Tuesday, January 11, 2011

Il-fattur Kenny Dalglish


Is-Sajf. Rafael Benitez telaq. Kien hemm min riedu jitlaq, kien hemm min kien assolutament kontra li jitlaq. Jien, ħassejtha inevitabbli. Mhux minħabba s-seba’ post. Minħabba li ħsibt li ma’ ċertu tip ta’ nies, Benitez qatt mhu se jaħdem. Dak li ssawwar bil-mod għal-sitt snin, issa ġġarraff. Għaliex iġġarraf? Għax kien hemm bomba tal-ħin, li tgħidlek li tibni kemm tibni fil-għoli u tuża arkitettura, jekk sa ċertu żmien ma tagħlaqx is-saqaf kollox jaqa’, u jibqgħu biss il-memorji u r-ritratti. Benitez iġġieled il-ġlieda t-tajba, l-ġlieda nobbli. Il-ġlieda nobbli mhux dejjem twasslek fejn jistħoqqlok jew fejn trid, għax din mhux ħrafa ta’ Esopu fejn l-umanità ħa titgħallem li t-tajjeb fl-aħħar mill-aħħar dejjem jirbaħ. Din hija r-realtà makabra, li issa waslet ankè fl-isport u fil-futbol.

It-Tazza tad-Dinja kompliet għaddejja. Ismijiet ta’ dak u tal-ieħor bdew joħorġu. Isem, Liverpool Football Club x’aktarx ankè ssemma’ fuq l-ewwel paġna tal-Financial Times. L-imħatra ta’ Hicks u Gillett, li l-klabb kapaċi jrendi biżżejjed biex jitħallsu l-imgħaxijiet ta’ fuq hiex issellfu ħa jsir tagħhom beda jidher fil-beraħ il-ġenn tagħha. Immaġina, ixtri baqra mingħand raħħal. Ir-raħħal bħal David Moores jieħu l-flus u jitlaq ‘l hemm. Il-flus imma ġibthom minn bank. Il-bank tħallsu billi trodd lura l-ħalib li se tieħu mill-baqra. Il-baqra imma tħallieha f’stalla maħmuġa u ma tgħalifhiex. Tippretendi xorta li tibqa’ ttik il-ħalib. Il-baqra qiegħda fuq għarrkubtejha. Ħalib mingħajr silla ma jiġix. Il-bank qed joqmos. Min għandu għal qalbu l-annimali, jibda joqmos għax ma jiflaħx jara iżjed. Xi ħaġa trid issir u fil-fatt saret.

Sadattant, Roy Hogdson jinħatar manager ġdid. Ingliż li jidher ta’ ċertu integrità, u li għadu kif kellu staġun mill-aqwa fir-realtà relattiva ta’ Fulham Football Club. Klabb immexxi minn miljunarju, li ilu s-snin jipprova jieħu ċ-ċittadinanza Ingliża, u li jiġbed lejh tip ta’ partitarji li m’għandhomx eżattament tim tagħhom imma jħossuhom komdi jqattgħu nofs ta’ nhar ġewwa Craven Cottage, jaraw logħba tal-Premier League, darba iva u darba le. Roy Hogdson għandu ħafna ħbieb, stmat sew fil-LMA (League Managers Associaton), l-istess assoċċjazzjoni li hija parrokjalment Ingliża jew Brittanika meta jaqblilha u li vvutat lil Craig Burley bħala manager aħjar minn Gerard Houllier fis-sena 2001 meta dan tal-aħħar rebaħ tlett tazzi fi staġun wieħed. Ir-rebħ taċ-Champions League minn Rafael Benitez fis-sena 2005 ukoll ma mpressjonax wisq, għallinqas fil-voti li ngħataw biex jingħata il-manager tas-sena. Roy Hogdson x’aktarx ukoll jemmen li l-Gran Brittanja għadha imperu kbir, u li meta trid tista’ tikkmanda d-dinja kollha.

Huwa hawnhekk forsi kemm ħareġ biċ-ċar li Liverpool Football Club mhuwiex klabb sempliċiment Ingliż. Inħatar persuna minn Londra, imma wera kemm nies oħra minn postijiet ferm aktar ‘il bogħod ġeografikament fehmu ħafna aħjar il-kultura u ta’ kif jaħsibha s-support ta’ Liverpool. Hogdson kien qisu dak il-persuna bi trobbija ta’ accountant f’uffiċju żgħir li mar jaħdem fuq il-vapuri fil-baċiri, fejn normalment mhux se tħokk rasek f’liema kolonna se tpoġġi dak in-numru imma b’kemm se tweġġa’ mill-inqas waqt li tipprova tiwweldja. Il-fatt li stgħaġeb għax kienu qed isiru protesti mill-partitarji ta’ Liverpool kontra Hicks u Gillett huwa każ klassiku ta’ dan. Il-fatt li jara l-manager tar-rivali eterni tagħna bħala ħabib kbir huwa każ ieħor. L-għajta ‘Hogdson for England’, apparti li fiha l-umoriżmu tagħha, tfakkar fil-ħsieb li Liverpool tinsab fl-Ingilterra ġeografikament biss. Mur mal-Ingliżi, hawnhekk, fir-repubblika tagħna m’intix milqugħ. Int m’intiex wieħed minna.

Il-ħatra ta’ Kenny Dalglish ma tistax tkun aktar ta’ kuntrast mal-persuna ta’ Hogdson. Dalglish huwa Skoċċiż, li ssostitwixxa l-istilla ta’ dak iż-żmien Kevin Keegan. L-ismijiet Keegan u Dalglish imma rari joqgħodu fl-istess sentenza. Isem Dalglish huwa fuq pedestall għalih. Bħala plejer wera l-klassi tiegħu. Kellu teknika impekkabli fi żmien li s-saħħa kienet aktar meqjusa bħala virtu. U kellu rapport mal-Kop bħal kif ħadd ma kellu. Iċ-ċelebrazzjoni tiegħu wara li jiskurja kienet dik ta’ tbissima sħiħa u idejn miftuħa. Tbissima li tixgħel u li tgħidlek, jien naf li int qed hawn biex taħrab ftit il-ħajja ta’ kuljum, u issa jien u inti qegħdin f’dinja oħra għal ftit mumenti. U minn plejer ġie promoss għal manager, wara li Heysel kienet wisq għal Joe Fagan u rriżenja. U rebaħ l-unuri u feraħ u qabeż daqs il-plejers kull darba li nkiseb unur. Umbgħad kien hemm waqt Hillsborough. Attenda funeral wara funeral, u wera s-solidarjeta totali tiegħu mal-familji tal-vittmi. Ftit wara rriżenja għax il-pressjoni jew forsi aktar minn hekk l-effett ta’ Hillsborough kien issa laħaq il-qofol tiegħu u kellu jċedi. Dalglish għex l-agħar mumenti fl-istorja tal-klabb. L-attitudni tiegħu kienet xemgħa wenniesa għal min ġarrab fid-dlamijiet tat-tmeninijiet. U n-nies ta’ Liverpool qatt ma nsew din. Ħafna mill-plejers antiki, jew kważi kollha huma rispettati mill-Kop. Imma ftit għad għandhom isimhom jitkanta waqt kull logħba, bħal Dalglish. Dalglish għażel Merseyside bħala r-reġjun tad-dar tiegħu. Dalglish huwa Scouser addottat.

Personalment, Dalglish f’erbgħa u għoxrin siegħa biddilli attitudni ta’ indifferenza għal-logħba l-kbira tal-Ħadd għal entużjażmu u stennija. Id-differenza fil-ħdax –il plejer li niżlu jirrapreżentaw lil Liverpool dehret. Fl-istess ħin, ħadd ma stenna mirakli. Għax nafu li mirakli ma jiġrux. Imma reġa’ njetta fis-support u l-pubbliku dik ir-rispett lejna nnifisna u fakkarna li aħna parti minn istituzzjoni, li trid tkun fiha biex tifimha. Rajna telfa fl-ewwel logħba tiegħu kontra xi ħadd li nobgħodu, u ħriġna nittamaw fil-futur mingħajr togħma morra, għax ir-riżultat kien sekondarju. Kenny Dalglish jikkmanda rispett. Il-plejers jafu issa li m’għandhomx aktar fejn jistaħbew. Il-Kop mhux se jitfa’ l-ħtija fuq il-manager faċilment. Anzi. Quddiemhom għandhom persuna li għamel ħafna aktar minnhom, u ta’ dan għadu jitħallas billi jinfetaħ tapit aħmar quddiemu minn fejn kull jimxi. Ma qalax miljuni daqshom, imma għadu jiġbor l-interessi sal-ġurnata tal-lum talli ta parti minn ħajtu lejn dan il-klabb.

Iż-żmien li għamel barra mil-logħba jista’ jaħdem kontrih. Il-bogħod minn Liverpool ftit għamel suċċess. Imma il-bogħod mid-dar hawn ħafna li ma jħossuhomx l-istess. X’aktarx hawn min qed jgħajjarna sempliċiment romantiċi. Imma l-futbol mingħajr romantiċità x’inhu? L-ebda intrapriża ma tbiegħ prodott li ma jagħtix sodisfazzjon. Imma Anfield se jibqa’ jimtelà logħba wara logħba sa Mejju, għax hemm wieħed minn tagħna fuq is-siġġu l-kbir u naraw il-logħba mhux b’għażla imma għax ma nafux mod ieħor.

No comments: