral fl-istess ħin. Bennej u perit fl-istess ħin. Is-suċċessi ma waqfux hemm, meta fl-istaġun 1987-88 u 1989-90, l-iskwadra mmexxija minnu rebħet il-Kampjonat Ingliż waqt li fl-istaġun ta’ bejniethom rebaħ l-FA Cup għat-tieni darba.

Fi Frar tal-1991, Dalglish, mingħajr spekulazzjoni ta’ xejn fil-ġranet ta’ qabel, u b’Liverpool fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-Kampjonat sejjaħ konferenza stampa u rriżenja. Ħabta u sabta. Fi kliemu stess, kellu jagħżel bejn il-logħba tal-ballun u s-sanità tiegħu. Kellu bżonn il-ħin għalih innifsu u għall-familja tiegħu. It-traġedja ta’ Hillsborough ħalliet l-effetti tagħha u kkulminat tnejn u għoxrin xahar wara. Fil-ġranet immedjati ta’ wara Hillsborough, Dalglish kien involut b’ruħu u ġismu mal-qraba u jipprova jfarraġ lill-familjari tal-mejta bil-preżenza tiegħu stess jew tal-plejers tiegħu. Ma kellux ċans jaħseb, u l-effetti ħarġu wara. Bħala persuna riservata ammetta li rari tkellem ma’ min offra terapija mentali. Il-prezz kellu jitħallas wara. Tlettax –il sena wara li ffirma, kien wasal iż-żmien biex jinqatgħu l-kuntratti uffiċjali.

Il-qalb baqgħet imma tħabbat u llum dsatax –il sena wara dik il-ġurnata, bil-klabb bħal dgħajsa fil-maltemp, Dalglish reġa’ qiegħed fit-tmun. Forsi min qed jegħreq ma’ kull tibna jaqbad biss flok ma’ tibna l-bord qabad ma’ salvawomo li l-preżenza tiegħu biss ukoll tagħti t-tama. U mat-tama ġiet lura l-ħeġġa, u mal-ħeġġa ċ-ċertezza li xi ħaġa akbar minnha lkoll qed terġa’ titla’ ‘l fuq, u rridu nkunu parti minnha lkoll.

Tbissima u idejn miftuħa reġgħu qegħdin jixgħelu Anfield.

1 comment:

Anonymous said...

hi, new to the site, thanks.