Il-vuvuzuela kienet għamlet ħafna ħoss madwar id-dinja meta l-Afrika
t’Isfel organizzat it-Tazza tad-Dinja lura fl-2010. Bħalissa iżda fl-aħbarijiet internazzjonali
hija sfortunatament il-Venezwela li qiegħda tagħmel ħoss, li sfortunatament
l-istess bħall-instrument li għadni kif semmejt mhux wisq ħlejju.
Kont sorpriż ħafna meta rrealizzajt li hawn Malta fuq din il-blata tant
mili ‘l bogħod tinsab komunità ta’ Venezwelani, u wara ftit ta’ stħarriġ
irnexxieli niltaqa’ ma’ Venezwelana fuq patt ta’ anonimità fuq is-sitwazzjoni
straordinarja ta’ pajjiżha.
Din il-persuna, li għall-fini ta’ dan l-artiklu se nsejħilha Alejandra,
hija ta’ karnaġġjon ftit ismar, kważi kważi titfixkilha mal-Maltin, imma
l-lingwa Spanjola tagħha u forsi anke t-tbissima li tagħtik dirett f’għajnejk
meta tiltaqa’ magħha mill-ewwel jikxifha li ġejja mill-Amerka Latina. Kont aktar sorpriż meta Alejandra stqarret
miegħi li tikkalkula li f’Malta il-komunità ta’ Venezwelani tgħodd
mal-erba’ mija.
Il-Venezwela l-ewwel darba li ġibditli l-attenzjoni tiegħi kienet minħabba
l-mexxej kariżmatiku tagħha Hugo Chávez, li bħall-prim ministru
tas-sebgħinijiet f’Malta kien hemm min jadurah u min jobogħdu. Ma kellux triq tan-nofs. Illum Chávez ilu mejjet erba’
snin, u minfloku hemm eks-ministru tiegħu, Nicolás Maduro. Bħalissa, l-aħbarijiet internazzjonali
mimlija bl-aħbarijiet ta’ vjolenza f’dan il-pajjiż li kkawżat il-qtil ta’ kważi
mitt persuna waqt protesti u daqstant ieħor in-nuqqas ta’ ikel li qiegħed
iħalli lill-Venezwelani ibatu l-ġuħ.
Biex inkunu brutalment onesti l-vjolenza qatt ma kienet nieqsa f’Caracas,
il-belt kapitali ta’ Venezwela. U
fil-fatt, Alejandra stqarret miegħi li kienet iddeċidiet li titlaq
mill-Venezwela u tiġi f’Malta wara li ġiet mhedda b’arma tan-nar fit-triq
sabiex jeħdulha flusha. “Kont għamilt xi
sitt xhur inħossni ħażin ħafna u mbeżża’, wara dak l-inċident u spiċċajt ħadt
id-deċiżjoni li nitlaq art twelidi u lill-familja u nfittex ħajja aħjar
fl-Ewropa.” Meta staqsejtha kif minn
tant pajjiżi spiċċat f’Malta, weġbitni, “li kellha ħabib hawnhekk u għalhekk
il-fatt li diġà naf lil xi ħadd hawn f’kontinent ġdid wassalni lejn din
il-gżira.”
Ftit wara ma stajniex ma nkomplux fuq Chávez. Ma domtx ma ndunajt fuq liema naħa tal-miżien
Alejandra titfa’ lil dan l-eks president Venezwelan. “Chávez wiegħed ħafna imma għamel ftit. Iva veru, ta ħafna benefiċċji, imma l-mentalità
tiegħu kienet waħda limitata. Ried
jittratta lil kulħadd l-istess. Imma dan
wassal biex min jaħdem ħafna u min jaħdem ftit jaqla’ kważi l-istess. U għalhekk kisser il-motivazzjoni ta’ min
is-soltu jaħdem aktar. Ukoll jekk kont
taħdem mal-gvern bħal kif inhi ommi bħala għalliema, kien jagħmillek pressjoni
psikoloġika kbira biex tivvota lilu. U
aktar minn hekk il-pulizija taf tiġi tħabbatlek il-bieb biex tilbes l-aħmar u
tmur fil-pjazez biex fil-midja internazzjonali jidher li l-poplu jħobbu.” Li jagħmel aktar diffiċli biex tifhem kif dan
il-pajjiż qed ibati mill-faqar huwa l-fatt li dan il-pajjiż għandu wieħed
mill-akbar riservi ta’ żejt fid-dinja.
“Aħna ngħidulu l’oro negro,
id-deheb iswed. Ta ħafna minnu b’xejn
lill-pajjiżi ħbieb tiegħu bħal Kuba. U
ta’ madwaru min jaf kemm gawdew.”
Imma fi żmien Chávez ngħidilha l-iskarsezzi bażiċi li hemm ma
kienux jeżistu. “Hekk hu. Tħobbu jew tobogħu Chávez kien bniedem
intelliġenti ħafna. Kien jagħmel kollox
bil-mod. Maduro, l-president attwali xi
ħaġa oħra. Dan qatt ma studja. Kulma kien xufier ta’ trukk, u issa għax kien
qrib ta’ Chávez spiċċa fit-tmun ta’ pajjiż ta’ erbgħin miljun. U jrid ibiddel kollox f’salt.”
Il-paga minima tal-Venezwela żdiedet tlett darbiet matul din is-sena. L-aħħar darba żdiedet b’50%. Ukoll
paga ta’ xahar tlaħħaq kważi 98,000 bolivar. Tinstema’ inkredibbli. Imma meta l-inflazzjoni hija ta’ 720%,
iż-żerojiet jiswew ftit aktar mix-xejnijiet.
Ukoll, skont id-dolartoday.com li hija sors mhux uffiċjali imma li
jintuża ħafna mill-Venezwelani, 98,000 bolivar jiswew daqs $10.44 jew €9. U b’dawn l-eluf ta’ bolivari x’tista’ tixtri?
Hawnhekk Alejandra tanima ruħha mmens.
Taqbad karta u tibda tniżżel xirja bażika għal familja ta’ tlieta
min-nies. Forsi anke aħna nagħmlu
l-listi qabel ix-xirja. Id-differenza
tal-lista ta’ Alejandra hija li fiha wkoll il-prezzjijiet. U tibda: kilo ross: 6,000 B, kilo pasta:
10,000 B, tiġieġa: 20,000 B, kilo zokkor: 6,000 B, kafè: 12,000 B, kilo laħam
(lussu kbir): 30,000 B, ġobon: 10,000 B, ħobża: 2,000B, toilet paper: 20,000 B,
shampoo: 20,000 B. Din il-lista sempliċi
tellgħet il-kont għal 136,000 B. Allura
bilfors trid toqgħod mingħajr uħud minn dawn l-affarijiet bażiċi. Kulma semmejna kważi ikel.
L-ikel sar qisu droga. Kollox
bil-kuntrabandu. Il-ħwienet tant
għandhom ftit provisti, li nħolqu dawk li huma jsejjħu l-bachaqueros, li l-kapital tagħhom jippermettilhom jaħtfu l-ftit
provisti u jbiegħuhom m’għola s-smewwiet.
U m’għandekx għażla oħra ħlief li tixtri mingħandhom, għax il-ħwienet għandhom
kjuwijiet ta’ kilometri.
“Il-kliniċi tal-biki. Lanqas alkoħol
biex jintuża bħala diżinfettant ġieli ma jkollhom. Siringi, xejn.”
Ħafna Venezwelani qegħdin jaqsmu lejn il-Kolumbja jew il-Brażil. Mhux b’ajruplan, għax jiswa wisq, imma jew
b’karozza, jew bil-mixi. “Aħna l-emigranti
salvazzjoni għall-familja tagħhna għax nistgħu nibagħtu xi ftit flus u tad-dar
ikunu jistgħu jixtru x’jieklu.”
Meta staqsejtha kif inhi s-sitwazzjoni għall-Venezwelani f’Malta, b’żewġ
daqqiet ta’ ras laterali, weġbitni li, “nsibu ħafna problemi fuq il-viża u
għalhekk diffiċli ssib impjieg li tixtieq u ttejjeb sew lilek innifsek għax
dejjem imdendla. Ukoll il-kera qiegħda
togħla wisq.”
U kif tieħu l-aħbjarijiet li jaslu mill-Venenzwela?
“Agħar. Ħafna, ħafna agħar inħosshom
minn meta kont hemm stess.”
Inbiddel ftit id-diskors biex nipprova nirritorna lejn it-tbissima tipika
Latina ta’ meta ltqajna fil-bidu u nistaqsieha f’hiex il-Venezwelani qed isibu
refuġju minn dan kollu. “Aħna nemmnu
ħafna f’Alla.”
F’sitwazzjoni bħal din bilfors tittama li l-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss.
Dan l-artiklu deher oriġinarjament fuq It-Torċa ta' nhar il-Ħadd, 6t'Awwissu.
No comments:
Post a Comment