
Daqs ħmistax ilu, ħaduli ritratt dritt stirat b’din l-istess uniformi li qiegħed nispjega u li nilbes tmien siegħat kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa. Bgħattu lil ommi f’nofs kartolina ma’ ftit flus li dejjem nibgħat biex forsi tlett ijiem fil-ġimgħa l-familja jkollha x’tiekol diċenti. Il-bieraħ ċempiltilha u qaltli li rċiviethom. Leħinha kien imriegħed aktar mis-soltu u qaltli li r-ritratt ferraħha aktar mill-flus. Qaltli li uriet ir-ritratt lill-ġirien kollha. Ħadd min-naħa tagħna qatt ma libes uniformi. Kelli nkun jien l-ewwel wieħed, u reġgħet tenniet kemm hi ferħana bija.
Ma, mhux kull ma jleqq hu deheb. U bħal din il-qmis li liebes, mhux kull ma hu abjad hu nadif.
Hawnhekk veru qed naqla’ l-ħobża tiegħi b’saqaf taħt rasi flok taħt xemx tgħanni. U hawn l-arja kkundizzjonata wkoll. Il-ħitan imma bojod u l-passatemp tiegħi hawn sar li ngħarrex għajnejja biex forsi niskopri girfa ‘l hemm u ‘l hawn fil-ħajt. Ftit ta’ differenza minflok dan l-abjad ċass li hawn. Hawnhekk ma nerfax u ma negħriqx għaraq lanqas. Il-ġlieda tiegħi mhux kontra l-piż tal-ixkejjer li kont inġorr waħda wara l-oħra imma kontra l-ħin, avolja arloġġ f’idi ma nilbisx. L-ixkejjer konna ngħinnu lil xulxin nerfgħu. Imma l-ħin ma nista’ nerfgħu ma’ ħadd. M’hawn xejn indifferenti iżjed mill-ħin. Effiċjenza perfetta mingħajr karattru ta’ xejn. Agħar mill-kafè bla togħma tal-magna t’hawn. Inteptep għajnejja u nifraħ li mela għaddiet sekonda oħra. Inħakkek rasi darbtjen u nifraħ li flok sekon

L-uniformi ma xtrajthiex. Tawhieli. Imma kelli nixtri ħadida tal-mogħdija. U kull fil-għaxija jkolli naħsilha. Kull fil-għodu ngħaddieha. U flok indendilha fi spalliera, nilbisha. (Qmis waħda għandi).
U flok inhossni li sirt nies, inħossni li sirt robot.
Qed nikkonforma aktar ma’ dal-pajjiż u hawn anqas nies iħarsuli bl-ikrah.
Barra jien meta nħares quddiem mera u nkun liebes l-uniformi.
Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Għal aktar ritratti partikolari tal-istess Francesca, agħfas hawn.
No comments:
Post a Comment