Monday, December 15, 2014

Memorja

Kien b’jeans blu li issa sar ċelesti, flokk kannella tal-Levi’s daqstant ċarat u l-imgħażqa f’idejh.  Dak il-flokk qisu kien kiber miegħu.  Naħseb kelli xi ħdax –il sena, u meta kont nara ‘Levi’s’ jew ‘Diesel’, għajnejja kienu jinfetħu daqskemm illum il-ġurnata qalbi tħabbat meta nkun qed niġri t-telgħa tas-Saqqajja.  Skont ommi, dak il-flokk kien xtrah meta kienu għadhom għarajjes, mingħand il-Moyga tal-Belt, ħanut li dak iż-żmien kien diġà jeżisti.  Kien x’aktarx jiswa ftit anqas minn ġurnata xogħol, u lili kien qed itini liċenzja biex meta jmiss nixtru flokk ieħor, nixtruh tad-ditta.  Ankè huma meta kienu żgħar riedu jkunu cool.

‘Li mhux tagħna ma mmissux.  Imma ara din it-tina.  Għandha l-fergħa qed taqbeż fuq il-biċċa tagħna, mela dik issa saret tagħna.  Hemm żewġ tiniet, mur aqtagħhom għal ommok.’

‘Qtajthom pa.  Taf kemm fiha bebbux mill-abjad dik it-tina.  Qed itaqqlu s-siġra, le?’
‘Hekk hu!’, tbissem.
‘Ħa naqla’ ftit biex ikolli biex nistad?’

Mhux li qatt kont wisq innamrat mal-qasba imma dak iż-żmien jista’ jkun li kien għad kif kont xtrajt qasba u moħħi kien għaddej f’furja ta’ sajd.  Il-Ħadd ta’ qabel kont għamilt siegħat fix-xemx nistad bil-ħobż imxarrab tant li filgħaxija nfraġt.  Li ma qbadt xejn kien għax ma kellix bebbux abjad.

Wara ftit ħin jaħsibha, qalli mur, imma biex ngħaddi kemm jista’ jkun mal-ħajt tas-sejjieħ biex ma ngħaffiġlux.

Fuq ir-raba missieri kien qisu ommi fuq id-dar, kemm jista’ jkun ma ngħaffġux.

‘Tagħmilli belgħa kafè?’, ftit wara li feġġejt b’landa bebbux abjad f’idi staqsieni.

Wara li ħallieni nidħol fl-għalqa tal-ġar, ma kontx stajt ngħidlu le.  Kont naf li għawweġ prinċipju għalija bħal li kieku Fidel Castro xtara flixkun Coca lil ibnu.

Għamilt il-kafè jew aħjar ferrajt mit-termos, u mxejt bih lejh.  Hekk kif rani, mingħajr ħsieb ta’ xejn waħħal l-imgħażqa fil-ħamrija, il-ġebla kbira li kienet isservi ta’ fruntiera bejnietna u l-ġar inbidlet f’magħqad, poġġa fuqha u fl-istess ħin qabad biċċa tuba żgħira li kważi beda jmelles.

Schengen kien ħafna ‘l bogħod dak iż-żmien, il-fruntieri kienu bis-suldati armati magħhom u l-barbed-wire msaddad kien normali fl-egħlieqi Maltin.

Għal missieri u l-ġar ġebla kienet biżżejjed.  Jekk xejn jinġabru l-bebbux wara l-ewwel xita.

2 comments:

Pawlu Mizzi said...

Kemm sbuhija!
Prosit JP!

jean paul said...

Grazzi mill-qalb, Pawl!