
Ninġemgħu gozz, min jimbotta xi ftit ‘l hinn u min jintrass ‘l hawn. Erba’ ljunfanti kapaċi jżommu linja dritta aktar minna. L-Inglizi aktar ħallewlna ċ-ċips fil-kultura tagħna milli sens ta’ kju, żgur. Forsi għalhekk Mintoff wara kollox neħħielhom il-bażi tagħhom minn hawn. Ħarrquh. U la nħaraq il-Perit ħraqna l-murtali biex niċċelebraw li telqu.
Tgħaddi minn quddiem bank, jew xi dipartiment tal-gvern, tara kju jew forsi aħjar ċorma nies tinġabar qabel waslu l-impjegati, qisek tipprova ssuq karozza qabel tixgħel il-magna. Imma tal-ewwel jieħu premju. Jibda l-ġurnata tal-kaxxier jew skrivan, li bħalu min jaf kemm jrid jħabbat wiċċu miegħu matul il-ġurnata. U wara jgħaddi għal tè u jiftaħar li kien l-ewwel. Iħobb ibakkar. Isarraf ċekk jew iħallas kont qisu sejjer għall-kaċċa. Dam aktar jistenna quddiem bieb magħluq milli kieku mar aktar tard, imma l-midalja tal-ewwel wara kollox ħadha hu. L-unur kollox.
Mitt elf magna u mezz biex jinqeda fil-kumdita, imma daqqa ta’ timbru aħjar minn kollox. It-timbru serħan tal-moħħ, bħal meta tara baqra ttimbrata, bla mad cow disease żgur din. Imma għat-timbru jrid jistenna. Jagħżel il-ħmara flok karozza u wara jgerger li wasal bil-mod. U jinħaraq. Imma m’għandux s-saħħa li kellu l-Perit u ma jkeċċi lil ħadd u jistenna kull darba jerga’ jkollu. U ħmar għalxejn toqorsu.
Imma għallinqas hemm kaxxiera titbissimlu meta jasal quddiemha.
‘Daqshekk biss juża ilma’, tkun qed tgħid bejnha u bejn ruħha. Ħarsa minn taħt il-għajn lejn il-kundizzjoni tal-flokk tas-suf u l-odur jikkonfermawlha d-dubji.
U t-tbissima tinbidel f’daħka.