Saturday, November 17, 2007

Għalik zi...


Niftakrek tixxkatla u ż-żebgħa tisparixxi minn mal-ħajt. Titla’ sellum qisek qiegħed titla’ taraġ wiesa’, u ttiha b'xi kazzola jew pinzell. Niftakrek fil-bidu taghmel il-post tagħna, fi żmien li kont tiġi l-Ħadd. U s-Sibt ta' qabel kien jkun qisu l-Milied, kont tiġi torqod għandna ma' martek u ziti. U dejjem ġġib xi ħaga miegħek qisek obbligat, meta l-pjacir kont qiegħed tagħmlu int. U kont nistenna s-Sibt mit-Tnejn.

U niftakar għedtlek biex toqgħodli parrinu għall-Griżma tal-Isqof. U inti aċċettajt u naħseb fraħt ħafna għax l-ewwel darba mid-dehra li qgħadt parrinu lil xi ħadd. Ġejt minn kmieni dakinhar u wara nofsinhar erħejnielha flimkien lejn ir-Rotunda. Iċ-ċerimonja kienet twila, twila ħafna u inti bi ġlekk u ingravata qisek liebes xalpa fl-eqqel tas-sajf ħassejtek skomdu u niftakrek toħrog inkiss inkiss ta' malajr ħa tieħu ftit ilma minn xi każin. Ma tantx domt, m’għedna ‘l ħadd, ħallejnieha bejnietna u ftit wara tlajt miegħi quddiem il-qassis. Għaddiet iċ-ċerimonja u morna lura d-dar għall-festin u dak inhar kienet it-Tazza tad-Dinja tal-Italja u l-Ingliżi kienu kontra l-Kamerun fil-kwarti tal-finali. Nġabar kważi kulħadd quddiem it-televizjoni u qiegħed ngibek bħalissa quddiem għajnejja tħabbat mal-koxxa tal-bieb meta David Platt fetah l-iskor.

Jien tfarfart u inti kbirt. Xtrajt appartament għalija u ġejt għal darb'ohra tbajjaduli int.

Sena wara sena, Milied wara Milied niġi għandek f'dar li semmejtha għalija ħa nagħtu l-Milied it-Tajjeb lil xulxin u martek avolja kbirt baqgħet tlestili rigal. Inti turini x'żidt fil-kamra ta' fuq il-bejt fejn tħobb tqattagħha, u tara xi film antik tal-Western. Wara nerġgħu ninżlu, inti tieħu grokk ma' missieri u jien nieħu xi ħaġa ħafifa għax il-lejl ta' qabel inkun ħadt erbgħa mhux hazin u l-istonku ma jiflaħx aktar xorb irqiq. Jsir il-ħin u nerġgħu nixtiequ il-kumplament u aktar tard il-ġimgħa jkun jmiss lilek tiġi għandna.

F’nofs din is-sena ma bqajt tixxkatla, ma bqajtx taħdem u l-kankru xkatlak minn ġewwa u bħal ħitan li kont tixxkatla int ma bqajtx tingħaraf. It-Tlieta rajtek tal-aħħar u inti ma rajtnix, u llum tajtek l-aħħar tislima fil-funeral tiegħek. Qrajtlek l-ewwel qari, u min jaf smajtnix?

Xahar u ftit ieħor il-Milied u naf li mhux se jkun l-istess bħal ta’ qabel. Pastur prinċipali tal-presepju issa nkiser, u s-seħer tal-kewkba naturali tiddi qiegħda dejjem tmajna.

Strieħ, strieħ Lel.

2 comments:

Anonymous said...

Qrajtha issa din. Prosit tassew. Tolqtok vera mill-qalb storja bhal din. Qisni ilni naf lil zijuk ghomri kollu. Naqsam, ftit tard dan il-mument ta' dieqa mieghek u nixtieqlek kull risq u kuragg minkejja li issa m'ghandekx bzonn daqshekk risq ghax ghandek gwardjan iehor fis-sema jiehu hsiebek. Sahhiet u hadt pjacir li iltqajna.

Jacques (j'accuse)

Anonymous said...

Kelmiet sbieħ. Vera jidher li kien persuna importanti ħafna fil-ħajjtek. Kondoljanza.