Ibrahim, immigrant ta’ tletin sena, ilu Malta daqs seba’ snin, u ġej minn pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq li ma tantx jissemma. Jitkellem b’Malti diċenti, u ma jersaqx lejn it-Tiger Bar. Għadu bla karti uffiċjali, u ta’ fuqu ħafna drabi jkunu senduqu għax lanqas sempliċi kont il-bank ma jista’ jiftaħ. Wara sena detenzjoni, mar fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Ma tantx dam hemm, għax la rriskja ħajtu biex jitlaq mil-Libja, għalih ma kienx jagħmel sens li jgħix ħajja tat-tieni klassi. Sab xogħol, li sa issa għadu fih, u ma’ sieħbu sab jikri post f’Birżebbuġia.
Dam jgħix f’dan il-post f’Birżebbuġia
għal snin sħaħ u kien għoddu rabat qalbu ma’ dan il-post u raħal. Imma bħal ħafna drabi f’ħajtu, kellu
jbiddel. Sid il-post iddeċieda li
jwaqqa’ l-post fejn hu u sieħbu kienu joqogħdu u għalhekk kien kostrett li jsib
kenn x’imkien ieħor.
Minn hawn u minn hemm sab
kenn f’appartament fil-Gżira ma’ żewġ ħbieb oħra. Minn kamra għalih, kellu jidra jaqsam kamra
ma’ ħaddieħor. Il-post tal-Gżira beda
jarah aktar u aktar bħala post temporanju.
Beda jfittex. Imma jew mhux
sajjied tajjeb jew il-lixka tiegħu billi ta’ kulur skur ħafna, ħafna jitfantsu
minnha, u meta jkellem lill-aġenti tal-proprjetà, aktar isib xuftejn
jingħalqu milli bibien jinfetħu. Imma
darba fost l-oħrajn, deher xaqq ta’ dawl.
Waqt ħafna tfittxija bħas-soltu fuq Facebook, sab aġent li tah widen. Qallu li għandu appartament f’raħal
fin-nofsinhar ta’ Malta u jekk irid jiltaqgħu biex jarah. Sadattant l-aġent bgħatlu xi ritratti
tal-post.
Għal darba l-aġent żamm kemm
kelmtu u kemm il-ħin, kombinazzjoni ftit rari.
Imma sfortunatament Ibrahim kellu jitqanna bir-ritratti ta’ fuq
il-mobajl. L-aġent infurmah li bħalissa
hemm xi ħadd li qed joqgħod fl-appartament u ma jistgħux jidħlu. “Imma tinkwieta xejn, daqt joħorġu. Issa jekk trid iżżommu, jekk jogħġbok
ħallasni €450. Jekk ma ttihomlix intih lil
ħaddieħor.”
F’ċirkustanzi normali, aġent
bħal dan ixxommu jinten aktar minn ħuta ilha maqbuda jumejn u tħalliet barra ‘l
bogħod mis-silġ. Imma meta inti stess
ikollok lixka li ħadd ma jrid, tibda tissuspetta li l-lixka tiegħek qiegħda
tinten u mhux il-ħuta, u tibda tikkonvinċi lilek innifsek li sa fl-aħħar se
jirnexxielek ikollok post diċenti għal fuq rasek.
Imma għaddew il-jiem,
il-ġimgħat u dan il-post li Ibrahim ħallas il-kapparra fuqu qatt ma rah. Ix-xahar inqabeż u minn wieħed saru tnejn.
“Min għandu l-post issa ma
jridx jikrih, se nipprova nsiblek post ieħor,” beda jgħidlu l-aġent.
Wara ħafna ripetizzjonijiet
ta’ din il-frażi, Ibrahim ried il-flus lura.
Imma din id-darba l-aġent la
kien mobbli u lanqas żamm kelmtu.
Fl-aħħar minuta l-appuntament beda dejjem jitħassar.
Ftit aktar wara, l-unika
tweġiba meta jingħafsu n-numru tal-aġent saret waħda awtomatika li tinformak li
l-mobajl huwa mitfi.
Ibrahim irrealizza li mhux
biss il-ħolma li jerġa’ jkollu post diċenti sfaxxat imma anke l-€450 li
tant għoroq għalihom saru rmied.
Staqsieni għall-għajnuna, u
bdejna billi flimkien żorna l-għassa tal-pulizija qrib ta’ fejn joqgħod biex
jagħmel rapport. Laqgħana membru
tal-korp tal-pulizija, li b’kortesija tkellimna fit-tul u wara li Ibrahim ħareġ
l-irċevuta, b’sorpriża tgħallimna li n-numru tal-karta tal-identità
kwotata kienet valida. Meta isem l-aġent
daħħaltu fis-sistema ta’ Google, sirt
naf li l-persuna huwa magħruf mill-pulizija u li fil-fatt kumpanija tal-aġenti
diġà tellgħetu l-qorti wara frodi u weħel sentenza sospiża.
Ġejna mgħarrfa li aħjar isir
rapport uffiċjali fir-raħal ta’ fejn il-post kien se jinkera. Wara ħafna drabi, li qisu Ibrahim u l-pulizija
ma bdewx jinftehmu sal-aħħar, iddeċidejt li nerġa’ nakkumpanjah. Ħadulu d-dettalji biex isir rapport uffiċjali,
imma l-pulizija dehret idejha marbuta u bla saħħa ta’ x’passi tista’ tieħu.
Sadattant Ibrahim irid
jerġa’ jmur l-għassa biex jgħaddi kopja tal-irċevuta għax fotokopja fl-għases
jidhru għadhom ma waslux, u tant ieħor mhux possibli li tintbagħat kopja ta’
din l-irċevuta bil-posta elettronika.
Ibrahim se jerġa’ jiftaħ
ferita u jieħu triq twila oħra lejn l-għassa.
Il-każ tiegħu ma jidhirx
uniku.
* L-isem ‘Ibrahim’ huwa fittizzju.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq It-Torċa tas-17 ta' Settembru, 2017
No comments:
Post a Comment