Kien hemm qattus ċkejken pjuttost milgħub bilqiegħda fuq
biċċa ċinta u hi mxiet lejh. Tatu idha u
hu mejjel għonqu. Ma kienx bħal ħafna
qtates imbaċċa bl-ikel ta’ Garfield suppervi li jitilqu ‘l hemm. Irreċiproka l-affezzjoni.
Jien ħaffift il-pass.
Kont bil-ġuħ sew u minkejja li kull ma fejn tħares kien sabiħ, b’sema
blu fuqna, baħar ikħal fuq il-lemin tagħna u blat selvaġġ fuq ix-xellug,
in-nuqqas ta’ ikel fis-sistema li kien hekk għax ma ġibt xejn miegħi aktar milli
għax jien xi artist u lest li mmut għall-prinċipju, kien qiegħed iċajpar
kollox.
‘Inġibuh magħna?’
‘M’hemmx ċans.’
‘Taf li qed niċċajta.’
‘Taraw qattus tridu tmellsuh, dgħajsa tegħreq b’mijiet
fil-Mediterran u dak tort tagħhom.’
‘Taf li jien mhux hekk.’
Il-jeans blu ċar u l-ġersi tas-suf ikħal maħdum bl-idejn
ġej minn xi tlett ġenerazzjonijiet xi ftit wiesa’ u twil sa kważi nofs saqajha kien
jaqbel ħafna max-xena. ‘Il bogħod
mill-konsumiżu, parti waħda man-natura, għajnejn koħol ċari. Imma llum qiegħed ngħid hekk. Dak il-mument rajt xi ħadd mingħajr stabilità ta’ xejn, tintilef fil-fsied.
Tlajna t-taraġ twil, twil, wieqaf. Kont naf li għedt kelma żejda imma hi ma tatx
wisq kas. Naħseb kienet mitlufa wisq
fil-ġenna tal-post biex tagħti kasi.
Wasalna għall-karozza u soqt, b’Moby fl-istereo.
‘Jogħġbok Moby?’
‘Iva, għandu element ta’ melankonija.’
‘U le. Mela kollox
melankoniku int?’
‘U ejja.’
‘Mmorru nieklu sushi wara li ngħaddu d-dar?’
‘Tajjeb għalik, tajjeb għalija.’
Wasalna d-dar bi ftit larinġ qares f’idejja u ġbejna
f’idejha. Ħadet grazzja mal-ġbejniet u
s-subkonxju qalli biex inpatti għal dik il-kelma żejda.
‘Tibda tlesti int ma jmurx jispiċċa l-misħun?’
‘M’għandiex għalfejn inlesti, hekk ġejja, mhux vaganza
qiegħda!’
‘Sejrin f’post mhux ħażin. Kulħadd ikun liebes ftit aħjar minn hekk.’
Il-ħarsa lura qalet kollox. Esklamazzjoni b’mistoqsija li dwiet li
ħallietni nifli ż-żarbun ta’ saqajha għax ma stajtx inħares lejn għajnejha jew
għallinqas wiċċha.
‘Qed ngħidlek biex tkun taf kif jilbsu hawn. Ma rridekx tħossok barra minn postok.’
Kont naħseb qisni student minn Hong Kong li jiftaħ
umbrella meta ra pulizija joħroġ il-lembuba għalih.
Jien inħsilt, biddilt sew, soqt fi kważi silenzju, u
rrealizzajt li jien bħal din il-blata nnifisha.
Trid tilqa’ t-turisti għax taf li mingħajrhom ir-rota ma ddurx, imma
essenzjalment kburija li m’hijiex kolonja.
Wasal l-ikel, wiċċi naħseb beda jieħu ftit aktar kulur,
hi kielet daqs għasfur u pespset erba’ kelmiet.
Spiċċajna l-fiera tal-ktieb, fejn min jaf kemm –il miljun
kelma kien hemm, stampata fuq karti, silenzjużi jistennew min iħares lejhom,
jinqraw waħda wara l-oħra. Hemm min se
jogħmodhom, hemm min se jobżoqhom, hemm min se jistordi jħares lejhom.
Miljun kelma, triljuni ta’ interpretazzjonijiet.
L-għada sebaħ.
Il-kolazzjon tlesta minni u tlaqna lejn l-ajruport, fejn bħal għasfur
kienet se ttir lura lejn il-bejta tagħha, tħalli warajha l-bejta tiegħi fejn
issa stajt mill-ġdid niftaħ ġwienħajja kollha.
No comments:
Post a Comment