Ġimgħatejn ilu,
għedt li kien vjaġġ twil, imġebbed u li kien fih ħafna tidwir.
Illum, ġimgħa u
ftit wara li għaddiet it-tnedija tal-ktieb, ngħid, li l-vjaġġ wassal ħafna
aktar milli qatt pproponiet il-mappa. Kien
hemm mumenti meta kelli mappa f’idi imma ma kontx naf mnejn titla’ x-xemx jew
fejn hi t-tramuntana. Fl-aħħar
mill-aħħar il-mappa ntwiet u l-esperjenza espandiet. Jekk forsi kien hemm xi fruntieri, qbiżthom
mingħajr ma naf. Fruntiera wara kollox kull
ma hija illużjoni li sfortunatament issir realtà minn min għandu l-poter u
irid ibeżża’.
Irrealizzajt dan
kollu meta l-għada tat-tnedija, qtajtha li nagħmel passejn ħdejja u minflok
spiċċajt kilometri ‘l bogħod mid-dar.
Ħallejt ix-xemx ta’ April taħraq fuqi bil-mod u ttektikli ħsibijieti
bħal forn itektek dixx għaġin il-forn Ħadd filgħodu sħiħ sabiex ta’ fuq
iqarmeċ, u l-bqija jitbennen.
L-udjenza
fit-tnedija kienet meraviljuża.
Fis-siegħa ta’ qabel, ħassejtni kuntent nara n-nies ġejjin. Ħbieb, familjari, u nies li qatt ma
rajt. Is-sala kienet għoddha
mtliet. Kelma ‘l hemm u ‘l hawn
mal-udjenza u l-ħin gerbeb. Imma fi
x’ħin wasal biex jibda kollox, nammetti li ħassejt idejja jixxarbu ftit
bl-għaraq u bdejt nirrealizza li llum iċ-ċelebrazzjoni ta’ kollox.
Ħadt gost nisma’
kliemi moqrija minn Mireille, imma qalbi kienet qed tħabbat aktar milli meta
nkun qed noqrob il-barkun f’tellieqa.
Għall-ewwel
mistoqsija, kont bħal suldat li f’daqqa waħda xegħlu t-torċ f’għajnejh. Imma d-dawl malajr drajtu, għax wara kollox
kif jista’ fil-ħajja jdejqek id-dawl?
Stqarrejt li
aktar milli restrizzjoni waqt it-traduzzjoni ħassejt lealtà lejn il-kliem u
l-istejjer ta’ Suad Amiry. Kien ta’
obbligu għalija li noħroġ l-istejjer minn Ramallah kif inhuma, u ħadt pjaċir
nilgħab bil-kliem, ngħaqqad is-sentenzi ta’ din il-persuna li kienet b’xi mod
rebħet qalbi f’Ġnien il-Mistrieħ waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura.
Ħassejt hena nisma’ lil Suad titkellem fuq esperjenzi tagħha mill-ktieb stess u minn fejn kont nara l-udjenza minn daqqiet titbissem, drabi oħra tidħak, oħrajn titkerrah, bħal meta joqorsok xi ħadd jew jgħidlek minn xiex kellu jgħaddi.
Parti minni
tixtieq li dan kollu għadu ġej. Il-parti
l-oħra kuntenta li għexet dan il-vjaġġ, u li taf li l-persuna li jiena llum
mhux l-istess persuna ta’ ġimgħa ilu.
Kull inkontru jibdilna. Ċert li
kieku ma rajtx u smajt lil Suad Amiry fil-Festival Mediterranju kont nara
l-ktieb b’mod differenti. Ma naħsibx li
kien jgħaddili minn moħħi nittraduċieh, u nqatta’ tant jiem miegħu.
U hekk kif
it-Tnejn, mort insellem għall-aħħar darba lil Suad fl-ajruport irrealizzajt
kemm hi sempliċiment klixè li qatt
ma għandek tiltaqa’ ma’ eroj tiegħek.
Minflok diżappunt qed inħoss urġenza biex ngħix għal darba fil-qrib
Ramallah u l-inħawi. Meta, naraw aktar
tard.
No comments:
Post a Comment