Hisham Matar,
l-attur ta’ In a Country of Men u Anatomy of a Disapperance kien wieħed
mill-mistednin tal-Festival Mediterranju tal-Lettaratura ta’ Malta, li ttella’
fil-Fortizza ta’ Sant’Iermu minn Inizjamed.
Fortizza tista’
toffrilek kenn u tista’ tintimidak.
Fl-intervista tiegħu ma’ Albert Gatt, Hisham mela l-bitħa enormi tal-fortizza
bl-intellet tiegħu kull min kien hemm mhux
talli ħassu mkennen talli ma xtaqx joħroġ minn hemm. Il-kitba tiegħu kważi kważi mellisija. Kull kelma mirquma, waħda wara l-oħra,
jirriflettu l-mistoqsija eterna ta’ x’sar minn missieru, li jgħix.
Hisham huwa
mwieled New York. Il-ġenituri tiegħu
huma Libjani, u huwa jqis ruħu bħala Libjan.
Missieru kien dissident tar-reġim ta’ Gaddafi u ġie maħtuf snin ilu.
Wara li qrajt
it-tieni ktieb tiegħu, li forsi huwa anqas ċelebri imma aktar personali, ma stajtx
ma ngħix ftit aktar ħin miegħu billi nittraduċi l-ewwel kapitlu tiegħu.
Jiġuni ħinijiet
meta l-assenza ta’ missieri nħossha tqila daqs li kieku hemm tifel bilqiegħda
fuq sidri. Drabi oħra bilkemm niftakar
il-fattizzi ta’ wiċċu u jkolli noħroġ ir-ritratti tiegħu li nżomm f’envelop li
nżomm fil-kexxun tal-komodina ta’ mas-sodda.
M’għaddietx ġurnata minn meta għosfor bħal leħħa ta’ berqa f’ċirkustanzi
misterjużi li ma fittixtux, anke fl-aktar postijiet improbabbli. Kollox u
kulħadd, anke l-eżistenza nnifisha saret xbiha, possibilità ta’ xebh. Forsi din hija wara kollox id-definizzjoni
ta’ dik il-kelma qsajra u llum arkajka – eleġija.
Ma narahx
fil-mera, imma nħossu jiċċaqlaq, daqs li kieku qiegħed jieħu nifsijiet ‘il
ġewwa għax il-qmis bilkemm tiġih.
Missieri minn dejjem kien intimament misterjuż anke meta kien
preżenti. Kważi kważi, nista’ nimmaġina
kif stajna sirna llum, bħala tnejn adulti, ħbieb, imma fir-realta’ hemm xi ħaġa
nieqsa.
*****
Missieri għosfor
fl-1972, fil-bidu tal-vaganzi tal-Milied, meta kelli erbatax. Mona u jien konna qed noqogħdu fil-Montreux Palace, u dak il-ħin konna
qegħdin nieħdu l-kolazzjon fit-terazzin li jagħti għax- xmara Geneva, wiċċha
ikħal kemxejn ċar, fuq in-naħa ta’ fejn lil hinn mill-għoljiet li jdawwruha
hemm in-naħa battala tal-belt ta’ Geneva – jiena kelli tazza kbira ta’ larinġ
magħsur, u hija, te iswed għadu jagħli.
Niftakarni nħares lejn il-paragliders silenzjużi suspenduti fl-arja, fuq
ix-xmara nnifisha mingħajr l-iċken kurrent,
u hi ddawwar fil-paġni tat-Tribune
de Genève, meta f’salt wieħed għolliet idejha ma’ ħalqha u tregħdet.
Ftit minuti wara
konna fuq tren, bilkemm nitniffsu, ngħaddu l-gazzetta lil xulxin.
Mill-għassa
tal-pulizija ġbarna l-ftit affarijiet ta’ missieri li tħallew fuq
il-komodina. Meta ftaħt il-borża żgħira
tal-plastik stajt inxommu mat-tabakk u l-lighter. L-istess arloġġ li kien hemm
fil-borża huwa bħalissa mdawwar ma’ idi, u sal-lum, wara t-tant snin li
għaddew, meta nagħfas iċ-ċinga tal-ġilda ma’ mnifsejha jirnexxieli nxommu għal
sekonda.
*****
Illum il-ġurnata
nistaqsi lili nnifsi kemm l-istorja tiegħi kienet tkun differenti kieku idejn
Mona ma kienux sbieħ, u subgħajha ħoxnin.
Għadni sa issa,
tant snin wara, nisma’ l-istess frażi b’persistenza infantili, ‘Jien rajtha
l-ewwel,’ li dak iż-żmien kont inħossha toqmos bħal għafrid fuq ilsieni kull
meta kont naqbad lil missieri f’xi ġest ta’ pussess fuqha: subgħajh jogħdsu
f’xagħarha jew idejh fuq kuxxtejha, b’dik in-naturalezza ta’ xi ħadd li jmiss
widnejh f’nofs sentenza. Kien ukoll ħa
d-drawwiet tal-Punent li jżommilha idha, ibusha u jgħannaqha fil-pubbliku. Imma hu qatt ma seta’ jidħak bija, għax bħal
attur medjokri, dejjem kien jinħass inċert mill-azzjonijiet tiegħu. Meta kien jaqbadni nħares lejh, kien iħares
in-naħa l-oħra u naħlef li kont nara ħaddejh jieħdu l-kulur. Hekk kif niftakar kemm kien jipprova titla’
ġo fiha tenerezza sewdenija, għadni sa issa nfittex simpatija sempliċi u
mutwali ma’ missieri. Ir-relazzjoni
tagħna minn dejjem kellha nieqsa dak li minn dejjem kont nemmen li maż-żmien jsir
possibbli, forsi wara li sirt raġel jew wara li jiena stess insir missier: tip
ta’ emozzjoni elokwenti u faċli. Imma
llum il-ġurnata d-distanza ta’ bejnietna li ddettat l-interazzjonijiet ta’
bejnietna u qatgħet qasma silenzjuża bejnietna għadha tifformah fi ħsibijieti.
No comments:
Post a Comment