X’naqbad insejjaħ
lil Aylan al-Kurdi? Waqt li tarbija eżattament
ma kienx, tfajjel ma naħsibx li kien laħaq sar.
Forsi martri? Sfortunatament
lanqas.
L-isfortuna hija
li minkejja li r-ritratt jidher li qanqal ħafna rwieħ, għal xi raġuni qed ifakkarni
fl-Eritrejan Ashih Tekleab el Haile li salva student Franċiż mill-għarqa imma
fil-proċess tal-att erojku tiegħu bela’ biżżejjed ilma li r-ramel ta’ Paradise
Bay qatt ma reġa’ mexa iżjed fuqu, u l-istess ramel serva biss bħala sodda
għall-awtopsja tiegħu. Għal dik il-ġimgħa,
l-kelma ‘klandestini’ ġiet sostitwita għal ‘refuġjati’. Ma dametx wisq iżjed imma. Bħala ħafna tfal jew adulti li ma jafux
jieħdu ħsieb annimal, billi ttihom kelb bħala rigal għall-Milied, ġimgħa waħda
biss jagħmlu joħorġuh dawra.
Li kellu xi ħadd
ġej minn żmien ieħor jara r-ritratt ta’ Aylan mixħut minn tulu fuq ir-ramel b’wiċċu
lejn il-baħar x’aktarx jimmaġina li t-tifel qiegħed iħaffer fir-ramel biex jew
jibni xi kastell jew jipprova jsib il-qiegħ.
Biss bl-aħbarijiet li llum nisimgħu minn siegħa għall-oħra, dak li qabel
konna nqisuh bħala traġiku llum sar naturali. Kien hemm tifel ċkejken, li wara
li l-qoxra li kien fuqha għerqet, il-kurrent ġarru lejn ir-ramel ta’ xtajta li
tant tfal iħobbu, bi stonku mimli ilma mielaħ, b’qalb li ma baqgħetx tħabbat,
kiesaħ silġ. L-ambjent u ċ-ċirkustanzi
kompletament jagħġnu l-mod kif naħsbu.
Tant hu hekk li ftit xhur ilu meta tifla Sirjana f’kamp tar-refuġjati
l-ġmiel tagħha rat fotografu b’tromba mhux ħażin mhux biss ma tbissmitlux imma
tellgħet idejha ‘l fuq b’ġest ta’ rendiment lejn dak li ħasbet għandu arma tan-nar
f’idu.
Bl-istess
raġunament, issa li għandna idea ta’ minn xiex qegħdin jgħaddu dawn in-nies, se
nibdew inkunu aktar tolleranti, jew sempliċiment qegħdin nibku dmugħ
tal-kukkudrilli?
Bħal kif it-tifla
Sirjana Adi Hudea, kienet programmata biex kull min iħares darbtejn lejha ma
jagħmilx hekk għax jiggustaha imma għax irid jisparalha, jidher li ħafna minna
pprogrammati biex naċċettaw dak li huwa konvenzjonali. U l-konvenzjonali huwa li jekk xi ħadd ġej
minn barra, ġej biex joħdilna xogħlna, u biex jerdgħa mill-kaxxa tal-pajjiż. Inħossni mnixxef kif f’pajjiż Mediterranju
fejn tirrenja l-mentalità li l-istat qiegħed hemm biex jipprovdi, u li l-istess
kaxxa proverbjali m’għandiex qiegħ, li t-taxxi huma serq u għalhekk min jevadi
mhuwiex ħalliel imma sempliċiment xi ħadd li qed jevita ħalliel, il-poplu
taħarqu tant qalbu jekk nagħtu kontribut lejn min ħafna drabi ħarab gwerra.
Aktar u aktar
hija konfliġġenti meta konna mtellgħin biex ngħinu l-missjoni u naħseb nofs
Malta tirċievi l-Malta Missjunarja f’darha.
Biss forsi dak li darba qalet Madre Tereża jxejjen din il-konflitt, ‘Huwa faċli
li nħobbu lil min hu ‘l bogħod minna, imma mhux dejjem faċli li nħobbu li min
hu qribna.’
Eżempju ieħor tal-konvenzjonali
nsibuha fl-Istati Uniti fejn il-maġġoranza ta’ dawk li huma kompletament imbeżża’ mit-terroristi u li
jaħsbu li ħafna immigranti huma sempliċiment terroristi, u li jixtiequ jibnu
ħajt kbir mal-Messiku, huma dawk li huma assolutament kontra Obama li jabolixxi
l-pussess tal-armi tan-nar. Ir-realtà xxejjen
il-konvenzjonali għax l-istatistika turi li ħafna aktar nies jitilfu ħajjithom fi
sparaturi milli kaġun ta’ terroriżmu.
Realtà aktar
traġika minn din hija li b’mod ġenerali għandna politiċi li minflok li jaħsbu u
jqanqlu l-poplu biex jaħseb barra mill-kaxxa, huma stess huma mmexxija
mis-sentiment ta’ Ċikku u l-poplu. Minkejja
li l-istess prim ministru li sa sentejn ilu daħħal il-kelma pushback fil-vokabularju tagħna jħossu ‘irrabjat
u ssummat’ bir-ritratt ta’ Aylan, ma sar l-ebda sforz biex jiġu offruti aktar viżas
umanitarji jew għallinqas jitħaffef il-proċess.
Dan l-aħħar saret
moda biex jiġu demonizzati t-traffikanti.
Huwa assolutament korrett li dawn huma kriminali tal-ogħla grad, biss
naħseb ukoll li qed jintużaw bħala sempliċiment scapegoat. Min huwa ddisprat
f’artu jew f’art oħra tranżitorja li ma tirrispettax l-Konvenzjoni tal-Ġnus
Magħquda, b’mod jew ieħor se jsalpa – fuq bastiment jew zokk ta’ siġra.
Huma l-fruntieri
li jħallu lil dawn it-traffikanti jiffjorixxi.
Il-fruntieri mhumiex
naturali. Huma mibnija fuq il-mapep u f’moħħna, għax inħallu lil min
jibnihomlna u neħduhom bħala benfatt.
U huma dawn
il-fruntieri mżewwga mal-konvenzjonali u l-paranoja li ħallew lil Aylan
jinġabar mir-ramel flok jilgħab bir-ramel.
No comments:
Post a Comment