Thursday, November 1, 2007

Il-programm


Il-klabb huwa l-ħobż u l-ilma tiegħu. Bħalhom it-tnejn jgħajjxu u jħallih għaddej ġurnata wara ġurnata. It-tim jirrapreżenta x-xampanja ta’ ħajtu, dak li tah ħafna x’jiċċelebra matul is-snin, u sodisfazzjon personali għax ħassu parti minnu. U din ix-xampanja kultant kienet tiġi ridotta għal flixkun inbid, jew anke għall-ħall, tajjeb biss biex titfgħu fuq il-patata moqlija. Iżda dejjem kien hemm.

Dan il-ġenn u tip ta’ ħajja wirtu minn missieru. U f’dan il-wirt kompla jinvesti ħafna emozzjoni u rdoppja l-wirt oriġinali. Minn mindu daħal l-ewwel darba f’Anfield, intrebaħ darba għal dejjem. Il-ħaxix aħdar naturali maqtugħ b’tant reqqa kien l-ewwel ħaga li ra u li kien tant differenti minn dak tal-biċċa ġnien li kellhom fuq wara tad-dar. In-nies fil-Kop kollha ma’ xulxin u jkantaw f’kor wieħed mmeraviljawh, il-players lebsin kollox aħmar ħabbtulu qalbu aktar mis-soltu u fuq kollox l-għajta tan-nies kollha meta sar il-gowl. Leħen jidwi mal-istadju kollu qallhom li l-attendenza kienet ta’ 40,391. Numru infinit għalih, u hu ħaseb li laħaq professur għax tgħallem jgħodd mill-wieħed sal-mija.

U bis-saħħa ta’ din il-passjoni, dar u vvjaġġa f’ibliet u pajjiżi diversi. Il-mezzi tat-transport kollha darhom. Tal-linja meta jilgħabu f’Anfield, ix-xarabank għal xi logħba f’belt qrib, u t-tren meta ċ-ċirkustanzi jieħdu lit-tim lejn Londra. U ovvjament l-ajruplan meta barra l-pajjiż. Barra li eseperjenza bliet u pajjiżi ġodda ltaqa ma’ nies u għamel ħbieb differenti. U anke sar wiċċ partikolari fil-folla, għax lealtà bħal tiegħu titlob rispett. Fost dawn il-ħafna kien hemm tnejn partikolari – John u Bill. Bħalu ffissati imma l-imħabba u l-lealtà tagħhom kienet tinqasam mal-mara u uliedhom. Paul kien għażeb, u kultant kienu jiġbdulu saqajh meta se jsib dik il-waħda. Ommu li għadha ħajja żgur qiegħda teħodlu rasu fuq hekk. B’tbissima fuq wiċċu kien jweġibhom li għadu ma ltaqax ma’ waħda li taf bl-amment il-ħdax tat-tim li rebaħ l-FA Cup fl-1965. U t-tlieta kienu jinfaqgħu jidħku qishom semgħu lil xi ħadd jitlob li x-xemx tibda titla’ f’nofs il-lejl.

Dak it-tim tal-1965 kien jħobbu wisq. Tal-ewwel dejjem tal-ewwel, bħal l-iben il-kbir tal-familja. Kienet l-ewwel darba li missieru ħadu Londra, l-ewwel darba li mar Wembley u fuq kollox l-ewwel darba li Liverpool rebħu l-FA Cup wara tant snin ta’ stennija. Għadu s’issa ma jafx kif missieru akkwista l-biljetti tal-okkażjoni meta kienu skarsi aktar mill-qamħ fil-gwerra. Meta missieru urieh il-biljetti l-ewwel darba, ħass għaxar Milidijiet f’daqqa u kkonvinċa lil missieru jħallieh jraqqad il-biljetti miegħu taħt l-imħadda ħalli jekk tieħu n-nar id-dar jkun jista’ jsalvahom żgur. Bix-xieraq is-sieħba tiegħu tkun taf ħdax –il isem li tawh tant meta kien għadu tant żgħir. Lawrence, Bryne, Strong, Yeats, Stevenson, Callaghan, Smith, Thompson, Hunt u St John. Faċli u instintivi daqs numru tat-telefon. Ma kienx qiegħed jitlob ħafna imma s-sens komun kultant mhux daqstant komuni. Il-kanarin kultant għalxejn tiftaħlu l-bieba tal-gaġġa.

Ma’ John u Bill dar ħafna. Fl-1977 marru Ruma għall-ewwel finali tat-Tazza tac-Champions. Kienu marru bit-tren u damu sejrin kważi tlett ijiem. Meta waslu fil-għodu kienu żaru l-Colosseum. U quddiem dan il-post tal-meravilja ordnaw platt spagetti u hemmhekk tgħallmu li fuq l-ispagetti zalza ħamra tagħmel u mhux HP Sauce. Tal-egħġubijiet! Imma fil-għaxija stgħaġbu aktar meta raw lil Emlyn Hughes jgħolli dik it-tazza tant kbira u tleqq. U wara marru sa fejn it-Trevi u l-estasi niżlithom jinħaslu fiha. Finali wara finali vvjaġġaw flimkien u l-inbix ta’ xulxin kien jirriduċi vjaġġ ta’ siegħat sħaħ f’siegħa singulari.

Lejn Vladikavkaz fir-Russja Paul kien mar waħdu. Hu u sebgħa u tletin partitarju oħra marru hemm. Meta mar l-ambaxxata Russa biex japplika għall-visa, l-iskrivana ħassritlu biex ma jmurx. Rasu kienet ġa deċiża imma. F’qiegħ qalbu kien jaf li dan il-vjaġġ se jqallgħu penz mill-kbar li se jtih rank għoli u saħħa meta jkun qiegħed jiddiskuti fil-pub.

Lejn Sunderland dan l-istaġun kienu fuq tren it-tlieta flimkien. Paul ma kienx moħħu wisq f’inbix. Fuq ix-xellug tiegħu kien hemm persuna. Taha bejn tletin u erbgħin imma donnha l-ħajja ma tantx tatha fuq wiċċha, kien pjuttost lixx kważi tari.. Xagħarha iswed miġbud biżżejjed biex għajnejha kannella kbar jispikkaw iżjed, u widnejha żgħar ma tgħattewx kif ma tgħattewx zewġ fossos żgħar bħala imsielet. Liebsa flokk iswed, donnha qiegħda żżanznu llum, jeans blu u Adidas abjad f’saqajha. Taf li għal-logħba ma jmorrux tkaken ħaseb bejnu u bejn ruħu Paul. U flok jinbex taha għad-diskussjoni, juża kliem tqil kemmxejn filosofiċi għal dak il-ħin tal-ġurnata. Veru li għandu passat trejdunjonistiku iżda dal-għodu donnu bela’ ktieb ta’ Sartre minflok it-te’.

Fil-half time dam ħafna iżjed mis-soltu sabiex jġibilhom xi ħaġa mill-bar, u lura bi tlett tazzi f’idejh tiela’ tarġa, tarġa lejhom kellu daħka ta’ żebrinott li għamel xi ħaġa ħażina minn taħt. U wara l-gowl ta’ Voronin, ħareġ il-mobajl mill-but u bagħat messaġġ. Dam jistenna bil-mobajl f’idu sakemm daqqlu biex jurih li rċieva messaġġ huwa din id-darba. Għal xi ħadd li l-mobajl pjuttost invenzjoni żejda kien atteġġjament kemmxejn stramb. Fuq it-tren lura lejn id-dar l-istess waħda tal-flokk iswed kienet kumbinazzjoni fis-sidieni ta’ ħdejhom. U flimkien ma’ Sartre, il-kwotazzjonijiet sarkastiċi u umoristiċi ta’ Bill Shankly darhom waħda wara l-oħra. U l-udjenza ma tantx dehret li kienet huma.

Il-ġimgħa ta’ wara ma kellhomx jiltaqgħu. John u Bill siefru bin-nisa sa Ċipru għal ftit xemx. Malli waslu lura John ċempel lil Paul ħa jiftehmu għal-logħba li jmiss.

- Hello, Paul?
- Hawn John, kif mortu Ċipru?
- Tajjeb, tajjeb, dnub li ma ġejtx magħna. X’ħin se niltaqgħu s-Sibt li ġej?
- Ermm, mela ġejjin intom. Ħsibtkom se ddumu ħmistax mhux ġimgħa Ċipru u lħaqt ftehmt ma’ xi ħadd u sejrin bil-karozza tiegħi flok bit-tren.
- Ma ġara xejn Paul, narawk hemm mela.

Bilkemm laħaq qata’. Dlonk ċempel lil Bill.

- Hello, Bill?
- Hawn John, x’għandna?
- Għandna n-nejk.
- Jaqaw, ma telax ħaxix Goodison Park?
- U le apparti. Tiftakarha lil Eva Perón?
- Min?!
- U dik li John kiel bil-ħars id-darba l-oħra.
- Eh iva, x’ġara?
- Mhux talli taf il-ħdax ta’ kontra l-Leeds tal-finali tal-1965 imma sal-programm tal-logħba għandha!

No comments: