Mexa fil-vojt u l-passi dwew. Imma wara tefa s-cd ta’ Leonard Cohen u l-passi tiegħu ma dwewx aktar. Dwiet biss il-vuċi ta’ kantant melankoliku, kultant melliesi ta’ Leonard Cohen. Kitarra safja ma’ kliem jaqtgħu. Bħall-fidi li ttik it-tama u ddaħħallek id-dubji fl-istess ħin. Imma wara ftit ried xi ħaġa differenti. Xi ħaġa b’ritmu aktar mgħaġġel, u sab il-Pulp. U issa mela d-dar il-vuċi sarkastiku ta’ Jarvis Cocker. U f’dan il-mument għoġbu wisq u mlieh ħafna aktar mill-ikel li kiel magħha jew quddiemha.
Whilst you were gone I got along
I didn’t die
I carried on
Għadu kmieni imma, u l-lejl għadu żagħżugħ.
Tela’ ‘l fuq lejn soddtu, l-istess sodda li kien jaqsam magħha. U tefa’ ħwejġu fuq is-siġġu mal-ġenb u ftakar kemm kienu jdejquha u kienet tgergirlu meta kultant jagħmel hekk, normalment wara xarba diċenti. Imma llum flok sema’ t-tgergir tagħha sema’ lilu nnifsu jidħak. U ntelaq fuq is-sodda. Tqalleb. Imma qajla raqad. Barra għadha nieżla x-xita u sema kull taptipa ta’ kull qatra tħabbat bis-saħħa mal-ħġieġa tat-tieqa. Moral aktar milli baxx, tedjanti.
“Issa kollox f’idejja, imma.”
Ħareġ mis-sodda u mexa lejn il-kamra tal-imbarazz u qabad kaxxa tal-kartun mimlija u nieżel l-isfel biha. Il-kaxxa tal-programmi tal-logħob. U ntefa’ mal-art fuq it-tapit, ħariġhom wieħed, wieħed u ddeċieda li jagħmilhom wara xulxin, era wara era, staġun wara staġun, logħba wara logħba. Riħa ta’ kamla. Karti sofor u stampi suwed u bojod jew aħjar griżi. U kuluri jleqqu fuq dawk aktar riċenti. Imma kollha ftit mgħawwġin, għax dejjem bil-vizzju li jdaħħalhom fil-but ta’ wara tal-jeans. Programm wara l-ieħor, u kultant iserraħ dahru mas-sufan u jaqra. U jagħti b’rasu bil-mod u jitbissem lejn il-memorji ġejjin lura. U ġol-kaxxa tal-kartun mhux se jerġgħu jidħlu lura, daqskemm għasfur li tħobb ma tpoġġiehx ġo gaġġa. Għal-lum joqogħdu mal-art fil-ġenb, jaqsmu l-arja miegħu, imbgħad jaħsbilhom għal xkaffa.
Il-ħin tgerbeb aktar milli tqalleb hu f’soddtu qabel u wasal il-ħin għax-xogħol u biex jiffaċja t-Tnejn mal-bqija tan-nies. Imma, jekk xejn ikellem ftit lil min ta l-biljett u jgħidlu kif mar.
“Nispera li mar tajjeb, għax dan l-aħħar biljett li ħa mingħandi.”
Il-ġurnata għaddiet bil-mod il-mod, u mar lura d-dar u poġġa mal-art qrib il-programmi. L-ewwel ħares lejhom u wara beda jaqbad wieħed bl-addoċċ bħall-Ipod meta ttih ix-shuffle, u qagħad iduru paġna, paġna, jara x’jifakar minn dik il-ġurnata.
Il-mobajl kiser ftit il-paċi. Daħal messaġġ.
“Narak fis-7. Xx’’
Wieġeb.
“Ok”.
Sema’ l-ħabbata tħabbat bil-mod flok il-qanpiena. U kien hemm hi. Rasha baxxuta waqt li qed tipprova tfittixlu għajnejh. Kif se tgħidlu? Daħlet ġewwa warajh u kif se titlaq ilsnieha, għajnejha marru fuq il-frejm ta’ ħdejn it-televixin. Ma kienx aktar il-bordura għar-ritratt tiegħu u tagħha imqabbdin f’xulxin taħt l-Eiffel. Kien hemm stampa ta’ gazzetta, ta’ wieħed b’kowt twil iswed sportiv b’idejh mgħollija qed isellem.
U l-melodija u l-kliem ta’ I Want You Back for Good li daqqet ġurnata sħiħa, issa nstemgħu tant sfieqa.
Saturday, January 29, 2011
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment