Friday, November 13, 2015

Migrazzjoni

Din id-darba kuntrarju għal dak li ġara meta ospitajna lil Bush u Gorbachev konna xxurtjati għax ħarġet ix-xemx minkejja li wasalna kważi f’nofs Novembru.  Il-pajjiż deher sabiħ f’għajnejn il-barranin fuq ir-ritratti u l-filmati, qisna dak l-għarus li għamel sitt xhur ma jixrobx inbid aħmar biex snienu jidhrulu bojod fir-ritratti tat-tieġ waqt li jitbissem.  U qisu riedna wkoll infakkru li minkejja aħna Ewropej daqs min ilu ħafna aktar minna fl-Unjoni Ewropeja, aħna wkoll Mediterranji.

Nistgħu wkoll ngħidu li għadda kollox b’wiċċ il-ġid, għax barra li deherna sbieħ, għal raġunijiet li ma jitwemmnux kemm nhar l-Erbgħa u l-Ħamis filgħodu t-traffiku minkejja l-ħafna toroq magħluqa kien aħjar mis-soltu.

Imma ‘l bogħod mill-problema tant serja tat-traffiku u oħtha l-parkeġġ, kull ma baqa’ f’ħalqi togħma morra.  Jekk irnexxielu joħloq xi ħaġa dan is-summit, kien li  jqanqal il-kżenofobija fil-poplu bħal kif darba seħħ bit-theddida tal-pushback lejn il-Libja ta’ għadda ta’ immigranti sentejn ilu imma għadha tant friska fil-memorja.

Il-medja ma tafx jew ma tridx turi ż-żewġ uċuh tal-migrazzjoni.  Malta tipproduċi emigranti u għandha immigranti bħal kważi kull pajjiż ieħor.  Bħal kif kemm tesporta u kemm timporta.  F’sajf li bilkemm rajna dgħajsa waħda tidħol fi xtutna erġajna bdejna nitkellmu b‘dik il-biża’ li għandna theddida ta’ gwerra wara biebna.  L-element umanitarju jiġi nfilsat b’mod li jġegħlek taħseb li aħna l-Malta u sħabna l-Ewropej jilqgħu lill-immigrant b’sens ta’ karità u qatt ma jissemma’ l-kontribut ekonomiku li dawn in-nies jagħtu kull fejn ikunu, inkluż ovvjament f’pajjiżna.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk in-nies li huma tant imbeżża’ mill-immigranti Afrikani huma nies li qatt ma ltaqgħu ma’ immigrant Afrikan f’ħajjithom.  Bħal dak it-tali li jibża’ tant mill-perikli tal-pajjiżi ta’ barra għax jisma’ ħafna stejjer imma qatt ma xiref passejn ‘il bogħod mill-gżira.

It-ton użat mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropeja lejn dawk Afrikani kien wieħed patronizzanti li jimbarazza.  Ma kienx hemm djalogu bejn in-naħa Ewropeja u dik Afrikana imma sempliċiment lekċer, ta’ xi ħadd fuq pjattaforma u ieħor fuq bank tal-iskola, oqgħodu kwieti ħa tisimgħu umbgħad ntikom il-ħelu.

Donnu ntesta li ħafna minn dawk li jterrqu d-deżert tas-Sahara u jirkbu fuq dgħajsa b’ta’ fuqhom senduqhom jagħmlu hekk biex jaħarbu minn dawn l-istess persuni.  Meta tant nisimgħu u ningħataw provi li ħafna drabi l-għajnuna li tingħata lil dawn il-pajjiżi rarament tasal fejn hemm bżonn, qed noffru lill-istess persuni ammont ta’ flus redikoli, wara li tant pajjiżi Ewropej ħasdu u serqu minn dan il-kontinent. 

Offrejna aktar inbid ħażin lil min jagħmillu ħażin l-inbid. 


Imma forsi wara li jisker bl-inbid iqum biex wara li jsawwat lil uliedu issakkarhom ġewwa u ma jiġux ħdejna.

No comments: