Thursday, November 20, 2014

Kommunikazzjoni mtextxta

Kien hemm qattus ċkejken pjuttost milgħub bilqiegħda fuq biċċa ċinta u hi mxiet lejh.  Tatu idha u hu mejjel għonqu.  Ma kienx bħal ħafna qtates imbaċċa bl-ikel ta’ Garfield suppervi li jitilqu ‘l hemm.  Irreċiproka l-affezzjoni.

Jien ħaffift il-pass.  Kont bil-ġuħ sew u minkejja li kull ma fejn tħares kien sabiħ, b’sema blu fuqna, baħar ikħal fuq il-lemin tagħna u blat selvaġġ fuq ix-xellug, in-nuqqas ta’ ikel fis-sistema li kien hekk għax ma ġibt xejn miegħi aktar milli għax jien xi artist u lest li mmut għall-prinċipju, kien qiegħed iċajpar kollox.

‘Inġibuh magħna?’
‘M’hemmx ċans.’
‘Taf li qed niċċajta.’
‘Taraw qattus tridu tmellsuh, dgħajsa tegħreq b’mijiet fil-Mediterran u dak tort tagħhom.’
‘Taf li jien mhux hekk.’

Il-jeans blu ċar u l-ġersi tas-suf ikħal maħdum bl-idejn ġej minn xi tlett ġenerazzjonijiet xi ftit wiesa’ u twil sa kważi nofs saqajha kien jaqbel ħafna max-xena.  ‘Il bogħod mill-konsumiżu, parti waħda man-natura, għajnejn koħol ċari.  Imma llum qiegħed ngħid hekk.  Dak il-mument rajt xi ħadd mingħajr stabilità ta’ xejn, tintilef fil-fsied.

Tlajna t-taraġ twil, twil, wieqaf.  Kont naf li għedt kelma żejda imma hi ma tatx wisq kas.  Naħseb kienet mitlufa wisq fil-ġenna tal-post biex tagħti kasi.

Wasalna għall-karozza u soqt, b’Moby fl-istereo.

‘Jogħġbok Moby?’
‘Iva, għandu element ta’ melankonija.’
‘U le.  Mela kollox melankoniku int?’
‘U ejja.’
‘Mmorru nieklu sushi wara li ngħaddu d-dar?’
‘Tajjeb għalik, tajjeb għalija.’

Wasalna d-dar bi ftit larinġ qares f’idejja u ġbejna f’idejha.  Ħadet grazzja mal-ġbejniet u s-subkonxju qalli biex inpatti għal dik il-kelma żejda.

‘Tibda tlesti int ma jmurx jispiċċa l-misħun?’
‘M’għandiex għalfejn inlesti, hekk ġejja, mhux vaganza qiegħda!’
‘Sejrin f’post mhux ħażin.  Kulħadd ikun liebes ftit aħjar minn hekk.’

Il-ħarsa lura qalet kollox.  Esklamazzjoni b’mistoqsija li dwiet li ħallietni nifli ż-żarbun ta’ saqajha għax ma stajtx inħares lejn għajnejha jew għallinqas wiċċha.

‘Qed ngħidlek biex tkun taf kif jilbsu hawn.  Ma rridekx tħossok barra minn postok.’

Kont naħseb qisni student minn Hong Kong li jiftaħ umbrella meta ra pulizija joħroġ il-lembuba għalih.

Jien inħsilt, biddilt sew, soqt fi kważi silenzju, u rrealizzajt li jien bħal din il-blata nnifisha.  Trid tilqa’ t-turisti għax taf li mingħajrhom ir-rota ma ddurx, imma essenzjalment kburija li m’hijiex kolonja.

Wasal l-ikel, wiċċi naħseb beda jieħu ftit aktar kulur, hi kielet daqs għasfur u pespset erba’ kelmiet.

Spiċċajna l-fiera tal-ktieb, fejn min jaf kemm –il miljun kelma kien hemm, stampata fuq karti, silenzjużi jistennew min iħares lejhom, jinqraw waħda wara l-oħra.  Hemm min se jogħmodhom, hemm min se jobżoqhom, hemm min se jistordi jħares lejhom. 

Miljun kelma, triljuni ta’ interpretazzjonijiet.

L-għada sebaħ.  Il-kolazzjon tlesta minni u tlaqna lejn l-ajruport, fejn bħal għasfur kienet se ttir lura lejn il-bejta tagħha, tħalli warajha l-bejta tiegħi fejn issa stajt mill-ġdid niftaħ ġwienħajja kollha.


Saturday, July 19, 2014

Xagħar u sajd


Filgħodu.  Mort għand tax-xagħar.  Poġġejt bil-qiegħda fuq is-sufan.  Kien hemm erba’ rivisti.  Kienu antiki.  Kien hemm ħafna tpaċpiċ.  Kien fuq stejjer li ilni naf bihom.  L-istess bħall-istejjer fuq ir-rivisti.  Cheryl Cole tal-Girls Aloud m’għadiex ma’ Ashley Cole skont il-Hello.  Skont ta’ ħdejja, das-sajf mhux daqshekk qalil.

Domt hemm.  Is-soltu.  Il-kafè li darba kienet toffri m’għadiex toffrieh.  Ma jidhirlix li għola minn dak iż-żmien ‘l hawn.  Naħseb aktar kwistjoni ta’ ħela ta’ ħin biex tagħmlu.  Difrejja bħalissa foloz u ma kelliex x’ingerrem.  Infaħt bil-pulit.

Imma għallinqas żebgħatli xagħri sew, kif xtaqt.  L-iswed ħareġ ħafna u meta ħarist lejn il-mera ħadt pjaċir b’li rajt.  Meta ħarist biċ-ċiera lejn il-mera x-xagħar ħareġ l-effett li ridt aktar.  Dik ta’ Lara Croft.

Filgħaxija.  Ġejna sal-baħar.  Ma nistax ngħum.  Jekk ngħum nimla l-baħar bl-iswed, bħal qarnita li għada kif qalgħet daqqa ta’ ganċ minn bugħaddas.  L-għarus iħobb jistad.  Dejjem iġib aktar minn qasba waħda.  Dejjem ingerger fuq hekk.  Imma llum tani għal waħda.  Tani li nistad.  U li s-soltu jkun żejjed illum ġie ta’ użu.  Poġġejt is-siġġu ftit ‘il bogħod minnu għax hu ħdejh iżomm il-ġobon tal-ħut u jdejjaqni.

Imma qiegħda ninnutah.  Qed iwaddab qrib ix-xlief tiegħi xorta.  Qgħadt ‘il bogħod minnu ma ħax għalih.

Hawnhekk għallinqas m’hawnx wisq nies.  U min hawn, mhux min jafni.  Kieku naħseb nistħi ftit.  M’hawnx paroli bħal għand tax-xagħar.  M’hawnx rivisti lanqas.  Lanqas mirja.

Imma l-baħar ċar biżżejjed biex nara persunti fih u nimmaġina li rrid kif qiegħda nidher.


Il-qasba tidher qisha lanza.


Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi għar-ritratt li inspiraw dawn l-erba' kelmiet.

Sunday, March 30, 2014

Erba' staġuni

Niftakar kienet għaddiet għalija hi.  Mill-ewwel għarfitni.  Illum ma tantx hemm biżgħa li ma tiltaqax.  Sempliċi messaġġ fuq il-mobajl jew l-aktar l-aktar ċempila minn fuq l-istess mobajl u tkun tista’ tispjega eżatt fejn inti.

Hekk kif dħalt fil-karozza b’dahari lejha u idejja għadhom ‘l barra jqattru l-ilma tax-xita minn fuq l-umbrella biex ma nħammiġiliex il-karozza, lissnitli, ‘Hi!’  Ftit sekondi wara, ‘Qlajna x-xita.’
‘Hekk hu,’ weġibtha.  ‘Kollox irid ikun,’ żidtilha.  ‘Is-sena sabiħa bl-erba’ staġuni li huma.’

Wiċċha kien kemmxejn imqarras u xufftejha imġebbdin daqs il-lasktu tal-wajpers li bdew jippruvaw ilaħħqu max-xita bla hedu.  Id-differenza kienet biss il-kulur.  Il-lasktu iswed, xufftejha fl-aħmar.
Għandu jkun min irid ibiegħ iħobb juża l-aħmar.  Ħu minn dawk l-iskrins bil-kliem jimxi jgħidulek l-aħħar offerta tal-ħanut jew tal-gabbana u ara hux dejjem ikun ħomor fuq l-iswed.

Il-vjaġġ jew aħjar ir-rikba ma damitx aktar minn żewġ minuti.  Bejn wieħed u ieħor kont naf fejn irridu mmorru.  It-trejqa eżatt li ma kontx naf u għalhekk ftehemna li tgħaddi għalija fit-triq prinċipali. 
Apparti fuq l-istaġuni m’għedna xejn aktar, tal-anqas bis-sugu jew li niftakar. 

Ipparkjat, tlajna nofs sular taraġ, li ovvjament kienu jiżolqu u dħalna fil-kenn tal-komun.
Ma tatniex ċans nibda tiela’ t-taraġ li ma għafsitx il-buttuna tal-lift.  Kien diġa isfel, infetaħ il-bieb għafset in-numru tnejn u tlajna.

‘Dan perfett għalik,’ qaltli ftit sekondi wara li fetħet il-bieb u xegħlet il-bozza.
Jien għammixt għajnejja, bejn għax id-dawl qawwi wara l-oskurità tal-lift kien għoddu ħasad għajnejja u bejn għax din l-istqarrija hekk qawwija ħasdet lil widnejja.

‘Għaliex?’ dħakt lura.
‘Tħobb l-erba’ staġuni u leali lejn l-istaġuni inti, le?’
‘Iva’ weġibtha kważi f’forma ta’ mistoqsija.
‘Dan fix-xitwa kiesaħ ħafna għax ilu vojt u fis-sajf billi bejt biss hemm fuqek ix-xemx taħkmu sew u sħun ħafna.’
Gdimt ilsieni u tkerraht.
Hi għolliet is-suf t’għajnejha u hemżitni.
‘Bil-battibekki ma tbiegħx,’ hemiżt jien din id-darba.


Kelli nimxi lura lejn il-karozza fix-xita.

Thursday, March 6, 2014

Refuġjat



Meta nhar il-Ħadd, 23 ta’ Frar, Ibrahim Hussen Sudaniż ta’ dixxidenza Eritrejana rebaħ in-Nofs Maratona ta’ Malta b’ħin mill-isbaħ ta’ siegħa u għaxar minuti, il-medja Maltija kollha ddeskriviet lil dan l-atleta bħala ‘refuġjat’.

Il-kelma ‘refuġjat’ rarament tintuża kemm fuq il-medja Maltija u kemm fit-toroq Maltin.  Forsi ma tintużax fit-toroq Maltin għax rarament tintuża fil-medja Maltija, u daqstant ieħor tista’ tgħid li rarament tintuża fil-medja Maltija għax rarament tintuża fit-toroq Maltin.  Bħas-soltu qegħdin f’sitwazzjoni ta’ min ġie l-ewwel – it-tiġieġa jew il-bajda?  Jekk hux każ li l-medja Maltija tistax teduka aħjar lill-pubbliku Malti, hija storja oħra.

Fil-fatt gazzetti progressivi għandhom policy li ma jużawx per eżempju t-terminu ‘immigranti llegali’ imma ‘immigranti rregolari’.  Il-kelma klandestini hija assolutament projbita.  Fil-fatt, assolutament ma tagħmilx sens li tintuża l-kelma ‘klandestin’, daqskemm ma tagħmilx sens li ssejjaħ persuna ‘ħalliel’ għax ħabbatlek il-bieb fis-satra tal-lejl, ankè jekk inti m’intix lest tilqgħu u m’għandekx pjaċir bih.  Persuni li jaslu b’dgħajsa f’Malta, ma jippruvawx jidħlu f’Malta bil-moħbi imma jkunu qegħdin iħabbtu l-bieb tal-gvern Malti biex jingħataw ażil.  Biss din il-kelma mhux l-ewwel darba li rajnieha tinkiteb jew smajnieha tinqara.  Anzi.

Teknikament skont il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tal-1951 ‘refuġjat’ huwa persuna li għandu dan l-istatus minħabba li għandu bżonn protezzjoni internazzjonali minħabba biża’ li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza, reliġjon, nazzjonalita tiegħu, minħabba li jagħmel parti minn xi grupp partikulari soċjali, għandu xi opinjoni politika partikolari, huwa barra mill-pajjiż tan-nazzjonalita tiegħu, u għalhekk minħabba dawn il-biżgħat ma jistax iserraħ fuq pajjiżu stess li jista’ jipproteġih.

Fil-każ ta’ Ibrahim, minkejja li huwa mwieled is-Sudan, wieħed mill-pajjiżi li għandu l-akbar numru ta’ refuġjati fid-dinja, u bata minn persekuzzjoni minħabba li għandu ġenituri Eritrejani, u għalhekk ma għandu ebda dokument, ma ngħatax l-istatus ta’ refuġjat mill-Gvern Malti imma biss dak ta’ ‘protezzjoni sussidjata’, u għalhekk jibbenefika minn anqas drittijiet minn refuġjat.

Għalhekk nistgħu ngħidu li l-medja Maltija hija żbaljata meta użat il-kelma ‘refuġjat’.

Il-kelma ‘refuġjat’ intużat f’dan il-każ għax Ibrahim Hussen għamel bravura, għalhekk kien jaqbel lill-medja Maltija li ssejaħlu hekk.  Fil-fatt apparti milli għamel bravura, Ibrahim bħal ħafna persuni li qegħdin fl-istess baħar tiegħu kkontribwixxa lejn Malta – f’dan il-każ billi għolla l-livell tal-atletika Maltija.  Jiena personali, bħala Malti li nħobb l-atletika Maltija u li ħadt sehem fl-istess tellieqa li rebaħ Ibrahim, inħossni onorat li ġrejt fil-passi tiegħu.

Forsi wkoll nistgħu ngħidu x’differenza tagħmel kif insejjħu lil nies bħal Ibrahim.  Fil-fatt tagħmel ħafna differenza u turi l-attitudni li għandna lejn dawn in-nies.  Ilum il-ġurnata s-soċjetà Maltija mmaturat biżżejjed biex nies li għandhom xi nuqqasijiet fiżiċi ssejħilhom bħala ‘persuni b’diżabilità’.  Dan juri l-mod differenti kif inħarsu lejhom.  Fil-passat dawn in-nies konna naħbuhom u nsejħulhom bi kliem differenti.  Fil-fatt x’konna nsejħulhom qabel illum huwa meqjus bħala kliem dispreġġjattiv.


Nittama u nispera li ‘l quddiem xi kliem li jintużaw fuq nies minn pajjiżi mhux tagħna li jiġu hawn għal-ażil jitlaq mill-vokabularju tagħna, għax hemmhekk jirrifletti l-bidla fl-attitudni tagħna, l-mod ta’ kif naħsbuha, u ta’ kif aħna lesti li nilqgħu u nintegraw ma’ dawn il-persuni li jiena nemmen jistgħu jikkontribwixxu lejn Malta kemm kulturalment, ekonomikament u bħal f’dan il-każ partikolari ta’ Ibrahim sportivament.

**********

Refugee



When on Sunday, 23rd February, Ibrahim Hussen, a Sudanese of Eritrean parents won the Maltese Half Marathon with the impressive time of 1 hour, 10 minutes, all the Maltese media called this athlete a ‘refugee’.

The word ‘refugee’ is rarely used both on the Maltese media and the Maltese streets.  Maybe it is hardly used on the Maltese streets since it is rarely used on the Maltese media.  However it can be equally argued that such a term is rarely used on the Maltese streets since it is rarely used on the Maltese media.  As is many times the case, here we find ourselves in the chicken and egg dilemma.  Who came first – the chicken or the egg?  Whether it is a case that the Maltese media is duty bound to educate better the Maltese public, is another argument.

In fact progressive media houses have the policy of not using the term ‘illegal immigrant, (since how can a person be illegal?) but use the term ‘irregular immigrant’.  ‘Clandestine’ is absolutely prohibited.   Reality is that the word ‘clandestine’, apart from being politically incorrect is also intrinsically wrong, as much as it is wrong to call someone a ‘thief’ or ‘robber’ if he knocks on your door in the middle of the night asking for something.  Even if you are not prepared to welcome him, even if you see him as a hindrance and even if maybe he or she lost you your beauty sleep.

Persons that arrive in Malta on a boat, are not trying to enter the island behind closed doors or through windows but are simply knocking on the island’s doors asking for asylum.  However, unfortunately the term ‘clandestine’ does get used on the Maltese media, and even more so on the Maltese streets.

Technically, the 1951 United Nations Convention Relating to the Status of Refugees define a refugee as ‘[A]ny person who: owing to a well-founded fear of being persecuted for reasons of race, religion, nationality, membership of a particular social group, or political opinion, is outside the country of his nationality, and is unable to or, owing to such fear, is unwilling to avail himself of the protection of that country".

In Ibrahim’s case, even though he is born in Sudan, one of the countries with the biggest number of refugees all over the world, and has suffered from persecution due to having Eritrean parents and thus have no official document, has not been actually given the status of a ‘refugee’ from the Maltese government but only that of ‘subsidiary protection’.  Such a status is deemed as lesser than that of a ‘refugee’ and allows one for lesser rights.

Therefore we can say that the Maltese media is incorrect when in this particular case has used the term ‘refugee’.  The term ‘refugee’ was used in such a case because Ibrahim Hussen did something impressive, and it suited the Maltese media to call him so.  Ibrahim like many other who are in the same situation as him has contributed towards Malta – in this case by increasing the level of Maltese athletics and sports in general.  Personally, as a Maltese who loves Maltese athletics and was running the same race feel honoured that I ran in his own footprints.

Maybe some would say that it doesn’t matter how we call such people.  I beg to differ since the way we call them and which terms we use uncover our attitude towards such people.  Nowadays, the Maltese society has matured enough to call people with physical shortcomings as ‘disabled’.  In fact what we used to call them in the past is rightly frowned upon and deemed as insulting.

Hopefully, in the future some words or terms that we use on people who were not born on the same island as us and came on boats looking for asylum will disappear from our vocabulary.  This will reflect a change in our attitude towards such people, the way we think about such people, and ultimately the way we are prepared to welcome them and are prepared to integrate them in our society.  I firmly believe that these people are able to contribute towards our island culturally and economically.  And as is this particular case of Ibrahim, through the beautiful world of sport.

Saturday, December 28, 2013

Ħamiema



M’iniex bajda u għalhekk ma naħsibx li nista’ nitqies bħala simbolu ta’ paċi.  Waħda mill-griżi li ssib f’kull belt.  Ma nsaffarx.  Ma ngħanniex.  Inbarrak biss.  Ma nafx nibni bejta.  Fil-fatt insib il-kenn f’barumbara, minflok f’xi siġra.

Illum imma tlaqt mill-belt.  U minflok mort f’raħal.  Raħal li jidher antik u jaqbel mal-griż tiegħi imma jsejħulu ġdid.  Imtlejt bit-tama li forsi allura xi darba lili flok ħamiema jsejħuli verdun.  Jew aħjar li jistmawni ta’ wieħed.

Sibt ruħi f’dan il-bini kbir b’bitħa enormi f’nofsu.  Tieqa waħda ħdejn l-oħra.  Ċkejkna.  Daqs il-garżelli tal-pustiera li ħadu xogħol l-antenati tiegħi.

F’salt wieħed sibt ftit frak tal-ħobż u naqqart.  Min kien ġewwa kellimni.  B’lingwa li ma tinftiehemx.  Jien tajt żewġ daqqiet b’rasi.  Wara ġie xi ħadd ieħor.  Ma kellimniex.  Kellem lil min kien qed ikellimni.  Din id-darba fhimtu.  Qallu li jien qed ngħatti ‘l ftit dawl li dieħel.


U tlaqt bil-kwiet bħal antenat li jaf li qed iġorr aħbar ħażina f’munqaru, imma li jaf li serraħ lil min bagħtu biha.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi tar-ritratt inspirattiv tiegħu.

Saturday, August 3, 2013

Għall-bejgħ



Xi darba kont dar.  Kont ta’ kenn.  Erba’ ħitan u saqaf.  B’bieb li jiftaħ biex jilqa’ lil min ġie minn barra.  Kemm lil xi barrani biex iżur, jew għal ta’ ġewwa stess li jien għalih kont bħall-ħobża ta’ kuljum.  Il-ħobża, l-ikel li jittiekel wara ġurnata ta’ ħidma, id-dar il-post fejn tmur wara l-istess ġurnata ta’ ħdima.  Il-ħobża l-kittla.  Jiena l-ispiritera.  Il-ħobża tintiehem aħjar fid-dar fejn m’hemmx bżonn tinqata’ dritta.
Il-bieb kien jingħalaq ukoll.  Wara ġurnata ta’ ħidma ta’ ġewwa riedu jingħalqu għalihom.  Riedu s-silenzju, li l-ħitan tiegħi kienu jagħtu bil-ġebel dobblu.  Għax ix-xemx sabiħa imma kemm se ddum tħares lejha dirett?  F’xi ħin trid id-dell jew anke d-dlam ħalli l-istess għajnejn li tpaxxew biha jistrieħu.

U l-ħitan servew ukoll biex l-argumenti jibqgħu hemm u ma joħorġux.  Bħax-xita li kienet tinżel u li kien jsorru fil-bir li hawn fil-bitħa.  Ta’ barra ma jidħolx, ta’ ġewwa ma joħroġx.

Illum m’għadniex dar.  Illum biċċa art li t-tlett aħwa għandhom ideat differenti ta’ min jista’ jsib kuntrattur l-ewwel.  Min jasal l-ewwel ħa jirbaħ perċentwal ikbar. 
Ma hemmx bżonn ninżebagħ bħal qabel.  Għax jien mhux bħal baqra li trid tinbiegħ għall-ħalib.  Imma bħal ħatba li aktar kemm issir irmied malajr aktar aħjar.



Ir-ritratt li nebbaħ din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi.  Għal darb'oħra grazzi minn qalbi Pawl.

Friday, April 5, 2013

Sinjal





Ħarist ‘il fuq bħas-soltu.  Ix-xemx għajjiena u ma għamitniex.  Is-sħab għattewha.  Imma mingħajr wisq forza.  Qishom qed jgħidulha illum mhux il-ġurnata tiegħek imma billi tittawwal ftit mhux se niġġieldu.  U s-sħab baqa’ bajdani, qisu s-suf ta’ nagħġa li marret tirgħa fil-wied u wara li meliet żaqqha ħadet ħsieb li tinżel ftit fl-ilma titlaħlaħ ħalli r-raħħal jtaptpilha ftit rasha b’ċertu ġentilezza u jgħidilha, ‘imma inti kif qatt ma titħammeġ?’

L-enormita ġġiegħlni tħossni żgħir bħal meta nħares lejn il-baħar.  Imma hemm fuq m’hemm interrozjoni ta’ xejn.  M’hemmx blat fejn l-ilma jiltaqa’ u jwaqqaf il-mewġ.  Lanqas irziezet tal-ħut li jtappnu ftit il-veduta.  Hemm baħħ u minimaliżmu li jimla kollox fl-istess ħin.

Imma issa qed nara sinjal jaqta’.  Imma das-sinjal mhux bħal meta tagħmlu fuq ħġieġa, fuq injama, fuq karta, fuq wiċċek jew jagħmluhulek f’qalbek.  Dan daqt jisfa fix-xejn u taf jien biss qed narah bħalissa.  Qed ‘il fuq, ‘il fuq.  Ma naħsibx li xogħol xi ajruplan tar-Ryanair li ma jmurx ‘il bogħod wisq.

Qed naħseb li x’aktarx xi ajruplan kbir, li se jaqbeż il-fruntieri Ewropej.  Min qed fih x’aktarx mhux japprezza fejn qiegħed.  Qiegħed bil-qegħda mitluf fi ħsibijietu, f’xi ktieb jew f’xi film li taf qed jarah aktar biex joqtol il-ħin milli għax irid jarah.  U ma jafx li l-vettura li qed fih qed iħalli s-sinjali warajh.

U se jaqsam minn pajjiż għall-ieħor u fejn se jieqaf mhux se jsaqsuh kif kien is-sħab hemm fuq, imma sempliċiment fejn hu l-passaport.


Dawn l-erba' kelmiet huma mnebbħa mir-ritratt ta' hawn fuq li għal darb'oħra huwa xogħol sieħbi Pawlu Mizzi.  Midjun lejk ħabib.