Deher inkredibbli
kif matul il-festival ta’ Glastonbury, fl-Ingilterra li seħħ fl-aħħar ġimgħa
ta’ Ġunju, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn seraq
ix-xena. Il-festival ta’ Glastonbury
huwa leġġendarju, għandu storja twila, u bla dubju huwa daqstant ieħor prestiġġjuż. Il-mużika hija l-arti li tagħti spettaklu
waqt dan il-festival. Madanakollu
politikant qanqal aktar nies b’sempliċiment diskorsu minn ħafna artisti
b’instrumenti ta’ kull xorta u ilħna sofistikati.
L-arti fiha
nnifisha tista’ tintuża bħala ħarba mir-realtà, kif ukoll bħala mezz
biex wieħed ifakkar fil-ħajja ta’ kuljum u jara kif jista’ jbiddel, jevolvi jew
iħalli kif inhu.
Hawn Malta,
sfortunatament ħafna drabi, l-artist, kemm mużikali, letterarju u f’kull qasam
ieħor joqgħod wisq ‘il bogħod mill-politika.
Jgħid jew jagħti x’jifhem li jibża’ li jiċċappas mal-politika. Imma fir-realtà, l-politika (fis-sens
wiesa’ tagħha u lil hinn mill-partiġġjaniżmu) mhix sempliċiment il-ħajja ta’
kuljum? Jekk tibża’ tiċċappas bil-ħajja ta’ kuljum, għaliex toħloq l-arti? Għaliex forsi wkoll anke jekk mintix artist
toħroġ lil hinn minn darek? Hawn min
iwieġeb li għalih hija l-imħabba li hija l-forza l-aktar qawwija li ġġiegħlu
joħloq l-arti. Imma l-imħabba,
bl-universalitajiet kollha tagħha hija wkoll parti mill-ħajja ta’ kuljum u
sussegwentament il-politika. Forsi,
tidher stramba, imma staqsi lil xi ħadd li jħobb persuna li għandu orjentazzjoni
sesswali differenti minn dik li s-soċjetà kklassifikat bħala n-norma, u ara
l-imħabba tiegħu ssibx ħafna ħitan minħabba l-politika li hija msawwra mhux
biss mil-politikant imma mis-soċjetà kollha kemm hi, fi kliem ieħor jiena u
inti. Għax ukoll minkejja li ħafna
liġijiet jinbidlu, bħal kif qed isir f’pajjiżna, il-liġi tat-triq għandha
daqstant ieħor saħħa tirribatti dak li jgħaddi mill-parlament. Minkejja li issa ilha li għaddiet il-liġi
tal-unjoni ċivili u saħansitra liġi li tagħti drittijiet indaqs lil kull min
irid jiżżewweġ hija appik li tgħaddi, rarament f’Malta tara żewġ maħbubin
tal-istess sess jimxu għall-affari tagħhom id f’id.
Biss ukoll naħseb
dan huwa minħabba li l-bidla tieħu ż-żmien biex issir in-norma. Ukoll, kulħadd għandu jiġi trattat indaqs,
għax kull tip ta’ inġustizzja tiżbilanċja soċjetà u tnaqqas il-possibilità
tal-paċi. Kif qal f’diskorsu, Jeremy
Corbyn stess, “Meta n-nies mid-dinja kollha, jaħsbu u jikkooperaw lejn għan
wieħed, minkejja l-lingwa differenti tagħhom, il-fidi differenti tagħhom,
il-paċi hija possibbli u tista’ sseħħ. U
tafu xiex? Ejja nieqfu nżebilhu
lir-refuġjati, nies li qegħdin ifittxu post ta’ kenn minn dinja krudili u
perikoluża. Dawn huma kollha umani
daqsna li qegħdin hawn illum. Qegħdin
ifittxu posta’ sigur u fl-istess ħin jaraw kif se jagħtu kontribut lejn
il-futur tagħna lkoll, mela ejja ngħinuhom f’dan il-mument li għandhom
bżonna. Dawn la huma theddida u lanqas
periklu għalina.”
Ukoll nemmen li
fuq din il-blata bħalissa għaddejjin minn rivoluzzjoni kulturali. Il-mużika bl-ilsien Malti m’għadiex
mistmerra, u fejn sa ftit żmien ilu ċertu radjijiet kellhom prassi li ma
jdoqqux mużika Maltija, llum is-sitwazzjoni nbidlet. Għaliex il-lingwa li artist juża biex
jesprimu ruħu hija wkoll att politiku. Dak
li tgħid bil-Malti ma jinstemax l-istess meta tlissnu bl-Ingliż jew lingwa
oħra. Dan seħħ imma mhux għax
sempliċiment l-affarijiet inbidlu b’mod naturali, jew għax min għandu interess
finanzjarju ħadem għal dan. Bħal kif qal
Jeremy Corbyn f’diskorsu, “Il-klassijiet għolja u dawk tal-poter f’idejhom qatt
ma tawna xejn b’xejn. Kull ħaġa li
ksibna, nkisbet għax hemm isfel kien hemm min xtaq u ħadem għal ħajja aħjar, u
talab biex jingħata l-parti tiegħu mill-ġid li ħoloq hu stess. Għalhekk kollox jiddependi minn kif aħna
naqsmu l-ideat tagħna. Hija bl-unità li
nirnexxu. Aħna ninspiraw ruħna b’ħafna
affarijiet differenti. F’kull tifel hemm
poeżija, u f’kull tifel hemm tpenġija, u f’kull tifel hemm il-mużika. Imma hekk kif in-nies jikbru fl-età,
iħossuhom imbarazzati u jgħidulek, ‘u jien għadni t’hekk? Ma jistax ikun li nibqa’ nikteb
il-poeżija.’ Imma le, jiena rrid li
t-tfal tagħna kollha jkollhom id-dritt li jitgħallmu l-mużika, jiktbu l-poeżija
u li jpinġu kif jixtiequ u kif iridu.’’
Jekk Corbyn
spiċċa jikkwota lil Shelley, ‘’Qumu bħall-iljuni wara raqda, f’kotriet li ma jistgħux
jintgħelbu, tfarfru mill-ktajjen qiskom qed tfarfru minn fuqkom in-nida, li
niżlet fuqkom waqt ir-raqda, - intom ħafna, waqt li huma waħdiet”, jien se
nikkwota lill-band Maltija l-Brodu, li jfakkruna fina nfusna b’dawn iż-żewġ
linji:
‘Jien
antikapitalist, nisrani u ambjentalist
Insalva lid-dinja
kollha, u ġo dari mietu kollha.’
Inkomplu nikbru
meta nħarsu lejna nfusna fil-mera.
Bl-arti.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tas-16 ta' Lulju, 2017.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tas-16 ta' Lulju, 2017.
No comments:
Post a Comment