Kien b’jeans blu li
issa sar ċelesti, flokk kannella tal-Levi’s daqstant ċarat u l-imgħażqa
f’idejh. Dak il-flokk qisu kien kiber
miegħu. Naħseb kelli xi ħdax –il sena, u
meta kont nara ‘Levi’s’ jew ‘Diesel’, għajnejja kienu jinfetħu daqskemm illum
il-ġurnata qalbi tħabbat meta nkun qed niġri t-telgħa tas-Saqqajja. Skont ommi, dak il-flokk kien xtrah meta
kienu għadhom għarajjes, mingħand il-Moyga tal-Belt, ħanut li dak iż-żmien kien
diġà jeżisti. Kien x’aktarx jiswa ftit
anqas minn ġurnata xogħol, u lili kien qed itini liċenzja biex meta jmiss
nixtru flokk ieħor, nixtruh tad-ditta.
Ankè huma meta kienu żgħar riedu jkunu cool.
‘Li mhux tagħna ma
mmissux. Imma ara din it-tina. Għandha l-fergħa qed taqbeż fuq il-biċċa
tagħna, mela dik issa saret tagħna. Hemm
żewġ tiniet, mur aqtagħhom għal ommok.’
‘Qtajthom pa. Taf kemm fiha bebbux mill-abjad dik it-tina. Qed itaqqlu s-siġra, le?’
‘Hekk hu!’, tbissem.
‘Ħa naqla’ ftit biex
ikolli biex nistad?’
Mhux li qatt kont
wisq innamrat mal-qasba imma dak iż-żmien jista’ jkun li kien għad kif kont
xtrajt qasba u moħħi kien għaddej f’furja ta’ sajd. Il-Ħadd ta’ qabel kont għamilt siegħat
fix-xemx nistad bil-ħobż imxarrab tant li filgħaxija nfraġt. Li ma qbadt xejn kien għax ma kellix bebbux
abjad.
Wara ftit ħin
jaħsibha, qalli mur, imma biex ngħaddi kemm jista’ jkun mal-ħajt tas-sejjieħ
biex ma ngħaffiġlux.
Fuq ir-raba missieri
kien qisu ommi fuq id-dar, kemm jista’ jkun ma ngħaffġux.
‘Tagħmilli belgħa
kafè?’, ftit wara li feġġejt b’landa bebbux abjad f’idi staqsieni.
Wara li ħallieni
nidħol fl-għalqa tal-ġar, ma kontx stajt ngħidlu le. Kont naf li għawweġ prinċipju għalija bħal li
kieku Fidel Castro xtara flixkun Coca lil ibnu.
Għamilt il-kafè jew
aħjar ferrajt mit-termos, u mxejt bih lejh.
Hekk kif rani, mingħajr ħsieb ta’ xejn waħħal l-imgħażqa fil-ħamrija,
il-ġebla kbira li kienet isservi ta’ fruntiera
bejnietna u l-ġar inbidlet f’magħqad, poġġa fuqha u fl-istess ħin qabad biċċa
tuba żgħira li kważi beda jmelles.
Schengen kien ħafna
‘l bogħod dak iż-żmien, il-fruntieri kienu bis-suldati armati magħhom u
l-barbed-wire msaddad kien normali fl-egħlieqi Maltin.
2 comments:
Kemm sbuhija!
Prosit JP!
Grazzi mill-qalb, Pawl!
Post a Comment