Sunday, March 20, 2011

Għaxar mili f'Ħad Dingli

Iltqajna quddiem il-monument ta’ Francis Ebejer. Ebejer, bħal dejjem qiegħed bil-qiegħda. Imma llum ma ġejniex hawn biex noqogħdu bil-qiegħda. Ġejna biex niġru għaxar mili f’Ħad Dingli. U la qegħdin f’Ħad Dingli se nkunu qrib il-Buskett. Imma llum San Ġużepp u mhux l-Imnarja, u moħħi mistrieħ li mhux se jkun hawn folol joħonqu kull m’hawn u aktar minn hekk, la qegħdin quddiem Ebejer stess ta’ min jiftakar li llum mhuwiex żmien il-qtil.
Il-fatt li r-rotta hija mkejjla bil-mili minflok bil-kilometri, ttiha laqta aktar robusta. U llum fil-għodu, t-temp huwa ħafna robust aktar mill-aħħar jumejn, bi sħab f’temperament li jiddomina s-sema u ma jċedix pulzier lix-xemx, u l-elevazzjoni ta’ Ħad Dingli trendi l-arja dik il-ħarira aktar kiesħa minn postijiet oħra.

Bħas-soltu qiegħed kmieni. Hawn ovvjament ħafna anqas nies minn tlett ġimgħat ilu, jum il-maratona. Hawn erba’ wċuh li issa qed isiru familjari, f’ritwal personali ta’ tħejjija għal qabel jiġi sparat il-bidu tat-tellieqa. Illum min qiegħed hawn, qiegħed hawn għax l-isport umli tal-ġiri qiegħed f’demmu, aktar milli għall-okkażjoni.
Id-disgħa issa kważi se jdoqqu, u kulħadd qed isib postu fil-folla ċkejkna. Tlieta, tnejn u spara. Għafast l-arloġġ u tlaqt. Florence and The Machine reġgħet intgħażlet għal widnejja għall-ewwel parti tat-tellieqa. Ftit ftit il-folla qed titferrex u ta’ quddiem qed jattakkaw il-miftuħ ta’ quddiemhom. Jien qed nipprova nsib ftit spazju komdu biex inmattar saqajja kif nixtieq u ngħaġġel il-pass mingħajr ma nidħol f’ta’ quddiemi. L-eċitament tal-bidu u l-ewwel sforzi qed jiskomodawni xi ftit u qisni għadni ma ntunajtx lili nnifsi sew. Imma mal-ħin insib lili nnifsi sew u nieħu pjaċir bl-arja nadifa ta’ hawn fuq. L-unika ħaġa mhux nadifa hawnhekk hija l-ilma minn ftit xita li għamlet ftit ilu u nġema’ f’xi ħofra ‘l hemm u ‘l hawn.

Kilometru għadda u erba’ minuti u nofs għaddew miegħu. Il-ħin ikompli għaddej, numru wara numru, u jien għaddej pass wara pass, kultant iġagħlni niġġebbed iżjed hu stess, drabi oħra, xi ħadd li nzerta qiegħed quddiemi u li nitħajjar naqbeż u jirnexxieli. Imma issa li qbiżtu, rrid niġġustifika lili nnifsi u naqta’ bi snieni aktar u nibqa’ hemm quddiemu. U kultant jiġi xi ħadd minn wara u jiġġustifika postu quddiemi bl-istess mod li nagħmel jien.
Il-mili għaddejin, u issa baqa’ anqas milli għamilt. Florence and the Machine waqfet qabli u allura f’dan l-ambjent rurali nagħzel il-mużika li kultant naħsibha għana ta’ Gogol Bordello. It-toroq jew aħjar il-mogħdijiet ifakkruni aktar f’xi trekk milli fit-traġitt lejn ix-xogħol bħal kif ġara tlett ġimgħat ilu. Fuq ix-xellug tiegħi ħdura, fuq il-lemin l-istess u issa faċċata jidher l-ikħal tal-baħar li llum jidher tant kalm minkejja t-temp kemmxejn ikrah. Forsi bħali, għaraq ħiereġ minni imma hemm serenità li l-ġiri tant jaf joffri. Filfla issa tidher u minkejja li l-finishing line ma jidhirx naf li wasalt fl-aħħar. Qalbi qed tħabbat u jien insabbat saqajja b’aktar saħħa kontra l-asfalt biex negħleb li għandi f’moħħi. L-aħħar ftit metri, nagħfas l-arloġġ u nsib il-preċiżi 1:20:00 quddiemi. Nitbissem ftit, nieħu ftit nifs il-barra u nħares lejn il-midalja li sabet ruħha f’idejja.
Ġirja tajba. Ġurnata tajba.

Is-sempliċità timla mingħajr ma tgħajjat.

No comments: