L-ewwel darba li mort kien il-Birgu, ġewwa l-Couvre Porte. Kont rajt xi ħaġa fuq Facebook, u qtajtha li mmur, minkejja li kelli nistaqsi fejn hu eżatt dan il-bieb ġewwa l-Birgu. Bħal ħafna bibien li nibxuni, jew forsi aħjar li rabbewli kuraġġ biżżejjed biex inħabbat, infetaħ, u aktar milli wiċċ interrogattiv b’kuritur dejjaq warajh kif kont qed nibża’ li se nsib, jew li mmaġinajt minħabba l-fruntieri li kultant intella’ ġewwa moħħi stess, sibt akkoljenza ġenwina.
Mal-merħba ħelwa,
dakinhar skoprejt ukoll li dan l-imsejjaħ bieb jagħti għal ġnien l-għaxqa
tiegħu.
Imma dakinhar
kont sibt ħafna aktar minn ġnien.
Fil-ġnien, kont
sibt il-maġija tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
Ħafna drabi l-imħuħ
inġenerali jippustjaw il-kelma festival fil-kexxun tal-mużika. Bħalissa għaddejin fi żmien fejn fis-sajf ikun
hawn mijiet ta’ festivals. Minn
Glastonbury għal Rock Werchter għal Primavera.
Il-letteratura tinstab biss fil-libreriji, fejn x’aktarx mimlija
għanqbut, miżbugħa bl-istess kulur isfar li kienu jinżebgħu bihom il-klassijiet
tal-primarja fit-tmeninijiet, u li fihom ma tistax titkellem ħlief taħt
l-ilsien mal-librar.
Dik il-lejla f’Awwissu
imma rrealizzajt li bħall-mużika, l-letteratura daqstant sabiħa tinqasam u
rreċtata minn fuq palk, ċkejken kemm hu ċkejken. Esperjenzajt l-interazzjoni bejn kittieb u
ieħor b’lingwi u kulturi differenti li flimkien sawwru xi ħaġa biex
tinqasam. Irrealizzajt li l-poeżija mhux
biss biex tiġi studjata, imma biex tinqara b’volum. Skoprejt id-dimensjoni li l-vuċi ta’ kittieb tista’
tagħti lil xogħlu lil hinn mill-qari tal-istess kliem fil-qalb.
Erġajt ġejt
imfakkar kemm ilsienna jaf ikun sabiħ u jdoqq fil-widnejn meta jiġi rrispettat.
Is-sena ta’ wara
ma kienx reġa’ sar fil-Couvre Porte, imma fi Ġnien il-Mistrieħ. Il-bieb issa kien infetaħ, is-silġ inkiser,
kif tista’ timmaġina f’xahar ta’ Awwissu Malti.
Din id-darba ma staqsejtx fejn, imma kienu saqajja li ħaduni hemm
waħedhom. Il-festival tas-sena, tiegħi, ma kellix bżonn naqbad ajruplan
għalih.
Tas-sena 2012 sar
speċjali għalija. Wara li smajt waħda
mill-kittieba tirrakonta fuq ħajjitha, li rnexxielha tinseġ b’ittri fuq ktieb,
din id-darba idejja qabdu l-keyboard
u dak li kitbet bl-Ingliż irnexxieli ninterpretah bil-Malti, sab ruħu fi ktieb, waqt li jien sibt ruħi
nwessa’ l-fruntieri u n-numru tal-ħbieb intimi.
Tas-sena 2012,
qisu l-ewwel festa tar-raħal li barrani nzerta ġewwa Malta u tħabbeb biżżejjed
magħha tant li llum il-ġurnata, fil-but għandu ċavetta li tiftaħ bieb f’nofs
il-Mediterran.
Sena wara oħra,
esperjenza tibni fuq oħra.
U fl-2015,
il-festival ma bediex f’Awwissu. Beda f’Mejju
meta l-moħħ ta’ wara dan il-festival bagħatli imejl jistaqsini jekk nixtieqx
inkun parti mit-tim ta’ Inizjamed li jtella’ kull sena l-festival. Kien qisu qed jistaqsi lil min ilu s-siegħat
jistenna taħt il-palk fl-ewwel filliera, jixtieqx għal ftit minuti jitla’ fuq
il-palk innifsu.
Għall-għaxar
festival, il-lokazzjoni nbidlet. Minn Ġnien il-Mistrieħ għall-Fortizza ta’ Sant’Iermu. Il-ġnien warrad, il-fortizza ngħatat
l-inkarigu li tkenni l-istess ward, u teżebihom quddiem il-baħar blu tal-Mediterran.
Il-kittieba
waslu, l-palk twaqqaf u jiem wara erġajt sibt ruħi fil-bitħa ta’ din
il-fortizza. Nieħu pjaċir nara n-nies ġejjin,
isaqsu għall-programm, u jidħlu fid-dinja li qed isawwru l-kittieba. Kultant b’ilsienhom, kultant bl-Ingliż,
kultant b’ilsienna.
Lejl wara lejl
għal tlett darbiet.
Fl-aħħar lejl,
wara l-encore tal-kittieba, minkejja l-ftit li tajt, ħassejt solljiev li kollox
għadda b’wiċċ il-ġid, ferħ li akkumula tul dawn it-tlett ijiem ta’ esperjenza
ta’ arti mżewwġa mal-iskoperta ta’ kittieba ġodda li għarrxuli widnejja u issa qed
jimlewli l-ixkafef, għajnejn xi ftit
forsi miksurin u tbissima.
Ritratt: Virginia Monteforte |
1 comment:
Prosit, Jean Paul! veru blog sabih u personali li jxerred is-sinjifikat tal-festival taghna - ko-operazzjoni u ghaqda tal-kelma litterarja bejn persuni ta' kulturi varji mill-Mediterran. B'dak li ghaddej madwarna bhalissa, it-tifsira tal-kelma poetika saret wisq aktar impenjattiva milli qatt qabel.
Post a Comment