Friday, December 19, 2014

Daqshekk



Xemx tiżreġ, u l-uniku sħaba fuqna bajda daqs ir-ramel tal-grawnd ta’ taħt saqajna.  Il-ballun ġie f’saqajja, ftit baqa’ ħin biex immorru lura lejn iċ-ċella u nafu li min jiskorja se jirbaħ.  U min jirbaħ jiżfen. 

Qed nara l-ftuħ quddiemi, qed nara l-lasta tidher kbira, qed nara x–xibka tistedinni.  Sempliċi wisq din, ma nistax infalli.  Qed nimmaġina lil sħabi jgħannquni u wara jgħolluni fuq spallejhom.  Se niskorja dalwaqt.  Il-ħolma ta’ dal-lejl se ssir realtà.  Qalbi qiegħda tħabbat, aktar minn kemm ħabbat Ali b’idejh mal-ħajt waqt l-enneżmu ħmar il-lejl li kellu.

Qed ngħolli saqajja u se nixxutja b’kemm għandi saħħa.  Se nitlaq il-grillu.  Tlaqtu.

Ma nafx x’ġara.  Emminni li ma nafx.  Naf biss li l-ballun għola, u għola ‘l bogħod mil-lasta.  U minflok fix-xibka daħal fil-barbed wire li tant idarassni .  Il-ballun infaqa’.  Qed inħossni bħal meta l-aħħar flixkun ilma li kelli fuq id-dgħajsa żelaq minn idi u ntilef fil-baħar.

Sħabi m’huma jgħidu xejn.  Ta’ kontra qed jgħidu li ħxejthom.  Ballun wieħed kellna u issa ma baqa xejn.  Bħall-ħafna ħolm li kelli meta terraqt fid-deżert tas-Sahara spiċċa fix-xejn.  Kelli ċans niskorja, kelli ċans insir eroj imqar għal ftit minuti u ħarab.

Qed rasi f’idejja nisma’ d-dagħa kontrija.  Is-suldat issa ħareġ isaffar is-suffara biex kollha nidħlu lura.  Ikolli nkompli nikkontempla ġewwa.

Għadda l-lejl. 

Inbidel f’għodu.  L-għodu b’xi mod mexa.

Erġajna ħriġna hawn fil-grawnd imma u l-ħin qed jiġġebbed daqs il-barbed wire ma' kull rokna.

U hemm il-ballun fil-barbed wire qisu il-qamar kwinta jiddi fil-lejl li ridt nistaħba minn kollox u minn kulħadd.


xuttjajt bil-ħerqa
inkurunajt il-ballun
flok rasi bir-rand



Dan ir-ritratt huwa proprjetà ta’ Darrin Zammit Lupi u qiegħed jidher hawnhekk bil-permess ġentili tiegħu.  Dan ir-ritratt ukoll qiegħed jidher bħalissa fl-esebizzjoni mill-isbaħ Islelanders f’St James Cavalier, il-Belt Valletta.

Flimkien ma’ din l-esebizzjoni nħareġ il-ktieb bl-istess isem, li jista’ jinkiseb minn hawn.

No comments: