Hekk kif dħalt
fil-karozza b’dahari lejha u idejja għadhom ‘l barra jqattru l-ilma tax-xita
minn fuq l-umbrella biex ma nħammiġiliex il-karozza, lissnitli, ‘Hi!’ Ftit sekondi wara, ‘Qlajna x-xita.’
‘Hekk hu,’
weġibtha. ‘Kollox irid ikun,’
żidtilha. ‘Is-sena sabiħa bl-erba’
staġuni li huma.’
Wiċċha kien
kemmxejn imqarras u xufftejha imġebbdin daqs il-lasktu tal-wajpers li bdew
jippruvaw ilaħħqu max-xita bla hedu.
Id-differenza kienet biss il-kulur.
Il-lasktu iswed, xufftejha fl-aħmar.
Għandu jkun min irid
ibiegħ iħobb juża l-aħmar. Ħu minn dawk
l-iskrins bil-kliem jimxi jgħidulek l-aħħar offerta tal-ħanut jew tal-gabbana u
ara hux dejjem ikun ħomor fuq l-iswed.
Il-vjaġġ jew
aħjar ir-rikba ma damitx aktar minn żewġ minuti. Bejn wieħed u ieħor kont naf fejn irridu
mmorru. It-trejqa eżatt li ma kontx naf
u għalhekk ftehemna li tgħaddi għalija fit-triq prinċipali.
Apparti fuq
l-istaġuni m’għedna xejn aktar, tal-anqas bis-sugu jew li niftakar.
Ipparkjat, tlajna
nofs sular taraġ, li ovvjament kienu jiżolqu u dħalna fil-kenn tal-komun.
Ma tatniex ċans
nibda tiela’ t-taraġ li ma għafsitx il-buttuna tal-lift. Kien diġa isfel, infetaħ il-bieb għafset
in-numru tnejn u tlajna.
‘Dan perfett
għalik,’ qaltli ftit sekondi wara li fetħet il-bieb u xegħlet il-bozza.
Jien għammixt
għajnejja, bejn għax id-dawl qawwi wara l-oskurità tal-lift kien għoddu ħasad għajnejja u bejn għax din l-istqarrija hekk qawwija ħasdet lil widnejja.
‘Għaliex?’ dħakt
lura.
‘Tħobb l-erba’
staġuni u leali lejn l-istaġuni inti, le?’
‘Iva’ weġibtha
kważi f’forma ta’ mistoqsija.
‘Dan fix-xitwa
kiesaħ ħafna għax ilu vojt u fis-sajf billi bejt biss hemm fuqek ix-xemx taħkmu
sew u sħun ħafna.’
Gdimt ilsieni u
tkerraht.
Hi għolliet
is-suf t’għajnejha u hemżitni.
‘Bil-battibekki
ma tbiegħx,’ hemiżt jien din id-darba.
Kelli nimxi lura
lejn il-karozza fix-xita.
No comments:
Post a Comment