Sunday, June 12, 2011

Maktur f'rasi


Illum inżilt sal-belt. Mhux għax ridt imma għax kelli. Tiżra kemm tiżra, affarijiet kultant jonqsuk. U l-lista li għamilt imtliet, u kelli nagħmel li ma rridx. U nżilt il-belt. Ilbist il-flokk l-iswed li fih qisu ħafna sinjali griżi fuqu. Kien rigal. Domt ma ndunajt li t-tgeġwiġija tas-sinjali jagħmlu siġra. Naħseb kieku lanqas kont nilbsu. Ilu mal-għaxar snin għandi u nħallieh għall-belt biss.

It-tfal tat-tfal jgħidu li hawn ma tantx tista’ ssejħilha belt u li żgħira wisq. Imma jien hawn mitlufa aktar mill-aħħar nagħġa li kienet ntilfitilna u li konna sibna ġo ħofra titqabad biex titla’ u li żewġi kien salva, u li minn dakinhar ‘l hawn qatt ma tbegħdet minni aktar minn tlett passi kull meta mmur nirgħa. Jien hawn ma nitbiegħedx aktar minn tlett kantunieri mill-istejġ tal-linja.

Billi hawn qiegħda fil-belt ilbist il-ġiżirana u s-salib. Ma rridx intihom x’jifhmu li jien ma nemminx. U jekk xejn noħroġ is-salib ftit għall-arja għax ilu fil-kaxxa magħluq. Iċ-ċrieket f’subgħajja l-istess. Ilbisthom illum għax fl-għalqa ma nilbishomx, imma llum, hawn fil-belt, ma rridx nagħti lil min jaħseb li qatt ma nġbart. Jew agħar li m’għadniex ma’ żewġi. Ilbist l-arloġġ ukoll, għax għal tal-linja ma nistax nimxi bix-xemx biss, u jekk nitlef waħda, għandi siegħa oħra nistenna. U kull minuta hawn żejda. Għandi bżonn l-arja pura u l-ftuħ. Il-bini hawn il-fuq wisq, u hawn karozzi aktar milli għandi ngħaġ.

Ilbist il-maktur f’rasi dal-għodu. Nispera li għadu sew u li mhux jitla’ minn wara. Ix-xemx mhux taħraq wisq u lanqas hu riħ, imma xagħri telaqlu l-kulur u n-nies tal-belt iħarsu darbtejn meta jaraw ix-xagħar abjad.

U jien nippreferi daqqa ta’ bodbod bir-ras milli ħarsa żejda min-nies t’hawn.


Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari mill-istess Francesca jinsabu hawn.

No comments: