Thursday, November 8, 2007

Ġustizzja Għawdxija


Stenbaħt fis-sitta ta’ fil-għodu. Nixref saqajja mill-kamra tas-sodda u nħoss l-ilma taħt il-pala ta’ saqajja. Nħares l-isfel u nara għadajjar sħaħ ta’ ilma. Ndur lura lejn il-kamra tas-sodda ħa nxidd flipp-flopp u nipprova ninvestiga minn fejn ġej dan il-gelgul. Nidħol fil-kamra tal-banju u niskopri s-sors tal-qatgħa ta’ dal-għodu. Flushing tat-toilet jobżoq l-ilma bħall-iljun ta’ xi funtana. Nipprova nagħlaq il-vit ta’ taħt izda l-washer jirrispondi bħal xiħ ta’ tmenin sena li ssaqsih biex jagħmillek erba’ gabrijoli. Bi prattiċita u esperjenza ta’ novizz inċempel lis-sid ħalli jiġi jsewwi dan id-diżastru.

Lil sieħbi nqajjmu bil-konversazzjoni aġitata tiegħi fuq il-mobajl u ftit wara jilqa’ huwa lis-sid. Dħalna xi tlett siegħat ilu u t-tnejn tajjarna n-nagħas. Is-sid jirranġa xi ħaġa u jaqbad mopp mill-gallarija biex jneħħi l-ilma. Wara li mingħalina li lest, niftħu l-kamra tas-sodda ta’ seħibna l-ieħor li sa issa t-tgergir tagħna għadu ma daħalx fis-subkonxju tiegħu u nsibu anke l-kamra tiegħu mimlija bl-ilma, bil-ħwejjeġ tal-lejl ta’ qabel mixħutin mal-art u b’hekk għasra. U l-ħwejjeġ għasra qishom biċċa drapp ħamra quddiem barri u t-tgergir ġustifikat jiżdied u s-sid jiġih fl-aħħar ftit sens komun u jaċċetta li jtina appartament ieħor.

Nitilgħu sular u il-veduta mill-gallarija tpaxxiek u tnessiek li ġewwa jiġbdek daqs daħka ta’ anzjana bla snien. Veduta ta’ miljun lira u saqaf ta’ għaxar liri li laqgħa żebgħa l-aħħar li ra meta l-istess anzjana kienet għadha bis-snien. Inbena bil-ħsieb li jinkera u jagħti tifsira elokwenti ta’ minimaliżmu. Mal-ħajt hemm xi żewġ inkwatri kollha susa mwaħħlin li jsebbħu daqs ponta fuq wiċċ addoloxxenti.

* * * * *

Ninżlu sax-xatt u nieħdu ftit kolazzjon li tikkonsisti f’tazza larinġ tal-pakkett u biċċtejn ħobż mixwija. Wara naqtugħa li nagħmlu mixja – mixja x’aktarx qasira għax tnejn minn tlieta, jiena nkluż qegħdin b’flipp-flopp. Nitilgħu t-taraġ ta’ mal-blat tax-Xlendi imma jwassalna sal-għar biss. Għandna aptit niċċaqalqu aktar u nibdew telgħin b’mod vertikali mal-blat. Nitilgħu passejn aktar u l-veduta tisbieħ, tħoss l-arja friska f’imnifsejk, u s-serenità tiddomina. Nitilgħu ftit aktar u naraw xi nassab l’hemm u l’hawn li jtuna ħarsa ta’ wieħed li qiegħed tirfislu fuq il-kallu. Tħoss il-ftuħ enormi umbgħad tara għasfur jitqabad ġo gaġġa. Meta John Lennon kiteb ‘Free as a bird’ żgur ma kienx ix-Xlendi jew f’Malta.

Nindunaw li tlajna il-fuq mhux ħażin u din id-darba għan-niżla mhux kull qaddis jgħin għax m’għandniex aptit nitgerrbu. Nimxu minflok mal-mogħdijiet u nsibu t-toroq asfaltati li x’aktarx jieħduna lejn ir-Rabat. Ftit wara nsibu tabella li tinfurmana li qegħdin Santa Luċija, imma ma naraw l-ebda appartament tal-gvern, bħal f’Santa Luċija ta’ Malta. Nibqgħu mexjin u niltaqgħu mal-moħħ entreprenerjali ġenjali Għawdxi fil-forma ta’ kaxxa tal-luminata mwaħħla ma’ dar privata. Nidħku ftit bejnietna bħal kif jagħmlu l-Ingliżi meta jaraw xi ħaġa Skoċċiża, għax il-vending machines Malta ma’ xi ħanut ssibhom mhux mad-djar privati. Hemm wkoll kaxxa vojta ħalli l-flixkun vojt tpoġġieh hemm u tqalla tlett ċenteżmi oħra lis-sid. Wara d-daħk iżda nirrealizzaw li wara kollox din il-kaxxa se taqtagħlna l-għatx.

Nimxu u nterrqu ftit ieħor, naslu r-Rabat u nibqgħu sejrin lejn ix-Xewkija, fejn bi ħsiebna naraw il-logħba tal-Arsenal. Ftit wara tiġi l-pizza li l-kaloriji tagħha ġustifikata bil-mixja ta’ aktar minn sagħtejn. Nħares barra u nieżla xita bil-qliel. Wara l-ilma fl-appartament ta’ fil-għodu ssir ġustizzja magħna u niskansaw tixriba bi żbrixx.

Kull deni ħudu b’ġid.

No comments: